Intervista
RAQUEL GALDES
Ritratt: Darrin Zammit Lupi
Fl-2020 iżżewġet, bdiet Master’s, ċaqalqet iddar, ħarġet tqila u qabadha l-Covid! Raquel Galdes, għandha vuċi b’timbru li ma tistax tinsieh żgur. Fost l-ewwel dehriet tagħha kien hemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fejn rajnieha tkanta Mhux Pupa Biss fl-2013. Minn dakinhar ħadet sehem f’diversi festivals fosthom L-Għanja tal-Poplu u l-Malta Eurovision. L-aħħar darba li rajna lil Raquel tieħu sehem fil-Malta Eurovision kien fis-sena 2016 bil-kanzunetta Flashing Lights. Fl-2021 rajna r-ritorn tal-kantanta fil-festival Mużika Mużika bilkanzunetta Vizzju. Lil hinn mix-xena mużikali, Raquel ingħaqdet fis-sagrament taż-żwieġ mar-raġel tagħha Christian f’Settembru tal-2020. Fl-eqqel tal-pandemija u b’ħafna qtigħ il-qalb, Raquel u Christian iżżewġu! Id-data oriġinali kienet ser tkun f’Ġunju imma l-koppja ddeċidew li jipposponu t-tieġ minħabba s-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien. Fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena, Raquel tħabbar li qed jistennew l-ewwel wild tagħhom. Iltqajna ma’ Raquel b’mod virtwali u staqsejnieha ftit mistoqsijiet fuq il-ħajja tagħha bħalissa, kif qed tipprepara ruħha biex issir omm u fuq il-karriera tagħha.
X’wasslek biex terġa’ tieħu sehem fil-festival? Raquel: Kont ilni intella’ u nniżżel fil-verità. Kull sena li ma kontx nieħu sehem f’xi festival, kien jiddispjaċini li ma nkunx dħalt, imma kont naf li ma kienx wasal iż-żmien. L-aħħar festival li dħalt għalih, il-kanzunetta ma ħassejthiex li hi l-istil tiegħi u ma kontx komda. Iddeċidejt li nieħu pawsa qasira. Apparti minn hekk, ix-xogħol kien qed jeħodli ħafna ħin. Din is-sena, grazzi għall-kantant Aiden, li ħadt sehem. Ikkuntattjajtu jien biex nagħmlu kanzunetta flimkien, imma tant insista li nagħmilha u tkun tajba mill-bidu sal-aħħar li grazzi għalih dehret kif dehret. Kien hu li ġibidli l-ispaga. Aiden iddeċieda kollox fuq il-kanzunetta? Raquel: Niftakarni nċempel lil Aiden u ngħidlu li xtaqt kanzunetta. Hu jaf x’inhu l-istil tiegħi għax sifirna flimkien fuq kant. Wara ftit ġranet bagħatli silta mill-kanzunetta Vizzju u laqtitni mill-ewwel. Il-ġimgħa ta’ wara morna għand Cyprian Cassar u rranġalna l-kanzunetta, imma lestejna l-kanzunetta dakinhar tas-sottomissjoni. Lil Aiden kont kellimtu biex nieħu sehem xi ġimagħtejn qabel u kollox sar fi ftit ħin. GWIDA Mejju 2021 43