1 minute read
72 APPLIKAZZJONI GĦAL TĦADDIR TA’ ŻONI KOMUNITARJI
L-iskema Community Greening Grant, investiment fi proġetti ħodor fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin, ingħalqet b’suċċess bi 72 applikazzjoni minn diversi għaqdiet u kunsilli lokali, ħabbar ilbieraħ il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, fil-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio.
“Nedejna skema ta’ €10 miljun u għedna lin-nies, lill-kunsilli, lill-għaqdiet volontarji ‘għidulna xi tridu fil-lokalitajiet tagħkom fejn tgħixu jew taħdmu, imbagħad ħallu f’idejna’. Illum nista’ ngħid li l-iskema għalqet u rċevejna xejn inqas minn 72 applikazzjoni, 72 xewqa,” stqarr Ellul.
Advertisement
Din l-iskema li tnediet f’Jannar li għadda tagħmel parti mill-akbar proġett ambjentali li qatt ra pajjiżna fejn se jkunu qed jiġu allokati €700 miljun fuq seba’ snin, kif imwiegħed fil-manifest elettorali “Malta Flimkien”.
L-għan tal-ewwel skema hu li jinħolqu spazji ħodor ġodda u li ssir riġenerazzjoni ta’ żoni oħrajn li diġà jeżistu biex jitgawdew iżjed min-nies.
Fl-intervent li għamel fuq ONE, Ellul tenna li rridu fil-prattika nkomplu naraw li nkomplu nagħtu spazji miftuħa lillMaltin u Għawdxin u fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitħabbru l-proġetti li ntgħażlu minn dawn l-applikazzjonijiet.
Hu ħabbar ukoll: “Fil-ħmistax li ġejjin se nkunu qed inniedu spazji miftuħa ġodda, wieħed fin-Nofsinhar tal-pajjiż, forsi l-iktar lokalità industrijalizzata tal-pajjiż, Birżebbuġa. Hemm għandna xewqa li nagħtu wieħed mill-akbar spazji miftuħa lin-nies tan-naħa t’isfel li ilhom jistennew dan ilproġett u fil-fatt kif dħalt mal-ewwel ġurnata Project Green għamiltha ċara ħafna li dan il-proġett irid jitlaq fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u ħa nkunu qed intellquh qabel l-ewwel tliet xhur. Ħa nkunu qed inniedu proġett ieħor din il-ġimgħa stess ta’ spazju li kien jintuża diġà bħala dog park, imma meta mort hemmhekk rajt li hemm bżonn li dawn l-ispazji jkunu ta’ kwalità.”