3 minute read

LIL MINTOFF “MIĠNUN ADRIAN DELIA JIFTAĦAR BI RWOL LI KELLU MA’ SKANSKA

Għal għaxar snin kien konsulent legali tal-kumpanija responsabbli mill-konkos difettuż fl-Isptar Mater Dei u meta sparixxew mal-€466 miljun minn fondi pubbliċi … “dakinhar ma ħarqitux qalbu għall-poplu Malti!”

Fil-bijografija onlajn tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ftaħar li għal snin twal kien il-konsulent tal-kumpanija Żvediża Skanska. “For years he advised Skanska, the multinational construction company which completed Malta’s State of the Art, Mater Dei Hospital, the largest procurement contract on the island to date”, jiftaħar l-Eks Kap Nazzjonalista.

Advertisement

Skanska kienet il-kumpanija inkarigata mill-bini tal-Isptar Mater Dei fi żmien Gvern Nazzjonalista u skansat minn kull obbligu li tirranġa l-ħsarat strutturali li kkawżat fl-istess proġett wara li nstab li dan kien inbena b’konkos difettuż, inferjuri iżjed minn dak li jintuża fil-bini tall-bankini. Fil-fatt, fl2014 meta l-Gvern ġdid Laburista kien beda bi pjani biex jibni żewġ sulari oħra fuq l-Emerġenza, minħabba n-nuqqas ta’ sodod disponibbli, kien instab li l-konkos kien difettuż f’diversi partijiet tal-proġett.

Minkejja dan, meta l-Istat ipprova jfittex lill-kumpanija Żvediża għad-danni, l-arbitraġġ internazzjonali tal-Ġnus Magħquda kien spiċċa eżonera lil Skanska minħabba r-rinunzja li kien iffirma l-Gvern Nazzjonalista biex din ma tibqax responsabbli għal dak li seta’ jinqala’. Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, kien iffirma ftehim li fih ċeda d-dritt li ’l quddiem ifittex lil Skanska f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’Tal-Qroqq.

Analiżi li l-kumpanija internazzjonali Arup kienet għamlet fuq il-binja nstab li l-konkos fl-Emerġenza ma kienx biżżej- jed b’saħħtu biex jiflaħ żewġ sulari addizzjonali. B’riżultat ta’ dan kienet ġiet stmata l-ispiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jitranġa u jiġi evitat kull periklu possibbli.

Meta nhar il-Ħamis filgħaxija fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward Healthcare, il-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn għal dan.

“Meta d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien mar biex ifittex lil Skanska ftit tas-snin ilu talli serqu sfaċċatament lill-poplu Malti, sibna ma’ wiċċna klawsola li kienet tagħti l-ħelsien, il-maħfra, lil Skanska għal dak kollu li naqsu lejn lill-poplu Malti. Immaġinak, Sur President, tiskopri li din il-kumpanija serqet lill-poplu Malti fil-proċess ta’ kostruzzjoni u l-Istat, il-Gvern, immexxi millPrim Ministru Gonzi, jagħtiha waiver.”

Kien hawn li l-Prim Ministru espona l-fatt li Adrian Delia kien il-konsulent legali ta’ din il-kumpanija. “Imma fatt ieħor, Sur President, li ħadd ma semmieh hawn, min illum qed ipinġi lilu nnifsu difensur tad-drittijiet tal-poplu … Skanska kellha għal għaxar snin sħaħ bniedem li ġewwa Malta kien jgħatti u jipproteġi d-drittijiet tagħha. Taf min kien, Sur President?! Qiegħed hawn f’din il-Kamra faċċata tiegħi. Għal għaxar snin sħaħ Adrian Delia kien il-konsulent legali ta’ Skanska. Ara dakinhar ma ħarqitux qalbu biex jipproteġi l-interessi tal-poplu Malti – għaxar snin sħaħ konsulent ma’ Skanska.”

Il-Prim Ministru ma waqafx hawn u kompla jikxef l-ipokrezija tal-PN meta jitkellem dwar il-proġetti fil-qasam tas-Saħħa. “Mhux se noqgħod ngħid li l-proġett ta’ Mater Dei ħa 20 sena biex tlesta. Mhux se ngħid lanqas li, meta tlesta, irrealizzaw li kien żgħir wisq għal pajjiżna u li ma kienx idoneu għall-bżonnijiet li għandu l-pajjiż.”

Il-Prim Ministru wkoll irrimarka għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, li kien investiga l-bini ta’ Mater Dei. “Lanqas se ngħid li, b’mod oxxen, sparpaljaw flus il-poplu talli l-isptar mhux ġie jiswa darba, darbtejn u tlieta, u ma nafx kemm-il darba, iżjed minn kemm kienu pproġettaw li jonfqu għalih. Lanqas se ngħid li hemm Lm200 miljun, l-ekwivalenti għal €466 miljun dak iż-żmien, ara kemm kienu jiswew iżjed … li, meta saret l-investigazzjoni, qalu ‘ħeqq, dawn sparixxew’.”

Sadanittant, fl-istess seduta Parlamentari, waqt li l-Prim Ministru ħabbar li se jikteb lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ħlasijiet li saru lil Steward Healthcare biex ikun jista’ jirkupra dawk li ma ngħatax il-valur tagħhom f’servizzi mediċi u servizzi relatati u investiment, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħolqot frattarija sħiħa fl-ogħla istituzzjoni u ġabet ruħha bl-aktar mod irresponsabbli.

Minbarra għajjat, tgħajjir u theżżiż tas-snien biex ifixklu lill-Prim Ministru fid-diskors tiegħu, l-Oppożizzjoni attakkat ukoll lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada Ġimgħa, li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u

Deputat Parlamentari Randolph Debattista, l-attitudni tal-Oppożizzjoni ġiet deskritta bħala inaċċettabbli.

Attard u Debattista saħqu li l-arroganza tal-Oppożizzjoni mhux biss hi bla limitu, iżda hi wkoll arroganza ta’ min jemmen li dak li jagħmel hu kollu tajjeb u dak li jagħmel ħaddieħor huwa ħażin.

Debattista sostna li, quddiem dan l-aġir, il-Gvern seta’ adotta attitudni popolista bħall-Oppożizzjoni, imma minflok għażel triq diferenti, b’referenza wkoll għall-investigazzjoni mitluba mill-Prim Ministru. “Bħala Gvern irridu nieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-interess nazzjonali. Ilbieraħ (il-Ħamis) rajna attitudni arroganti mill-Oppożizzjoni u mhux ta’ b’xejn li ħafna nies dalgħodu qamu jgħidu ‘aħseb u ara kieku jkunu filGvern’,” tenna d-Deputat Laburista.

Min-naħa tiegħu, Dr Attard qal li mid-dibattitu Parlamentari ħarġet bliżjed mod ċara s-serjetà fil-mod kif qed jimxi l-Gvern, bil-maqlub tal-Oppożizzjoni. Hu rrimarka dwar l-importanza li l-Prim Ministru jesponi l-fatti veritieri b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti.

“Hemmhekk tara l-konfużjoni, l-inkonsistenza u l-qerq tal-PN, li jrid jiġi bilfors ifaċċjat bil-fatti. Hu dak li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament: li faċċja lill-Oppożizzjoni bil-fatti biex verament nassiguraw li, fil-mument opportun, inkluż fil-fora opportuna, nieħdu d-deċiżjonijiet fl-aqwa interess nazzjonali,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja.

This article is from: