4 minute read

Intervista m’omm Destiny; Alexia Chukunyere

ALEXIA CHUKUNYERE

Omm Destiny

Advertisement

Peress li Mejju hu x-xahar iddedikat lill-ommijiet kollha ma stajniex ma nitkellmux ftit m’omm Destiny li bħalissa min jaf kemm għandha eċitament għall-prestazzjoni tant mistennija ta’ Destiny fil-Eurovision.

Ser niħdok lura fiż-żmien meta sirt taf li inti tqila b’Destiny. Tiftakar kif kienet ir-reazzjoni tiegħek?

Destiny kienet l-ewwel wild tiegħi u tal-familja, u jien kont ħerqana biex nara lil din it-tarbija f’idejja. Kelli lil Destiny ta’ 20 sena u mill-ewwel ħassejt sens ta’ responsabilità kbira. Kien żmien sabiħ ħafna u jkollok ħafna aspettattivi għax kollox ikun ġdid għalik. Niftakar meta twieldet Destiny kienet tibki ħafna ħafna! Il-ferħ li ġabet kien indeskrivibbli. Il-ferħ li ġabet lillġenituri tiegħi kien bla qies. Trid tqis li kienet l-ewwel neputija tagħhom.

Kif għażiltu l-isem Destiny?

Jien u r-raġel tiegħi Ndubisi konna morna n-Niġerja fl-1999. Fit-tieni lejl konna ħriġna u smajna kanzunetta li kien jisimha Destiny ta’ Buju Banton. Kanzunetta b’tifsira, b’lirika qawwija u b’saħħitha. Meta konna smajnieha kont għedtlu li għoġbitni ħafna u jekk ikollna tifla nsemmuha Destiny. Ir-raġel għoġbitu mill-ewwel u qabel! Minn kanzunetta ħarġet Destiny!

Kif indunajtu li Destiny taf tkanta?

Binti dejjem kienet tiċċaqlaq, dejjem titla’ fuq il-mejda u tkanta. Aħna konna niggustawha! Darba ġiet fil-kċina u qaltli li kienet ser tkanta l-iskola. Kont għedtilha, “x’inhu?”... Missierha wkoll stagħġeb. Hi kienet ikkonvinċietna li kienet taf tkanta u li kienet ser turina. Niftakarha fil-kantuniera tal-kċina u tkantali Caro Gesu. Dak iż-żmien Destiny kienet Grade 2. Imbagħad Miss Maria Abdilla li hi l-vocal coach ta’ Destiny (dak iż-żmien kienet l-għalliema tal-kant) kienet rat it-talent tagħha. Ta’ 10 snin, Destiny bdiet tkanta. Imma minn dejjem kienet tħobb tferraħ lin-nies.

Jien nemmen li kulħadd għandu talent partikolari u Destiny ġiet biex tferraħ lil kulħadd bil-vuċi stupenda tagħha. Nemmen li d-destin ta’ Destiny hu li tagħti s-saħħa lil dak li jkun bil-vuċi tagħha.

Naf kemm Destiny għandha relazzjoni speċjali mannanna tagħha. Tgħidilna aktar fuqha...

Kif miet missieri, Destiny kienet ta’ wens kbir għal ommi. Għal ommi qisha t-tifla tagħha milli n-neputija, u jinħabbu bi mħabba kbira. Destiny tgħix man-nanna u tieħu ħsiebha, baqgħet billegat tal-papà. Il-papà kien ifisser kollox għaliha. Ommi jkollha x’tagħmel ħafna biha imma ferħana ser ittir. Bħalissa peress li ma tantx qed jiltaqgħu minħabba s-safar ta’ Destiny, il-ħin kollu ċċemplilha, tibgħatilha u dejjem tara li ma jonqosha xejn.

X’qalet il-mamà fuq Je Me Casse?

Għoġbitha ħafna ħafna! It-tnejn tħobbhom imma din wisq speċjali!

Is-sena l-oħra kellha l-kanzunetta All of my love imma sfortunatament l-Eurovision ma kienx sar. X’kienet ir-reazzjoni tiegħek fuq din il-kanzunetta u l-isfortuna tal-festival?

