6 minute read
Intervista mal-influencer Raisa ta’ My Trio
from GWIDA MAY 2021
RAISA TA’ MY TRIO
Advertisement
Omm ta’ 3 itfal u influencer popolari!
Jekk għandek Instagram mela żgur taf min hi Raisa! Il-profil tagħha jismu My Trio u hu ddedikat għat-tliet ulied li għandha. Lil Raisa jsegwuha ħafna nisa Maltin u dejjem ikollha xi pariri siewja għalihom! Tkellimna ma’ Raisa fuq uliedha u dan il-mezz soċjali.
Raisa, bħala omm ta’ tlieta, tista’ tirrakkontalna t-twelid tat-tliet ulied?
Ħriġt tqila meta kelli sbatax-il sena u kelli lil Zyas. Kont qiegħda f’relazzjoni oħra u naħseb li kien l-aktar twelid tal-biża’ li esperjenzajt għax kont żgħira. Ma kellix idea ta’ x’inhu ġej għalija! Ħakmitni biżgħa kbira għax min jgħidlek li ser jiġri mod u min ieħor. Xtaqt lil ommi tidħol fis-sala tal-ħlas, biex tara kemm bżajt! Minkejja l-biża’, il-ħlas kien normali u nista’ ngħid li Zyas kien l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti.
Imbagħad meta kelli lil Paris, kellna bokka kbira għax kienet l-ewwel tifla fil-familja kemm min-naħa tiegħi u anke min-naħa tar-raġel. Eiva Joï, domt neqred ħafna għaliha u insistejt li jkollna t-tielet tarbija! Ir-raġel ma xtaqx iktar tfal u jien għedtlu li din kienet tal-aħħar. Eiva Joï ġiet b’ċesarja. Sfortunatament weħlet taħt il-kustilji u ma setgħetx toħroġ. Tal-inqas mar kollox sew. Nixtieq ngħidlek bi twelid ieħor imma għad m’għandix!
Int tixtieq ieħor?
Nixtieq b’saħħa ieħor! Imma sħabi u tal-familja kulħadd kontrija, anke s-segwaċi tiegħi jgħiduli li m’għandix ikolli ieħor. Ngħid li għandhom ftit raġun għax wasal iż-żmien li ngawdi r-raġel, għax il-problemi tat-tfal għad iridu jiġu. Imma meta nara tarbija ninsa kollox u ma jkun jimpurtani xejn ħlief li nkun tqila. Li qed jiġrili hu, qed nara lil Eiva Joï tikber u qed nimmissja li nrabbi tfal żgħar. Trid tqis li minn mindu kelli 17-il sena dejjem b’tarbija mħaddna miegħi. Imma issa naraw, f’idejn il-Bambin!
Imma x’tagħmel kieku minħabba li l-Instagram jismu My Trio?
Diġà ħsibt għall-isem ta! Inbiddel l-isem għal My Quadrio. Ilni nimmaġina l-gender reveal, b’dik ilbużżieqa kbira, vera nixtieq! Ir-raġel jibża’ minni u meta nagħtih xi weekend break, jgħidli “Aħrab ’l hemm, mhux ġej!”.
Bħalissa qed taħdem biex tmur ġo dar ġdida?
Iva, ilni ndur minn post għall-ieħor xi 3 snin. Bħalissa qed ngħixu l-Furjana ġo dar żgħira, imma dalwaqt immorru noqogħdu ġo post akbar. Ir-raġel moħħu fin-negozju u flok xtara appartament, xtara dar antika, waqqagħha, bena ħames sulari, tnejn minnhom għall-kiri u aħna ħadna l-kumplament biex ngħixu komdi peress li qegħdin familja ta’ ħamsa. Taħsibha faċli imma ma kinitx fil-każ tagħna għax il-maltempati kienu kbar. Il-covid m’għenitx, żewġi kellu jieqaf mixxogħol, kien jaħdem ġo ristorant Marsaxlokk. Waqt il-pandemija fetaħ negozju ieħor La Loggia u s’issa sejjer tajjeb. Tal-inqas missieri għenni ħafna u wasalna fil-final.
Ilna li xtrajna dan il-post erba’ snin, u f’dawn is-snin għamilna sena għand il-kunjata, għext sena ġo studio appartment, is-sena l-oħra morna ġo appartament San Ġwann b’kirja għolja ħafna u issa l-Furjana. Hawn, il-post żgħir, kulma għadna sodda waħda, mgħaffġin u niżbarazza bla ma nieqaf. Ngħodd il-ġranet biex immorru noqogħdu fid-dar il-ġdida. Għamilt kollox għattfal biex ngħixu komdi imma kienet wisq iebsa. Grazzi għall-kunjata li kienet tieħu ħsieb it-tfal waqt li naħdem żewġ xogħlijiet u missieri li ħa ħsieb il-manutezzjoni kollha.
It-tfal kif ħaduha din?
It-tfal tiegħi qatt ma gergru minn xejn! Qatt ma qaluli xejn minħabba li m’għandhomx kamra għalihom. Qatt ma kelli tfal li għamluli ħajti diffiċli għax m’għandhomx dar bħal ħaddieħor. Jgħinuni ħafna u m’għandix xi ngerger fuqhom.
Bħalissa mhux imorru skola minħabba l-Covid-19. Kienet ta’ stress għalik?
Xi kultant nirringrazzja lill-Bambin li x-xogħol tiegħi full-time huwa ta’ Instagrammer għax hekk inkun nista’ mmexxi u nqassam il-ħinijiet kif irrid jien. Anke hekk mhix faċli; li t-tfal ikunu 24 siegħa miegħek ukoll uġigħ ta’ ras. Imma fuqi personali, nista’ mmexxi u nġaħġaħha imma ma jfissirx li għax jirnexxili jien, ħaddieħor l-istess.
Dan ix-xogħol fuq Instagram, x’jgħidulek fuqu?
Jafuni mingħajr Instagram imma jafuni dejjem addict għar-ritratti. Għandi eluf ta’ ritratti żviluppati. Fil-fatt kull ritratt li għandi Facebook u Instagram hu żviluppat! Għand il-kunjata għandi kaxex kbar kollha albums tar-ritratti. Li nagħmel mat-tfal tiegħi, kienet tagħmlu miegħi ommi. Minn mindu kelli 4 snin, jien kont nagħmel ir-reklami, kelli karriera ta’ ħmistax-il sena mudellar u ommi dejjem tiġri bija. It-tfal hekk jafuni.
Infatti l-ewwel marka li ħabbtuli l-bieb kien stabbiliment tal-ħwejjeġ. Dawn bdew jaraw ir-ritratti li bdejt nitfa’ tattfal jilbsu dejjem pariġġ u talbuni biex niltaqa’ magħhom. Kulma kelli xi 400 follower u ma ridtx nemmen. Dawn emmnu fija u issa ilna 3 snin għaddejjin.
Niftakar Danita ta’ One chick and a yorkie ħajritni nibdel l-isem tal-paġna għal My Trio. Jien kont nistaqsiha ħafna mistoqsijiet fuq kif ħa nibda f’dan il-mistier u kienet tagħtini xi suġġerimenti fosthom dwar l-isem u biex niffoka fuq it-tfal. Hi ħarġet bl-isem! Bdejna u ġġennint...
Nibża’ biss li t-tfal ma jibqgħux jikkooperaw miegħi. Diġà bdejt nara lill-kbir jersaq lura mir-ritratti. Nixtieq li nibqgħu bħala tim u l-erbgħa li aħna.
Min-naħa ta’ xogħol, ġejt affettwata mill-Covid?
Tal-inqas jien mort aħjar bil-Covid. Meta faqqgħet il-pandemija jien kont tajt in-notice lill-kumpanija fejn kont qabel. Tlaqt fi Frar u Marzu bdiet il-Covid. Kont ser immut, imma l-klijenti tiegħi bdew iċemplu u bdew jirreklamaw miegħi. Bħala xogħol mort tajjeb, imma r-raġel mar ħażin ħafna. Jagħmel ftit deliveries filgħaxija imma xejn għal li kien qabel.
Ir-raġel jgħinni ħafna f’Instagram u jieħu pjaċir jieħu sehem miegħi. Vera jagħtini sapport u jibda jagħtini l-ideat! Issa vera ġie xogħol u m’għadux passatemp għax issa qed nitħallas.
Taħseb li l-influencers Maltin huma stmati?
Fuqi personali ma nistax ingerger, għax qatt ma kelli messaġġ negattiv. Għandi ħafna influencers ħbieb tiegħi li meta nara l-messaġġi li jirċievu nibda nitwaħħax. Messaġġi tal-biża’! Vera nħoss għalihom. Jien inħoss li n-nies iħobbuni u jgħiduli affarijiet personali tagħhom. Ġieli jistaqsuni pariri fuq ir-relazzjoni tagħhom u jien nara kif nista’ ngħin. Ikun hemm ħafna jistaqsuni fuq x’nista’ nagħmel biex il-partner jaċċetta wild minn ta’ ħaddieħor.
Hemm inkellimhom fuq Zyas u ngħidilhom li jien għandi relazzjoni tajba ħafna ma’ missier it-tifel.
Infatti f’waħda mix-xandiriet li tagħmel staqsewk fuq it-tifel tiegħek. X’kont għedtilhom?
Ma niddejjaqx nitkellem fuq hekk għax naf kemm nista’ ngħin nies. Dawn l-affarijiet ma jkunux pożittivi mill-ewwel ġurnata, ovvja, imma tant insistejt ma’ żewġi biex jaċċetta lil missier ibni li fl-aħħar nista’ ngħid li wasalt fejn xtaqt. Jien dejjem sħaqt li għal għeluq snin ibni, missieru jkun dejjem preżenti. Meta nfridt minn ma’ missieru, ħlift miegħi nnifsi li t-tifel qatt ma jgħid “għax jien?”. Kellna problemi bejnietna għax batejt imma ma daħħaltx il-ġlied tagħna mat-tifel. L-unika dispjaċir li għandi hu li ma stedintx lil missier it-tifel għat-tieġ u ma stedintux minħabba n-nies, u ara xi ġrali, iddispjaċieni!
L-isbaħ rigal li tajna lil Zyas kien meta għalaq 7 snin u r-raġel tiegħi u missieru qatgħu biljett għal Madrid biex imorru jaraw logħba football.
Jingwalaha tajjeb ir-raġel ma’ missier Zias?
Dażgur! Iċemplu lil xulxin... irsistejt ħafna biex naslu s’hawn. Ħadt ħafna keded ma’ żewġi biex jaċċetta u ma’ missieru. Għamilt 3 snin niġġieled fuq din il-biċċa bla waqfien imma rnexxieli. Tant għaqqadthom flimkien li ġieli jdejquni!
Qatt m’għandhom jeħlu t-tfal jekk relazzjoni ma ssalvax għax fil-verità la r-raġel u lanqas il-mara mhu ser ibatu daqskemm ibatu t-tfal!
Fittex lil My Trio fuq Instagram. Agħmel follow tal-paġna tagħha u skopri aktar dwar din l-omm simpatika! Nawgurawlek l-isbaħ xewqat f’Jum l-Omm, Raisa!