17 minute read
Intervista mal-kantanta li dalwaqt ser issir omm Raquel Galdes
from GWIDA MAY 2021
RAQUEL GALDES
Fl-2020 iżżewġet, bdiet Master’s, ċaqalqet iddar, ħarġet tqila u qabadha l-Covid!
Advertisement
Ritratt: Darrin Zammit Lupi
Raquel Galdes, għandha vuċi b’timbru li ma tistax tinsieh żgur. Fost l-ewwel dehriet tagħha kien hemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fejn rajnieha tkanta Mhux Pupa Biss fl-2013. Minn dakinhar ħadet sehem f’diversi festivals fosthom L-Għanja tal-Poplu u l-Malta Eurovision. L-aħħar darba li rajna lil Raquel tieħu sehem fil-Malta Eurovision kien fis-sena 2016 bil-kanzunetta Flashing Lights. Fl-2021 rajna r-ritorn tal-kantanta fil-festival Mużika Mużika bilkanzunetta Vizzju.
Lil hinn mix-xena mużikali, Raquel ingħaqdet fis-sagrament taż-żwieġ mar-raġel tagħha Christian f’Settembru tal-2020. Fl-eqqel tal-pandemija u b’ħafna qtigħ il-qalb, Raquel u Christian iżżewġu! Id-data oriġinali kienet ser tkun f’Ġunju imma l-koppja ddeċidew li jipposponu t-tieġ minħabba s-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien. Fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena, Raquel tħabbar li qed jistennew l-ewwel wild tagħhom. Iltqajna ma’ Raquel b’mod virtwali u staqsejnieha ftit mistoqsijiet fuq il-ħajja tagħha bħalissa, kif qed tipprepara ruħha biex issir omm u fuq il-karriera tagħha.
X’wasslek biex terġa’ tieħu sehem fil-festival?
Raquel: Kont ilni intella’ u nniżżel fil-verità. Kull sena li ma kontx nieħu sehem f’xi festival, kien jiddispjaċini li ma nkunx dħalt, imma kont naf li ma kienx wasal iż-żmien. L-aħħar festival li dħalt għalih, il-kanzunetta ma ħassejthiex li hi l-istil tiegħi u ma kontx komda. Iddeċidejt li nieħu pawsa qasira. Apparti minn hekk, ix-xogħol kien qed jeħodli ħafna ħin. Din is-sena, grazzi għall-kantant Aiden, li ħadt sehem. Ikkuntattjajtu jien biex nagħmlu kanzunetta flimkien, imma tant insista li nagħmilha u tkun tajba mill-bidu sal-aħħar li grazzi għalih dehret kif dehret. Kien hu li ġibidli l-ispaga.
Aiden iddeċieda kollox fuq il-kanzunetta?
Raquel: Niftakarni nċempel lil Aiden u ngħidlu li xtaqt kanzunetta. Hu jaf x’inhu l-istil tiegħi għax sifirna flimkien fuq kant. Wara ftit ġranet bagħatli silta mill-kanzunetta Vizzju u laqtitni mill-ewwel. Il-ġimgħa ta’ wara morna għand Cyprian Cassar u rranġalna l-kanzunetta, imma lestejna l-kanzunetta dakinhar tas-sottomissjoni. Lil Aiden kont kellimtu biex nieħu sehem xi ġimagħtejn qabel u kollox sar fi ftit ħin.
Intervista Intervista
Allura l-vizzju tiegħek x’inhu?
Raquel: Li nkun tard! Anke fil-festival kont ser inkun tard fissottomissjoni. Ma’ kull min tkellimt is-sottomissjonijiet kienu kollha lesti xi xahar qabel! Meta ċempilt lil Cyprian u għedtlu bil-kanzunetta baqa’ mistagħġeb, imma tal-inqas laħħaqna kollox. Kull min jaħdem miegħi drani issa.
X’kienu l-emozzjonijiet tiegħek fuq il-palk ta’ Mużika Mużika?
Raquel: Kienu sbieħ u le! Għoġbitni ħafna għax il-palk kien tal-ġenn! L-emozzjonijiet fuq dak il-palk enormi kienu xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Imma fl-istess ħin l-emozzjoni tal-festival li toħloq l-udjenza mmissjajtha immens! Tibqa’ tara kameras biss u li taf li hemm in-nies mid-dar qed jarawk, tbeżżagħni iktar. Nippreferi nara n-nies quddiemi u naf ma’ min qed nikkomunika. Wara l-kwinti kulħadd kien fil-kmamar tiegħu, jiġifieri ma tantx kellna l-opportunità li nitkellmu mal-kantanti l-oħra. Rajna s-serati minn fuq Zoom. Madankollu r-rispons li kelli kien wieħed tajjeb ħafna. Dik il-ħaġa li titla’ fuq palk, tinżel u ssib ħafna messaġġi sabiħa wisq. L-organizzazzjoni kienet stupenda u kollox sar b’reqqa. Ma nistax niddeskrivi l-pjaċir li ħadt, li kantajt wara tant żmien nieqsa. L-udjenza kienet l-unika element nieqes.
X’kien ir-rispons mingħand in-nies?
Raquel: Dejjem nistqarr li l-isbaħ ħin tal-festival ikun l-għada għax tiġbor il-kummenti kollha tan-nies. Naħseb din l-unika darba li rċivejt daqshekk messaġġi pożittivi, anzi kkumparawni mas-snin ta’ qabel u qaluli kemm għoġbithom il-kanzunetta. Vera apprezzajt il-mesaġġi kollha li rċivejt u kelli rispons vera tajjeb.
Smajna li dalwaqt ser toħroġ kanzunetta ġdida oħra.
Raquel: Iva! Aiden hu persuna li l-ħin kollu jimmotivak u minn dak li jkun, ikun jixtieq l-aħjar. Qabel kont ngħid, “issa nagħmel kanzunetta”, u ma kienet issir qatt. Iżda m’Aiden differenti. Jekk għedtlu xi ħaġa, ser nagħmilha bilfors għax hu perswassiv. Beda jaħdimli l-ewwel kanzunetta li ser noħroġ, ser tkun bil-Malti wkoll u għandi ġenn biex insemmagħha lin-nies.
Bħalissa qed tagħmel Master’s fuq Digital Marketing fl-Università ta’ Malta, kont qed tieħu sehem filfestival u ser tmur toqgħod ġo dar ġdida. Kif qed tlaħħaq?
Raquel: Dan kollu minħabba l-Covid! F’April kont spiċċajt id-dar bħal kulħadd. Kont iddejjaqt fejn kont qed noqgħod, ma flaħtx iktar u bdejna infittxu xi mkien ieħor. Kont ilni biex nagħmel il-Master’s u ħtaft l-opportunità. Kelli iktar ċans biex nieħu sehem fil-festival. Li ma kontx ċerta kien jekk jirnexxilix nagħmilhom f’sena waħda, imma tal-inqas qed inlaħħaq grazzi għall-familja tiegħi u għar-raġel. Sabiħ li jkollok ġurnata mimlija u jkollok x’tagħmel.
Fil-bidu ta’ Diċembru skoprejt li qed tistenna tarbija. Kif ħadtha?
Raquel: Niftakarni kont qiegħda nisma’ lecture talMaster’s. Kont ilni nara jekk inqbadtx tqila jew le imma r-riżultat kien dejjem ikun fin-negattiv. Kont ħadtha drawwa li nagħmel it-test filgħodu u għodwa minnhom waqt li kont qed nisma’ lecture tal-Università fuq Zoom, iddeċidejt li nkompli r-ritwal. It-test immarka żewġ linji u dak il-ħin ma ridtx nemmen. Mort inkompli l-lecture imma ma fhimt xejn. Qattajt il-ħin infittex u nara jekk dawn ittestijiet humiex ta’ min joqgħod fuqhom. Kont konvinta li kien hemm xi żball. Waqt l-istess lecture għamilt xi tliet testijiet oħra u kollha ġew pożittivi. M’għedt xejn lil ħadd! Ġie r-raġel Christian u għedtlu mill-ewwel! Għall-bidu ma riedx jemmen imma tista’ tobsor kemm fraħna xħin ikkonfermajna.
Fl-aħħar ta’ Diċembru, it-tnejn li intom ġejtu pożittivi għal Covid-19. Bżajt?
Raquel: Le u iva! Minkejja li ġejt pożittiva, t-tieni darba li għamilt swab ġie negattiv, allura ma kontx ċerta jekk kontx pożittiva għall-Covid-19. Min-naħa l-oħra r-raġel tiegħi baqa’ pożittiv u kellna bilfors ninfirdu għal ftit żmien. Din kienet kerha ħafna. Kien l-istess żmien fejn kont għaddejja bl-eżamijiet tal-ewwel semestru, allura l-eżamijiet u l-istress kelli naffaċċjahom waħdi. Spiċċajt imsakkra f’kamra u ma kelli xejn x’nagħmel ħlief li nistudja, tal-inqas mort tajjeb ħafna!
Ftit tax-xhur ilu skoprejtu l-ġeneru tat-tarbija...
Raquel: Fil-bidu ta’ Marzu għamilna qisu festin żgħir għallfamilja biex niskopru l-ġeneru tat-tarbija. Jien ma kellix ħsieb ta’ x’ser ikolli. Morna għand it-tabib dik il-ġimgħa u kitbilna l-ġeneru f’envelopp u bqajna sejrin biha għand tal-poppers. Hemm kienet ser tegħlibna l-kurżità imma żammejna. L-għada għamilna l-gender reveal u skoprejna li ser ikollna tifla! Jien vera xtaqt tifla u fraħt ħafna.
Iddeċidejtu fuq l-isem?
Raquel: Ilna li qbilna fuq l-isem. Qabel ma żżewwiġna, fil-bidu tar-relazzjoni tagħna, niftakar konna xtrajna ktieb tal-ismijiet tat-trabi. Christian kien jogħġbu Beatrice bħala isem u fil-qosor Bea, u għall-bidu ma bediex jogħġobni. Imma baqa’ jinsisti u issa sar jogħġobni. Raġuni ewlenija għala xtaqt tifla hija minħabba l-isem! Konna qed infittxu isem Spanjol minħabba li l-ewwel kunjom hu Galdes allura ma stajniex sibna isem aħjar!
Smajna wkoll li għamiltu xi patt flimkien minħabba l-kunjom Galdes!
Raquel: Iva dak kien patt bejnietna, li l-ewwel kunjom tagħna jkun Galdes imbagħad inżommu Briffa fl-aħħar. L-akbar inkwiet tiegħi f’ħajti kollha kien li ser nitlef kunjomi, vera kont niddejjaq. Ma’ kull ġuvni li kont noħroġ, kulħadd qalli le inkluż Christian. Imbagħad għamilna patt. Peress li hu jħobb ħafna l-Isla qalli li jekk niżżewġu u ngħammdu lit-tfal hemm, jieħu kunjomi... u ovvjament aċċettajt! L-aqwa li xorta ser jispiċċaw Gudjani!
Jum l-Omm dalwaqt. Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mal-mamà?
Raquel: Tajba! Niġġieldu ħafna imma tieħu paċenzja kbira bija. Niġġieldu għax it-tnejn rasna iebsa, imma jekk ġej festival u xtaqt libsa partikolari qatt ma qaltli le. Il-mamà taf tħit ħafna u għamilt wegħda miegħi nnifsi li f’kull ħaġa kbira li jkolli ngħid lil ommi biex tagħmilha hi. Infatti anke għat-tieġ għamlitli l-libsa tat-tieġ hi. Imnalla għamlitha hi, għax l-għodwa tal-ġurnata tat-tieġ qaltli biex nilbes il-libsa biex tara li kien kollox sew. Xħin pruvajtha indunajna li ma kinitx tajba, id-dublett kien wiesa’ u bdiet taqa’! Kellha tirranġahieli dakinhar tat-tieġ. Infatti għandna ritratt li jixhed dan. Tort tiegħi għax ma pruvajthiex qabel u spiċċajt ippanikjajt lil kulħadd!
Nistgħu ngħidu li Raquel xempju ta’ time management. Waqt li qed tistenna tarbija, qed tagħmel kors ta’ Master’s fl-Università, taħdem żewġ xogħlijiet differenti relatati ma’ Marketing, ħadet sehem fil-festival u bħalissa għaddejja minn preparamenti biex tmur tgħix ġo dar ġdida! Nawgurawlek minn qalbna Raquel.
Ritratt: Matthew Cutajar
IX-XEMX TFISSER FLUS!
X’tista’ tagħmel biex tgħin lid-dinja u lil Malta?
Meta nitkellmu dwar enerġija alternattiva u sostenibbli qegħdin nitkellmu dwar enerġija li hija ġġenerata minn riżorsi li huma naturali, bħal ngħidu aħna mid-dawl taxxemx, mir-riħ, mix-xita, mil-livelli għoljin jew baxxi tal-ibħra, u minn taħt l-art permezz tal-kundizzjonijiet sħan li jinsabu fis-saffi differenti tad-dinja, u li tista’ tiġi użata permezz ta’ makkinarju speċjalizzat, fost oħrajn. Diversi studji wrew kif b’mod speċjali l-enerġija ġġenerata kemm mid-dawl taxxemx u kif ukoll mir-riħ, huma fost l-irħas. Ir-riżorsi naturali msemmijin hawn fuq huma riżorsi li mhu ser jispiċċaw qatt, bil-kontra tal-karburanti fossili bħaż-żejt pereżempju, li diversi esperti f’dan il-qasam jikkunsidraw li ser jispiċċaw minn issa u biss mitt sena oħra.
Proprju minħabba li dawn ir-riżorsi naturali mhumiex ser jispiċċaw, li meta jintużaw sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija, ma jħallux impatt negattiv fuq l-ambjent. Ir-risposta għalfejn għandna nużaw dawn ir-riżorsi naturali sabiex niġġeneraw l-enerġija hija waħda sempliċi; jekk mhux ser naqbdu id f’id u nħarsu lejn l-użu ta’ riżorsi naturali li ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ambjent meta jiġu użati, mhux ser jibqgħu mezzi sabiex niġġeneraw l-enerġija. Daqshekk huwa serju u mminenti li nużaw ir-riżorsi naturali li aħna mdawrin bihom, tista’ tgħid is-sena kollha fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.
X’inhu l-irwol tal-Gvern Malti fil-qasam tal-enerġija alternattiva u sostenibbli, u wieħed minn xiex jista’ jibbenifika ?
Il-Ministeru responsabbli għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, permezz ta’ investiment sostanzjali ta’ €9 miljuni, ħabbar ħames skemi sabiex jgħin, jinkoraġġixxi, kif ukoll jinċentiva persuni li jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-enerġija alternattiva permezz ta’ pannelli solari jew inkella permezz tal-installazzjoni ta’ solar water heater pereżempju. Dawn l-iskemi jinċentivaw il-produzzjoni tal-enerġija alternattiva, l-użu tal-enerġija
alternattiva, kif ukoll il-ħażna ta’ din l-enerġija. Il-Gvern ħabbar kif ser jgħin permezz tal-iskemi msemmija kemm individwi li għall-ewwel darba ser jinstallaw sistemi ta’ pannelli solari pereżempju, kif ukoll individwi li fid-djar tagħhom diġà għandhom sistemi bħal dawn. Min diġà għandu fid-dar tiegħu sistemi li jiġġeneraw l-enerġija, ilGvern ser jgħinhom permezz ta’ batteriji li jaħżnu enerġija li tkun ġiet iġġenerata matul il-jum però li ma tkunx ġiet intużata. Permezz ta’ dawn il-batteriji, il-poplu jkun ukoll qed igawdi minn rati ferm aħjar kif ukoll minn ambjent iżjed nadif.
Ejja flimkien nagħtu daqqa t’għajn lejn l-iskemi li huma fis-seħħ bħalissa. L-ewwel skema hija installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ pannelli solari fejn il-Gvern ser jagħti lura €625 għal kull kilowatt-peak (ir-rata fejn tiġi ġġenerata l-iktar enerġija, bħal ngħidu aħna, għall-ħabta ta’ nofsinhar fil-gżejjer Maltin u Għawdxin fejn ix-xemx tkun ikkargata sew), kif ukoll ħamsin fil-mija tal-infiq totali sa €2,500. Din tinkludi wkoll feed-in tariff ta’ 10ċ5 fuq kull kilowatt iġġenerat kull siegħa, għal għoxrin sena.
Wieħed jista’ jmur għat-tieni skema, dik ta’ installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ pannelli solari b’batterija solari li sservi bħala l-post fejn tinħażen l-enerġija li tkun ġiet iġġenerata però ma ntużatx. It-tielet skema hija mmirata għall-familji li diġà għandhom sistemi ta’ enerġija sostenibbli fid-djar tagħhom. Din l-iskema taġġorna s-sistema li jkun hemm fid-dar permezz ta’ batterija jew inverter solari pereżempju. Ir-raba’ skema tindirizza djar li għandhom diġà pannelli solari u li huma mgħammrin ukoll b’batterija solari li fiha tintrefa’ enerġija ġġenerata li ma tkunx ġiet ikkunsmata. Din l-iskema tħares li taġġorna dawn il-pannelli solari, u tagħti lura minn €600 sa €3,600. L-aħħar skema mħabbra tgħin sabiex taġġorna sistemi mgħammrin bil-batterija solari, u għalhekk tindirizza b’mod partikolari l-ħażna tal-enerġija.
Importanti li nħarsu wkoll lejn l-insulazzjoni fid-djar tagħna. L-insulazzjoni tirreferi għall-mod ta’ kif inżidu l-effiċjenza tal-enerġija fid-djar tagħna billi nnaqqsu l-ammont ta’ sħana li toħroġ barra mid-djar tagħna flistaġuni kesħin, u billi nnaqqsu kemm jista’ jkun is-sħana minn ġewwa d-djar tagħna fix-xhur sħan li nesperjenzaw fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. Din il-biċċa tax-xogħol ħafna drabi nħalluha f’idejn il-bennej, u forsi ftit nagħtu kas ta’ x’materjal ikun qiegħed jintuża għal insulazzjoni aħjar. Huwa għaqli li nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nagħmlu dan anka mingħajr ma nħallu impatt negattiv fuq l-ambjent. Iktar kemm l-insulazzjoni tkun effettiva, inqas niġu bżonn li niġġeneraw enerġija sabiex insaħħnu jew inkessħu d-djar tagħna.
L-insulazzjoni hija mkejla permezz ta’ R-Value. Dan huwa numru bejn in-numri 1 u 60 li jirrifletti kemm il-materjal intużat għall-insulazzjoni huwa fil-fatt kapaċi jnaqqas mill-imxija tas-sħana. Iktar kemm l-insulazzjoni tkun tajba, iktar ikun għoli n-numru tal-R-Value. Dan in-numru jiġi determinat mit-tip ta’ insulazzjoni, mill-ħxuna u anka mittoqol tagħha, mill-post tal-insulazzjoni, u anka mill-metodu ta’ kif din tiġi installata. Fir-rigward ta’ kemm wieħed għandu bżonn ta’ insulazzjoni fid-dar tiegħu jew tagħha, din hija unika għal kull post u dan għaliex hija determinata mill-klima, mit-tip ta’ sistemi li jsaħħnu jew ikessħu, u anka mill-post ta’ fejn qiegħda d-dar.
Tal-aħħar, u nagħlqu hawnhekk, hemm diversi modi ta’ kif wieħed jista’ jgħix ħajja iktar sostenibbli.
Li wieħed jgħix ħajja iżjed sostenibbli tfisser illi jnaqqas minn kemm juża kemm ir-riżorsi naturali, u anka dawk personali. Din mhijiex xi ħaġa li wieħed jagħmel mil-lum għal għada, però tibdila waħda kuljum tħalli ħafna riżultati pożittivi. X’inhuma t-tibdiliet li nistgħu nagħmlu lkoll flimkien?
Nistgħu nibdew billi naħsbu f’modi ta’ kif wieħed jivjaġġa minn post għal ieħor. Jekk normalment nużaw il-vettura tagħna, nistgħu nibdew billi darba fil-ġimgħa pereżempju, nużaw it-trasport pubbliku, jew inkella nivjaġġaw bir-rota distanzi qosra. Tajjeb li nkunu nafu wkoll illi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex hawn fis-seħħ skema li tagħti lura l-VAT lil min jixtri rota jew rota li taħdem b’elettriku. L-istess japplika għall-iskema li tinċentiva lil min jinvesti f’mutur elettroniku jew skuter, li tagħti lura l-VAT sa massimu ta’ €400. Min-naħa l-oħra, skema oħra li hija fis-seħħ hija dik li tagħti lura €400 lil dawk li jikkonvertu l-magna tal-vettura tagħhom sabiex taħdem bil-gass minflok b’karburant, jekk l-emissjonijiet tal-Carbon Dioxide jonqsu b’25%. Il-Gvern jgħin ukoll, permezz ta’ skema ta’ skrapp, lil min jibdel il-vettura tiegħu li tkun ilha tiġi misjuqa għal 10 snin, għal waħda li tħalli inqas emissjonijiet. Ukoll, il-liċenzja ta’ muturi b’magna bejn 125cc u 250cc, imġedda fl-2021, tiġi mraħħsa għal €25 minn €65.
Apparti l-metodi ta’ kif nivjaġġaw, u x’bidliet nistgħu nagħmlu f’dan il-qasam, hemm metodi sempliċi oħrajn li permezz tagħhom inkunu qegħdin nagħmlu differenza tassew. Jgħin ħafna li nevitaw l-użu ta’ affarijiet bħal tazzi, platti u pożati fost ħafna affarijiet oħrajn li jintremew wara l-ewwel użu u li għalhekk nużawhom darba waħda biss. Ninvestu fi flixkun għall-ilma ta’ materjal sostenibbli sabiex nevitaw l-użu tal-plastik. Meta mmorru nixtru, nieħdu basket magħna sabiex nevitaw milli nagħmlu użu mill-boroż tal-plastik jew tal-karti. Kif għedna ftit ilu wkoll, tajjeb ħafna li nikkunsidraw bis-serjetà li ninvestu f’sistemi bħal solar water heater jew pannelli solari sabiex niġġeneraw l-enerġija. Importanti li nieħdu ħsieb li ma naħlux enerġija, u għalhekk nitfu dawk l-affarijiet li ma nkunux qegħdin nużaw. Mal-użu tal-enerġija, tajjeb li nsemmu wkoll l-użu tal-ilma. Minflok karti nistgħu nużaw email u nużaw il-karti biss jekk għandna bżonn. Tajjeb li nagħmlu ċert li qegħdin nirriċiklaw b’mod tajjeb u kif inhu mistenni, u nagħrfu wkoll kemm qegħdin niġġeneraw skart. Affarijiet li aħna m’għadx għandna użu għalihom, jaf huma ta’ użu għal ħaddieħor u għalhekk hija xi ħaġa sabiħa li nagħtu dawn l-affarijiet bħala donazzjoni lil min għandu bżonn, jew inkella lil xi bazaar li jkun qiegħed jiġbor xi fondi għal kawża ġusta. Min għandu xi roqgħa ħamrija, anka jekk waħda ċkejkna, jiżra’ pjanta, u min għandu xi bitħa mdaqqsa d-dar jista’ wkoll jiżra’ xi prodotti tal-ikel. Xi fdalijiet tal-ikel jistgħu jintużaw ukoll bħala kompost. Fl-aħħar nett, huwa essenzjali li nedukaw ruħna fuq dan is-suġġett, suġġett vast u li jolqot lil kulħadd. B’bidla żgħira kuljum inkunu qegħdin nirrispettaw kemm lil xulxin kif ukoll lill-ambjent ta’ madwarna.
TAĦLIX ĦIN!
X’tista’ tagħmel ta’ ġid dan is-sajf?
Is-sajf dalwaqt magħna u ħafna mid-drabi nispiċċaw b’iktar ħin fuq idejna. Hawn min jagħżel li jqatta’ l-ħin fuq il-kompjuter, hawn min imur il-baħar imma hawn ukoll min jagħżel li jimla l-ħin billi jitgħallem xi ħaġa ġdida. Fis-sajf jibdew diversi korsijiet li ġeneralment ikunu b’xejn jew bi ftit flus u tkun tista’ tgħid li tgħallimt xi ħaġa ġdida.
Korsijiet tal-lingwa Ingliża jew lingwi oħra
Li titgħallem lingwa oħra tista’ tgħinek tikkomunika aħjar meta tkun qiegħed barra minn xtutna. Ħafna drabi meta nkunu qegħdin waqt btala f’pajjiżi li ma jitkellmux bl-Ingliż, insibuha diffiċli ferm biex nikkomunikaw. Aħna l-Maltin dejjem nipprovaw nadattaw u nitkellmu b’xi lingwa oħra li nafu. Ħafna persuni peress li jaraw it-televiżjoni Taljan jafu jitkellmu sew b’din il-lingwa. Xi ngħidu għall-Ingliż! Għalkemm ħafna millMaltin jafu jitkellmu sew b’din il-lingwa, jeżistu korsijiet apposta sabiex ittejjeb il-ħiliet tiegħek f’din il-lingwa wkoll, tkun taf tikteb kif ukoll titkellem b’mod fluwenti.
Korsijiet tar-roti
Ftit tal-ġimgħat ilu ġie mniedi kors tar-roti fejn persuni professjonisti jħarrġu lill-adulti jew tfal kif isuqu u jżommu l-bilanċ fuq ir-rota. Iċ-ċikliżmu hu sports li qed jikber filpopolarità u dan is-sajf jidher li ser naraw ħafna jaqdfu fuq ir-rota. Hu sports li jġiegħlek tapprezza s-sbuħija li għandna f’pajjiżna. Mhux li kien kulħadd jitħajjar jitgħallem isuq ir-rota u f’qadjiet żgħar ma niddependux iżjed fuq il-karozza! Kieku hemm żgur jitnaqqas darba għal dejjem it-traffiku, inkunu aktar sani u ngawdu arja nadifa.
Korsijiet tal-kompjuter
Il-Covid-19 affettwat il-ħajja ta’ kuljum u ħafna mill-affarijiet li qabel kienu isiru mod issa qed isiru b’mod diġitali. Il-banek qed iħeġġu lin-nies biex jaqilbu online, il-ħwienet qegħdin ukoll jippromwovu s-siti tagħhom biex jinxtraw affarijiet b’mod diġitali. Għalhekk issa l-waqt aktar minn qatt qabel biex tinvesti ftit ħin u titgħallem sew kif jaħdem il-kompjuter. Tagħmel tajjeb li tagħraf l-affarijiet it-tajbin u żżomm lura milli tinqabad f’xi nassa! Il-kompjuter hu għodda tajba ħafna biex tkabbar l-għarfien tiegħek, tikkomunika u żżomm lilek nnifsek aġġornat maż-żminijiet. Tista’ timmaġina kemm tiffranka ħin kieku tagħmel l-affarijiet online?
Korsijiet ta’ passatemp
Sew jekk hux ħjata, cross-stich, ganutell, bizzilla... dawn kollha huma ftit mill-ħafna korsijiet li jiġu offruti. Timmaġinak tibda tippratika passatemp ġdid? Tgħaddi ftit ħin u tiltaqa’ ma’ persuni oħra li jkollhom l-istess gost? Taf kemm tagħmel ħbieb ġodda!
Korsijiet tat-tisjir
Jeżistu wkoll dawn it-tipi ta’ korsijiet fejn titgħallem issajjar b’mod san u tajjeb għal saħħtek. Tul il-kors, l-għalliema jgħaddu informazzjoni interessanti lill-istudenti fuq tekniki, riċetti u ingredjenti li wieħed għandu juża waqt it-tisjir. Dawn il-korsijiet huma mmirati għal kull min jixtieq ikabbar l-għarfien tiegħu fil-kċina u jattendu għalihom kemm irġiel u anke nisa. L-isbaħ ħaġa f’dan il-kors huwa li bir-riċetti l-ġodda li tkun tgħallimt tkun tista’ tgwadi miegħek il-bqija tal-familja!
Korsijiet ta’ manutenzjoni fid-dar
Minn kif twaħħal plakka, sa kif tkaħħal jew tbajjad! Jeżistu korsijiet fejn wieħed jista’ jitħarreġ fuq affarijiet prattiċi ġewwa d-dar. Dawn huma korsijiet addattati għal min għadu kemm jidħol ġo residenza ġdida u jgħinuh ikabbar l-għarfien tiegħu f’każ ta’ emerġenza fid-dar. Tajjeb li wieħed ikun jaf kif jaħdmu ċertu affarijiet ħalli f’każ li jkun hemm il-ħsara, ħadd ma jkun jista’ jidħaq bik u jbigħlek affarijiet li m’għandekx bżonn!
Skolasajf
It-tfal ukoll jistgħu jagħmlu xi ħaġa tajba għalihom infushom! Skolasajf qed tkompli żżid il-ħiliet tagħha fit-tagħlim li qed jingħata. Tfal huma mħeġġa li jattendu biex iżidu l-komunikazzjoni bejn sħabhom, joħolqu affarijiet ġodda, jiltaqgħu ma’ persuni li jistgħu jagħtuhom informazzjoni siewja fuq l-iżvilupp tagħhom, jiskopru talenti ġodda u jagħmlu ftit eżerċizzju. Ġimgħat intensivi għat-tfal mimlijin attivitajiet t’interess fejn wieħed jista’ jitgħallem u jitħarreġ fuq affarijiet diversi.
Korsijiet tad-drama
Ma ninsewx ukoll li ħafna mill-kumpaniji ta’ produzzjoni jibdew ilkorsijiet tad-drama! Dawn jistgħu jwasslu għal parti fis-serje li tkun qed tinġibed biex tidher fl-iskeda li jmiss. Id-drama hija arma b’saħħitha kontra l-mistħija u ħafna mill-istudenti li jattendu xi skola tad-drama tarahom ikabbru l-personalità tagħhom u jemmnu aktar fihom infushom. Apparti li tiltaqa’ ma’ nies ġodda, id-drama tagħmlek persuna kreattiva!
Korsijiet oħra
Qatt xtaqt titgħallem l-Accounts? Titħarreġ fuq kif tista’ toħloq reklami għan-negozju tiegħek? Jew inkella jinteressak li titgħallem kif tista’ toħloq sit elettroniku? Jeżistu diversi korsijiet edukattivi li wieħed jista’ jagħmel! Dawn jgħinu ħafna mhux biss biex ikabbru l-għarfien f’suġġett partikolari, iżda jżidu ċ-ċans tal-individwu li jiġi magħżul u jaħdem ma’ kumpaniji stabiliti. Korsijiet bħal dawn ikunu intensivi u s-sillabu jkun relevanti ħafna għax jinbidel skont il-ħtieġa taż-żminijiet.
Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet fuqna sfidi ġodda li forsi mhux kulħadd kien preparat għalihom. Fost dawn l-isfidi nsibu l-metodi ta’ tagħlim li qed jintużaw. It-tibdil sar f’diversi oqsma u kull student ġie affettwat. Din is-sena erġajna rajna l-għeluq tal-iskejjel, fejn din id-darba kienu preparati u l-lezzjonijiet baqgħu għaddejjin online. Taqbel u ma taqbilx ma’ din, Covid-19 qed toffri opportunitajiet ġodda biex titgħallem b’mod differenti. It-tagħlim b’mod online għandu vantaġġ kbir li hu n-nuqqas ta’ vjaġġar minn post għall-ieħor. Student li joqgħod Għawdex jista’ jattendi għal liema kors irid fil-kumdità ta’ daru waqt li l-lezzjoni tkun għaddejja Malta. Minkejja li jeżistu wkoll l-iżvantaġġi, tajjeb li nħarsu lejn din is-sitwazzjoni bħala opportunità. F’Malta hawn ukoll il-faċilità li tattendi korsijiet online bħal dawk tal-kompjuter, tal-Accounts jew tal-Marketing biex insemmu ftit. Dawn il-korsijiet online qed jgħinu lil ħafna studenti jitħarrġu f’ħiliet oħra fil-ħin liberu tagħhom u fil-kumdità ta’ darhom.