Dik il-kanzunetta vera għoġbitni! Iddiżappuntajt ruħi minħabba Destiny għax wara dak ix-xogħol kollu, wara X Factor, kienet taħdem lejl u nhar, is-sagrifiċċju li kienet għamlet ...kollox sfaxxa fix-xejn minħabba l-pandemija. Weġġajt naraha mdejqa u għal Destiny kien perjodu diffiċli. Dak iż-żmien Destiny bkiet ħafna u għamlet ħafna jiem imdejqa. Imma mbagħad bis-saħħa ta’ sħabha, ilmanagement tagħha u kulħadd, irnexxielha terġa’ tqum fuq saqajha. Destiny minnha nnifisha hija bniedma b’determinazzjoni kbira li lili ġieli nkun dgħajfa u timlieni b’kuraġġ ta’ sur.

Din it-tifla ilha b’kuraġġ u f’dan l-aspett tixbah ħafna lil missierha Ndubisi. Minn mindu daħlet f’din ix-xena talmużika, dejjem għallmitni biex inkun b’saħħti. Rigward saħħa u kuraġġ vera tgħinni ħafna Destiny. Nirringrazzja lil Alla għax vera tfajla b’saħħitha.

Vera taqbel il-lirika tal-kanzunetta, Je Me Casse, ma’ Destiny mela...

Dażgur! U dik proprju hi! Hi dejjem tisħaq biex ma naqtgħux qalbna, kuraġġuża, dejjem tgħolli lil dak li jkun, indipendenti... u taf x’inhi kapaċi toffri. Sabiħ li fil-ħajja tagħraf il-kapaċità tiegħek u tapprezzaha. Xħin smajtha l-kanzunetta għedt, “WOW. Din veru Destiny”. Imbagħad smajtha bil-vokali ta’ Destiny u komplejt nikkonferma.

Tarahom il-bets u x’qed jgħidu n-nies fuq Destiny?

Le ma jaffettwawnix. Jien dejjem ngħid lil Destiny biex tħares ’il quddiem u qatt ma tħares lura. Dejjem nisħaq magħha biex iżżomm saqajha mal-art u taħdem bis-sħiħ. Ikun xi jkun ir-riżultat, l-aqwa li l-prestazzjoni tkun tajba ħafna.

Bi preparazzjoni għall-festival, Destiny kellha ssiefer f’ħafna pajjiżi differenti. Il-pandemija ma tantx tagħmel din il-ħaġa faċli. Tkun moħħok fiha?

Ħafna, ovvja! Bħal kull omm li tkun ’il bogħod minn bintha. Imma Destiny tfajla indipendenti ħafna! Kapaċi tegħleb kull ostaklu. Ilha ħafna indipendenti u allura moħħi mistrieħ biha.

Timmissja li ma tistax issiefer magħha?

Għalija hija normali għax anke meta kienet iżgħar kienet issiefer jew man-nannu tagħha jew inkella ma’ xi membru tal-familja ieħor. Tant kemm ilha issiefer fuq kant li l-ivjaġġar sar parti minn Destiny.

Kif tkun Destiny qabel ma tibda tkanta?

Destiny hi kantanta li qabel tibda l-prestazzjoni tagħha jkollha draguni mhux friefet. Imma mbagħad hija normali u allaħares ma jkollhiex eċitament għax tkun overconfident imbagħad.

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ Destiny?

Alexia: Meta kienet iżgħar konna niġġieldu ħafna ħafna ħafna! Il-ġlied kien kollu għax jien kont wisq protettiva fuqha u għadni. Imma peress li Destiny dejjem uriet kemm hi indipendenti qisni lanqas kont inniżżilha li hi daqshekk indipendenti. Issa nargumentaw ta... imma nista’ ngħid li minn mindu għalqet ċertu età sirna nifhmu aktar lil xulxin. Ir-relazzjoni tagħna hi iktar ta’ ħbieb milli ta’ omm u bint. Destiny tiftaħ ħafna qalbha miegħi, taf li rridilha l-ġid, taf li nħobbha ħafna bħalma nħobb lil ħutha, imma r-relazzjoni tagħna hija tajba ħafna. Qisha l-ħabiba tiegħi u meta nitkellmu, nitkellmu b’mod apert.

X’tagħmel jekk Destiny tirbaħ il-Eurovision?

Alexia: Kieku tirbaħ l-ewwel ma nagħmel hu li nirringrazzja lil Alla u lil missieri u n-nies kollha li tawha s-sapport. Imma kieku żgur il-credit jieħdu l-Mulej u n-nannu tagħha li kienet tħobbu bi mħabba kbira! Destiny toħlom ħafna bih u timmissjah ħafna! Ir-relazzjoni tagħhom kienet wisq speċjali.

This article is from: