6 minute read

Intervista mal-preżentatriċi u omm Stephanie Spiteri

STEPHANIE SPITERI

Il-bint, l-omm u l-preżentatriċi bl-aktar programm li tħobbu taraw intom!

Advertisement

Il-programm Illum ma’ Steph ikklassifika bħala l-aktar programm li intom il-qarrejja tal-GWIDA tħobbu taraw. Dan il-programm daħal fil-ħames skeda tiegħu u qabel dan il-programm Stephanie kienet tippreżenta Malta llejla. Iddeċidejna li nagħmlu intervista mal-preżentatriċi simpatika Stephanie Spiteri. Stephanie hija omm Michael, ġuvni ta’ tmintax-il sena.

Tgħidilna ftit fuq it-twelid ta’ Michael, x’tiftakar?

Meta kelli lil Michael jien kelli 32, kont diġà kbira għallewwel tarbija. Dejjem kont ngħid li ma kellix għaġla għattfal, imma sena qabel, il-gynea kien qalli li kelli problema kbira u li x’aktarx ma setax ikolli tfal. Niftakar kien xokk kbir għax dak iż-żmien kont neħodha for granted li meta rrid ikolli t-tfal. Kelli bżonn nagħmel operazzjoni u kien wissieni li kelli riskju ta’ 90 fil-mija li ma jistax ikolli tfal. Kont ħadtha bi kbira, allura tista’ timmaġina kemm fraħt xħin inqbadt tqila.

Qabel wellidt kelli biża’ kbir u soffrejt minn prenatal depression. Kont diġà fix-xena tal-ispettaklu u kont nibża’ li ser tiġrili xi ħaġa ħażina. Dak iż-żmien kont nagħmel programm kuljum Popin u bqajt nagħmlu sa meta kelli sitt xhur tqala. Kien programm tal-Eurovision! Matul dan iż-żmien kont beżgħana ħafna u l-aħħar xahrejn ma xtaqtx li din it-tarbija titwieled. Imma kif twieled, inbdilt, sirt millewwel omm responsabbli. Qabel, kien dejjem ikun moħħi fil-programm u fil-ħanut, imma minn xħin kelli lil Michael l-attenzjoni waqgħet biss fuqu. Michael l-isbaħ ħaġa li ġratli f’ħajti! Iqabbiżhieli ħafna għax ġieli jkolli aptit ngħollih massaqaf imma ġuvni eżemplari.

Niftakar is-sena l-oħra infqajt tibki live minħabba li kont ser twaqqaf il-programm. X’kien ġara?

Il-Ħamis kienu qalu li persuni vulnerabbli għandhom joqogħdu d-dar. Peress li t-tifel ażmatiku ħafna, ilĠimgħa ddeċidejt li ser inwaqqaf il-programm. Ma kontx ser inpoġġi lil ibni f’riskju u peress li konna fil-bidu talpandemija ma konniex nafu fuqu dan il-virus. Il-Ġimgħa kont ħabbart li mhux ser nagħmel programm u nfqajt nibki fuq il-programm. Niftakar il-Ġimgħa filgħaxija kont ċempilt lil Mr. Charles Dalli u wrejtu x-xewqa li nagħmlu mid-dar.

Is-Sibt Joe u Joseph Zammit ta' Timecare Studios li naħdem magħhom ġew jarmawli d-dar u t-Tnejn bdejt nittrażmetti l-programm mid-dar. Din kienet ġennata sħiħa imma ħadmet!

U mnalla kien it-tifel tiegħek hux vera, għax kien t’għajnuna kbira għalik!

Għamel xahrejn sħaħ bil-kamra tiegħu studjow tal-programm tiegħi. Mad-desk tal-kamra kien hemm il-kamera, mas-sodda kien hemm id-dawl u mal-gwardarobba wkoll. Miskin ma setax jiftaħ il-gwardarobba kif ried minħabba t-tagħmir li kien hemm. L-art kienet miksija wires. Kuljum bejn is-2:30 u s-6:30 kien l-assistent tiegħi u ma kontx nagħmilha waħdi għax hu kien jagħmel kollox! Din il-ħaġa ġabitna ħafna qrib xulxin għax spiċċa jagħmel ilprogramm miegħi kuljum. Konna nidħqu meta kien ikolli xi mistieden u jgħid xi ħaġa li ma togħġbux jew ma jaqbilx magħha u minn wara l-kamera kont narah jagħmel il-mossi li ma jaqbilx miegħu, u jien nipprova nżomm serja! Kienet esperjenza li żgur ngħożż u ma ninsa qatt.

Dak iż-żmien Michael beda japprezza wkoll ix-xogħol li nagħmel u f’għajnejh bdejt nara rispett ġdid. Hu kien jarani naħdem imma ma kienx involut. Maż-żmien beda jinteressa ruħu u saħansitra beda dieħel fix-xogħol ta’ produzzjoni. Meta ma kienx ikolli mistiedna kien jara x’jagħmel biex jgħinni u jikkuntattja lin-nies hu.

Fil-pandemija għamilt ukoll esebizzjoni tal-arti. X’tgħidilna fuqha din?

Kif bdejna naħdmu mill-kamra tas-sodda tat-tifel, kellna problema żgħira. Warajja kien ser ikolli l-firoll tal-bieb. Ma tantx kien xi sfond sabiħ, allura ddeċidejna li nagħmlu liżar aħdar u bil-kompjuter inneħħu dan il-liżar u nagħmlu xena sabiħa. Kellna bżonn ritratt, fittixt fuq Google u tellajt warajja veduta ta’ Malta fl-ewwel ġurnata.

Xi ħadd kien kitibli u qalli kemm kien għoġbu l-isfond li kelli warajja. Dan ir-raġel kien qalli li kellu ritratt simili tax-xena li kont urejt. Tlabt lil din il-persuna l-permess biex nuża r-ritratt u kien aċċetta. Xħin lestejt il-programm, kien kitibli lura jgħidli kemm kien ferħan li użajt ir-ritratt tiegħu u kien qal lill-familja tiegħu kollha biex jaraw il-programm. Hemm moħħi beda jiġri. Is-Sibt filgħodu ċempilt lil Mr. Albert Marshall u għedtlu bl-idea li t-telespettaturi jibagħtu r-ritratti u li x-xewqa kienet li noħolqu wirja bir-ritratti kollha li nirċievi. Sat-Tnejn filgħodu kelli kollox lest, imma l-wirja kienet ser issir b’mod virtwali.

Kont għedtilhom jekk xi darba tgħaddi l-pandemija, il-pass li jmiss ikun li din l-esibizzjoni tkun fiżika. Kont wegħedthom li ser ngħinhom! F’Diċembru kienu kkuntattjawni li konna ser nagħmlu l-wirja tagħna fi Spazju Kreattiv! Mort, qtajt iż-żigarella u għalija kien sodisfazzjon enormi! Meta tara l-esebizzjoni, kienet proprju dokumentazzjoni ta’ kif in-nies kienu qed iħossuhom dak iż-żmien. Min kien jibgħatli ritratt tat-tpenġija, tat-tfal isajru,

tal-veduta waqt xi mixja fil-kampanja. Inkredibbli kemm innies ħassewhom komdi li jesprimu lilhom infushom. Kienet suċċess kbir!

Jien naħdem ħafna u ċertu sodisfazzjonijiet jagħtuk l-enerġija li jkollok bżonn biex tkompli għaddejja. Anke l-messaġġi kollha li nirċievi, filgħaxija noqgħod naqra ruxxmata messaġġi li jidħlu waqt il-programm. Noqgħod inwieġeb wieħed wieħed! Inħoss li n-nies saru qishom ilħbieb tiegħi. Inqishom il-ħbieb tiegħi.

Min jaf x’messaġġi tirċievi!

Ħafna nies jiftħu qalbhom miegħi! Fil-bidu tal-pandemija, kien hemm ħafna nies li bdew jistaqsu għall-għajnuna. Jien kelli ħafna kuntatti li kont nistieden fil-programm u kont nirreferi n-nies għall-istituzzjonijiet li jgħoddu għalihom. Tajna għajnuna lil ħafna nies differenti. Kien hemm persuni li ma kellhomx flus. Niftakar każ partikolari fejn il-persuna ma kellhiex flus biex tixtri l-mediċina lit-tifla tagħha! Kont nivverifika l-istorja jekk hux vera mal-Kunsill Lokali jew mal-parroċċa u kif nara li vera, nagħmel minn kollox biex ngħinhom u nirreferihom għal xi għaqda partikolari. Kien hemm żmien li kien ikolli madwar żewġ każi f’ġimgħa.

Għaliex taħseb li dan il-programm jintgħoġob ħafna?

Nagħmel minn kollox biex nara lit-telespettaturi jidħqu ftit! Ftit ilu peress li kont qiegħda bir-running shoes, il-floor maniġer tal-programm issuġġerietli nagħmel hand-stand. Dak il-ħin qbadt, inżilt rasi ’l isfel, tellajt saqajja fuq il-mejda u taparsi għamilt hand stand. It-telespettaturi tgħidx kemm bagħtuli messaġġi, “qed timlielna ħajjitna”, “kieku taf kemm nieħdu gost narawk”.

Qabel, meta kont nagħmel żball, kont ninkwieta. Illum il-ġurnata ngħidilhom li jeħilli lsieni. In-nies ma jridux superfiċjalità, imma ġenwinità.

Ma nistgħux nagħlqu din l-intervista mingħajr ma nsellmu lill-mamà tiegħek f’dan ix-xahar iddedikat lill-ommijiet kollha. Sfortunatament ħallietna madwar sentejn ilu.

Kont qrib ħafna tal-mamà u jgħaddi kemm jgħaddi żmien, għadni nħossha diffiċli ħafna. Ġejt noqgħod fid-dar preżenti biex inkun qrib tal-mamà. Kif ġejt noqgħod hawn, il-mamà kienet tintefa’ fuq siġġu partikolari fil-kċina li quddiemu hemm ġnien żgħir. L-hena tagħha toqgħod fuq dak is-siġġu u tgħidli dawn il-preċiżi kelmiet, “Hawn l-hena, kemm għandek hena”. Kienet toqgħod bilqiegħda hemm u jien insajjar u nkompli naħdem. Sfortunatament ma tantx damet tgawdih għax kont kważi sena ngħix f’din id-dar. In-naqra li għamilt ngħix ħdejha, gawdejtha ħafna. Kienet mara tajba ħafna.

Jien u ħuti Anna u Magda naħsbu f'ommna l-ħin kollu., inħossha preżenti miegħi u nitlobha ħafna biex tgħinni. Għadni nitkellem magħha sal-lum u nuriha affarijiet li nkun xtrajt. Konna qrib ta’ xulxin ħafna. Kienet iċċempilli filgħodu, ġejja u sejra għandha u kienet dejjem hemm filmumenti diffiċli tiegħi. Kieku ma kienx għall-ġenituri tiegħi żgur ma kontx nasal s’hawn.

Ommi kienet mara sempliċi ħafna, mhux ta’ skola, imma daqskemm tgħallimt minn għandha, ma tgħallimt mingħand ħadd. Jien kont bint fortunata li kelli lilha bħala ommi. Dan ser ikun it-tieni Jum l-Omm mingħajrha.

This article is from: