1 minute read

IL-MED5 F’MALTA JASAL GĦAL QBIL KOMUNI DWAR L-IMMIGRAZZJONI

Għandna sfidi u realtajiet simili fil-qasam tal-immigrazzjoni, u għalhekk jeħtieġ li naħdmu flimkien biex l-immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea tkun waħda ġusta.

Din kienet it-tema ewlenija tad-diskussjoni fil-laqgħa għolja, magħrufa bħala MED5, li lbieraħ laqgħet f’pajjiżna lill-Ministri għall-Intern u l-Immigrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja. Minbarra hekk, il-Ministru għall-Immigrazzjoni tal-Iżvezja kienet ukoll preżenti f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija FRONTEX.

Advertisement

Hawn ġiet diskussa u maqbula pożizzjoni konġunta dwar l-immigrazzjoni, hekk kif ftit tal-jiem oħra, l-istess ministri se jkunu preżenti għall-Kunsill Ewropew tal-Ministri għall-Intern.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà

Malti, Byron Camilleri fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa għamel referenza għat-traġedja li seħħet f’Calabria aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn aktar minn 60 immigrant mietu wara li d-dgħajsa li kienu qegħdin fuqha nqasmet.

Hu ddeskriva din il-laqgħa bħala opportunità biex dawn il-pajjiżi, li jinsabu fuq quddiem tal-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jindirizzaw tali realtajiet koroh, billi jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-Kunsill Ewropew. Tkellem fuq l-immigrazzjoni ġusta bħala l-mira li kull pajjiż fl-UE għandu jaspira li jilħaq.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “aħna kontinwament nisħqu għal pożizzjoni li tkun aktar ġusta f’sens ta’ politika ta’ immigrazzjoni ġusta, jiġifieri ġusta ma’ min ħaqqu l-ażil. Minkejja dan, trid tkun ukoll ġusta ma’ dawk li m’għandhomx dritt jidħlu fl-UE, xi ħaġa li Malta anke matul dawn l-aħħar snin għamilna enfasi fuqha. U allura wkoll nisħqu ħafna fuq il-prevenzjoni, għax ma rridux aktar imwiet fil-baħar.”

Hekk kif waslet fi tmiemha l-laqgħa lbieraħ waranofsinhar, il-ministri talpajjiżi li jifformaw il-MED5 stqarrew li qablu dwar il-pożizzjoni li se jkunu qed jieħdu aktar tard dan ix-xahar dwar l-immigrazzjoni.

Ingħata wkoll rikonoxximent talħidma konġunta bejniethom biex ittrafkanti tal-bnedmin jitwaqqfu milli jibagħtu persuni bejn sema u ilma b’mod irresponsabbli, iżda l-ministri ddikjaraw li għad fadal ħafna xi jsir, b’mod speċjali rigward l-għajnuna mill-bqija tal-pajjiżi msieħba fl-UE.

Fost l-oħrajn, huma appellaw għattwaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti u mandatorju għall-istati membri biex il-piż tal-immigrazzjoni ma jaqax biss fuq il-pajjiżi viċin ilfruntieri tal-Ewropa.

Sadanittant, il-Ministru għall-Immigrazzjoni Żvediża, Maria Malmer Stenergard, li tkellmet f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, saħqet fuq il-ħidma li għad trid issir, speċjalment biex il-persuni li jagħżlu li jemigraw lejn l-Ewropa, ikunu jistgħu jsibu ġejjieni f’pajjiżhom stess.

“Konvinta li, bil-għan li nindirizzaw l-isfidi tal-immigrazzjoni b’metodi tassew Ewropej, irridu nkomplu naħdmu iebes, kemm internament, b’taħditiet fuq il-Patt tal-Ażil, u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni kurrenti, iżda wkoll b’impenji qawwija f’dimensjoni esterna, fuq ir-ritorni u l-ġlieda kontra l-kawżi flgħeruq tal-migrazzjoni,” saħqet Stenergard.

This article is from: