3 minute read
L-EKONOMIJA MALTIJA MILL-ĠDID TMUR AĦJAR MILL-ASPETTATTIVI
Ir-riżultati ekonomiċi f’pajjiżna fl-2022 kienu akbar minn kull tbassir tal-esperti, inklużi dawk barranin … rekords fl-investimenti, fl-esportazzjoni u fil-konsum privat
L-ewwel stimi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ippubblikati din ilġimgħa jindikaw li matul l-2022 it-tkabbir ekonomiku reali ta’ pajjiżna laħaq ir-rata ta’ 6.9%. Dan kien kważi d-doppju tat-tkabbir ekonomiku osservat madwar iż-Żona Ewro. Minbarra hekk, dan kien jisboq sewwa wkoll l-aspettattivi tal-esperti ekonomiċi, kemm lokali kif ukoll dawk barranin.
Advertisement
Fil-fatt, madwar sena ilu l-Bank Ċentrali ta’ Malta kien bassar rata ta’ tkabbir ta’ 6% għall-ekonomija Maltija, liema tbassir kien kważi punt perċentwali inqas minn dak li ħareġ mill-ewwel stimi uffiċjali tal-NSO.
Anke l-Ministru għall-Finanzi kien kawt fit-tbassir tiegħu matul id-diskors tal-Baġit f’Ottubru li għadda, meta kien bassar l-istess rata ta’ tkabbir ta’ 6%. Imma anke tbassir aktar riċenti millFond Monetarju Internazzjonali (IMF) u mill-Kummissjoni Ewropea, li saru ftit ġimgħat biss qabel ħarġu l-ewwel ċifri uffiċjali, spiċċaw kienu inqas mill-progress li effettivament għamlet l-ekonomija Maltija matul is-sena li għaddiet.
B’dak li nkiseb fl-2022, l-ekonomija ta’ pajjiżna issa spiċċat kisret kull rekord fejn jidħol investimenti, esportazzjoni u konsum privat. Anke meta wieħed jeskludi l-effett tal-bidla fil-prezzijiet, il-konsum tal-familji fl-2022 kien terz ta’ biljun ewro ogħla milli kien fl-2019.
Grazzi għas-sostenn qawwi li rċevew fuq perjodu ta’ iżjed minn sentejn ta’ pandemija u bl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels, in-negozji f’pajjiżna esportaw ammont rekord ta’ kważi €24.5 biljun, jew kważi €2.5 biljun aktar mill-2019.
Il-fiduċja mingħajr preċedent li għandhom in-negozji lokali toħroġ ukoll mill-fatt li l-investiment laħaq il-figura rekord ta’ €3.7 biljun fl-2022, €1 biljun aktar minn tliet snin qabel jew terz akbar milli kien qabel bdiet il-pandemija.
L-ekonomija kienet iżjed reżiljenti u dawret l-isfidi f’opportunitajiet kbar
Is-sena li għaddiet id-dħul tal-ħaddiema tela’ bi kważi €650 miljun. Kważi disgħa minn kull għaxra ta’ din iż-żieda gawdew minnha impjegati fis-settur privat, fejn l-akbar titjib kien irreġistrat fis-setturi tal-bejgħ, tat-trasport u tal-lukandi u r-restoranti. Dawn issa mhux talli rkupraw mit-tnaqqis li kellhom matul il-pandemija, fejn kellhom perjodi wkoll weqfin kompletament, imma saħansitra laħqu livelli rekord ġodda.
Jidher li, b’kollox, sa tmiem l-2022 l-ekonomija Maltija kienet kważi 10% akbar milli kienet fl-2019.
Li nkiseb riżultat daqstant b’saħħtu meta l-aspettattiva kienet li l-ekonomija Maltija se tbati fit-tul mill-konsegwenzi tal-pandemija u tal-Gwerra fl-Ukrajna hu evidenza mill-aktar ċara ta’ kemm il-politika ekonomika mħaddna millPrim Ministru Robert Abela hi daqstant effettiva.
Il-politika ekonomika progressiva mħaddna fl-aħħar snin wasslet għal fiduċja qawwija fost il-familji u n-negozji. Dan wassal biex dawk li l-esperti kienu qed ibassru se jkunu xokkijiet permanenti għall-ekonomija Maltija, minflok servew ta’ opportunità għal bidliet u riformi bżonjużi.
L-ekonomija Maltija mhux talli kienet reżiljenti iżjed milli mistennija għal kull tip ta’ xokkijiet ekonomiċi, iżda saħansitra rnexxielha ddawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet kbar.
Mitlub jikkummenta din il-ġimgħa minn ONE News, l-ekonomista u d-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta, il-Professur Philip Von Brockdorff, spjega li importanti niftakru li dawn ir-riżultati seħħew, minkejja l-isfidi internazzjonali li ddominaw matul l-2022, l-ewwel bil-pandemija u mbagħad bil-Gwerra fl-Ukrajna, li għadha għaddejja.
“Meta tqis li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kriżi u għandek pajjiżi, bħall-Ġermanja, li daħlu f’riċessjoni, naħseb li din iċ-ċifra hi impressjonanti ħafna. Hi dovuta, ovvjament, għal diversi fatturi, fosthom it-tkabbir ekonomiku li qed naraw fis-settur tas-servizzi,” qal il-Professur, waqt li spjega li ż-żieda f’dan is-settur kienet ikkaratterizzata wkoll minn kontribuzzjonijiet b’saħħithom f’numru ta’ setturi oħrajn, ewlenin fosthom dawk tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi b’rabta mal-ikel, li ammontaw għal aktar minn 80% tal-kontribuzzjonijiet.
“Dawn huma ċifri li juru li hemm fiduċja fl-ekonomija tagħna u ovvjament naraw li l-investiment hu f’livell b’saħħtu u anke l-livell ta’ konsum hu wieħed b’saħħtu ħafna,” kompla Von Brockdorff, li attribwixxa dan it-tkabbir lir-reżiljenza tal-ekonomija u l-miżuri li ħa l-Gvern Malti. “Hemm ċerti inċentivi, anke mill-Malta Enterprise, li jattiraw ċerti investimenti lejn pajjiżna. Naħseb li dak hu importanti ħafna, iżda wkoll naraw ċerta stabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-ekonomija tagħna, li tgħin ukoll biex iġġib l-investiment,” temm jikkummenta d-Deputat Dekan fil-Fakultà tal-Ekonomija.
Is-sostenn mill-Gvern fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali kien importanti biex l-ekonomija Maltija kibret b’rata akbar minn dak mistenni.
F’kummenti separati ma’ ONE News, l-ekonomista u lettur tal-ekonomija fl-Università, Dr Ian Cassar, ukoll qal li “fil-kuntest Ewropew ta’ bħalissa, din hi rata (ta’ tkabbir) b’saħħitha ħafna, imma tagħti indikazzjoni li l-ekonomija Maltija qisha reġgħet sejra lejn id-direzzjoni ta’ qabel il-pandemija. Ma ninsewx li, bejn l-2013 u l-2019, il-medja tat-tkabbir ekonomiku reali kienet ta’ 7.2%, allura dik t’issa tagħtina indikazzjoni li l-ekonomija Maltija reġgħet sejra lejn dik id-direzzjoni.”
Dr Cassar tkellem dwar l-importanza tal-għajnuna tal-Gvern f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, b’referenza għall-investiment ta’ iżjed minn €1 biljun biex inżammu prezzijiet stabbli tal-enerġija, tal-fuels u tal-qmuħ. Dan ukoll wassal biex l-inflazzjoni lokali baqgħet fost l-aktar baxxi fost l-istati membri kollha tal-UE.
Vakanza
KOORDINATUR TA’ PROĠETT (Permess ta’ Jobsplus Nru: 686/2022)
Bħala parti mill-proġett 101083556 Strengthening Knowledge on Integration and Non-Discrimination (SKIN), inħolqot vakanza għallpożizzjoni ta’ Koordinatur ta’ Proġett, fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) Din il-vakanza hija fi Skala ta’ Salarju 7 tas-Servizz Pubbliku.