L-(Anti)eroj

Page 1

L-(Anti)eroj Min Huma? X’inhuma? Fejn Huma? Immanuel Mifsud (editur)



L-(Anti)eroj Min Huma? X’inhuma? Fejn Huma?

Immanuel Mifsud (editur) bis-sehem ta’

Mario Cassar

Id-Dipartiment tal-Malti (Kulleġġ tal-Università

klabb kotba maltin


Pubblikazzjoni: Id-Dipartiment tal-Malti (Kulleġġ tal-Università) Klabb Kotba Maltin, Triq il-Karmelitani, Santa Venera SVR 1724 Tel: 21239039, 21497046 Indirizz elettroniku: info@midseabooks.com

© Il-kontributuri, 2015 Dan il-ktieb qed jinbiegħ bil-kundizzjoni li ma jistax jerġa’ jinbiegħ, jiġi stampat jew fotokopjat b’xi mod mekkaniku, elettroniku, jew diġitali, mingħajr l-awtorità bil-miktub tas-sidien tal-copyright.

Produzzjoni: Mizzi Design and Graphic Services, Sta Venera

ISBN 978-99932-7-524-4


Werrej

Daħla: Min aħna? X’aħna? Fejn aħna? IMMANUEL MIFSUD........................................................................ V Eroj, Antieroj u ‘Eroj Nieqsa’ fl-Istorja ta’ Malta EMANUEL BUTTIGIEG...................................................................... 1 Eroj Bla Isem, Isem Bla Eroj RAPHAEL VELLA............................................................................... 19 Minn Olimpus sa Batman u x-Xitan Riabilitat: Tendenzi Erojċi u Antierojċi MARIO AZZOPARDI.......................................................................... 29 L-Ambigwità tal-Eroj: Leli f’Leli ta’ Ħaż-Żgħir u Filiċ f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ADRIAN GRIMA................................................................................ 39 Il-Figura Problematika tal-Antieroj Malti: Leli Braġ Bejn Figura Testwali u Ħolqien tal-Analiżi STEPHEN BONANNO....................................................................... 67 Mudelli Arketipiċi tal-Eroj fil-Poeżija ta’ Marlene Saliba u Maria Grech Ganado JOSETTE ATTARD............................................................................. 79 L-Allegorija (Anti)erojka ta’ Marjanu Vella BERNARD MICALLEF........................................................................ 97 NOTI BIJOGRAFIĊI.......................................................................... 143



Daħla: Min aħna? X’aħna? Fejn aħna? IMMANUEL MIFSUD

L-istudent u ħabib ta’ Beethoven, Ferdinand Reis, jirrakkonta li meta l-imgħallem tiegħu kkompona t-tielet sinfonija hu kien wieħed minn tal-ewwel li ra l-kopjun tax-xogħol komplet u jgħid ukoll li t-titlu tax-xogħol, miktub fuq il-frontispizju, kien “Napuljun Bonaparti”. Reis jikkummenta li Beethoven kellu stima kbira lejn Napuljun u kien saħansitra jxebbhu mal-ġenerali tal-imperu Ruman meta dan kien fl-aqwa tiegħu. Iżda, dejjem skont Reis, hekk kif Beethoven sema’ li Napuljun kien iddikjara lilu nnifsu imperatur, inkorla ħafna għax stħajjel li dik il-mossa kienet tikxef li Napuljun kien, fil-fatt, tirann u dak il-ħin stess ċarrat il-frontispizju jew ingassa l-isem. U b’hekk Napuljun sparixxa mis-sinfonija li, ironikament, kellha tibqa’ magħrufa bħala l-‘Eroica’ (Sipe 30-53). Anki jekk ir-raġunijiet veri u proprji għala Beethoven ried jintitola din is-sinfonija lil Napuljun u għala mbagħad bidel fehmtu setgħu kienu motivati minn interessi personali tiegħu u mhux minħabba xi ideal politiku (DeWitt; Lockwood 158-161), jibqa’ l-fatt li f ’mument minnhom Napuljun kien l-eroj ta’ Beethoven u f ’mument ieħor tneħħa. Liema huma dawk il-kwalitajiet li persuna jagħmluha eroj? Aktarx li din il-mistoqsija tista’ titqies frivola għaliex ħafna drabi dak li jkun jaħseb li hija waħda faċli: il-personalità erojka nsibuha mniżżla fil-letteratura, impittra, skolpita, miġbuda u mxandra fuq il-liżar taċ-ċinema u l-iskrins tattelevixin. Insibuha wkoll irrakkuntata fil-kotba tal-istorja. Imma hija l-istess storja li għandha tressaqna lejn punt li fih nibdew nieħdu dan it-terminu b’mod inqas rilassat u konvint v


u tinċitana npoġġu din il-mistoqsija. L-istess bħal Napuljun fuq il-manuskritt tal-‘Eroica’, il-personalità tal-eroj hija waħda fluwida – tinbidel skont iċ-ċirkustanzi, skont min qiegħed iħares lejha, u meta. Dan huwa wieħed mill-argumenti li jagħmel Emanuel Buttigieg fl-istudju tiegħu u li bih jiftaħ dan il-ktieb. Imqar flistorja lokali dawk l-uħud (li kif jinnota Buttigieg huma rġiel) li biż-żmien bdew jitqiesu bħala eroj, għandhom sfumaturi differenti fil-karattri tagħhom u minħabba f ’hekk jistgħu jiġu kemm iddemonizzati u kemm imweġġħa. Wieħed jista’ faċilment jara li dan it-taqbid, din l-inċertezza jew fluwidità fit-terminu ‘eroj’ jinstabu wkoll fix-xbihat tal-eroj miġjuba filġeneri kollha tal-arti. Nistgħu ngħidu, għaldaqstant, li l-kapitlu ta’ Emanuel Buttigieg iwitti t-triq għal sensiela ta’ mistoqsijiet, ta’ oġġezzjonijiet, u jintroduċi lill-qarrejja għal volum li se jipproblematizza kunċetti li forsi kienu ċari sa ftit taż-żmien ilu. X’jiġri jekk il-figura s-soltu immakulata tal-eroj – l-inkorporazzjoni tat-tajjeb, tal-perfezzjoni u ta’ dak kollu li huwa rett – jinstabilha xi difett? X’jiġrilu l-ġeneral li dejjem imexxi l-poplu tiegħu jekk jum fost l-oħrajn jiddeċiedi minn rajh li jsir imperatur? Beethoven, skont l-istorja, jingassah, jiddegradah, iqaċċtu. Bejn il-lejl tal-aħħar ta’ Awwissu u l-ewwel ta’ Settembru 2014, fid-daħla tal-Belt, tfaċċat skultura ta’ żiemel, f ’pożizzjoni majestuża, awtorevoli, kif imdorrijin naraw fil-monumenti ekwestri li jżejnu ħafna pjazez, imtellgħa b’unur lil dak l-eroj li jidher riekeb (dwar dan ara t-tieni preżentazzjoni f ’dan il-volum miktuba minn Raphael Vella). L-iskultura ta’ Austin Camilleri turi żiemel bi tliet saqajn, jew aħjar b’sieq nieqsa (VIVA). Sat-titlu tal-biċċa xogħol jiġi tronkat, Żieme, biex jidher dan in-nuqqas. Il-bhima li s-soltu tevoka qawwa, f ’dan il-każ hija difettuża, għandha mankament, għandha parti minnha mqaċċta, nieqsa. Attwalment mhux issieq ix-xellugija ta’ quddiem biss għandu nieqsa dan iż-żiemel imma anki l-eroj li suppost hemm riekeb fuq dahru. Forsi l-eroj miet u żiemel b’difett f ’saqajh, sfortunatament, għandu l-istess destin jistennieh. B’Żieme Austin Camilleri qiegħed joħloq il-figura tal-antieroj, ta’ dak li seta’ jew suppost kien eroj iżda spiċċa ħażin, spiċċa l-kuntrarju. vi


Iżda jekk il-figura tal-eroj se tiċċajpar kif se jiġri liddefinizzjoni(jiet) tagħha, iktar u iktar se jiġri hekk lill-figura talantieroj. Filwaqt li xi wħud iqisu l-antieroj bħala l-antagonista tal-eroj, oħrajn jaraw lill-antieroj bħala n-negattiv tal-kwalitajiet erojċi. L-antieroj jista’ jitqies bħala nuqqas bħas-sieq nieqsa ta’ Żieme. Iżda fl-istess waqt l-antieroj jinħass, hemm xi ħaġa jew xi ħwejjeġ li jagħmluh. Dan il-volum jiġbor fih il-preżentazzjonijiet li tressqu waqt konferenza li d-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ talUniversità organizza f ’Novembru 2012 bit-titlu, L-(Anti) eroj: Min huma? X’inhuma? Fejn huma? Tliet mistoqsijiet li għandhom jindikaw mill-ewwel l-instabilità ta’ dawn iż-żewġ termini. It-twaħħid tal-kelmiet ‘antieroj’ u ‘eroj’ fit-titlu wkoll għandu jagħti lil dak li jkun x’jifhem li din il-fluwidità fiddefinizzjoni taż-żewġ kelmiet tista’ twassal għal sfukar tal-linja li tifred it-tifsira taż-żewġ termini. Jekk l-intervent ta’ Emanuel Buttigieg (li jsir mill-perspettiva storika) ipoġġi mill-ewwel ilproblematika tat-termini, xi ħaġa li jagħmilha wkoll fl-intervent tiegħu Raphael Vella li jitratta l-(anti)erojiżmu fil-qasam talarti viżiva, Mario Azzopardi juri l-fehma li mqar fit-teatru (u b’teatru mhuwiex jifhem biss dak li jinħadem fuq palk) iż-żewġ termini jidħlu f ’xulxin b’mod li f ’mumenti ssir ħaġa diffiċli ħafna li tiddiversifikahom. Adrian Grima u Stephen Bonanno jittrattaw il-figura tal(anti)eroj fil-proża Maltija. Bħala punt ċentrali tal-intervent tagħhom it-tnejn li huma jieħdu x-xogħol ta’ Ellul Mercer Leli ta’ Ħaż-Żgħir li, fl-intervent ta’ Grima jiġi diskuss f ’relazzjoni mar-rumanz ta’ Juann Mamo Ulied in-Nanna Venut flAmerka. F’dawn iż-żewġ taqsimiet id-diskussjoni trid tesponi l-ambigwità taż-żewġ kunċetti diskussi f ’dan il-volum. Leli, pereżempju, joffri sfida lill-qarrejja fil-kuntest tal-(anti) erojiżmu tiegħu, mhux biss minħabba kif tiżvolġi ħajtu, imma, aktar u aktar, għall-mod kif jeżaminaha Ellul Mercer. L-istess jista’ jingħad għall-karattru ta’ Filiċ u t-trattament li Mamo jerfa’ apposta għalih. Terġa’ u tgħid, wieħed irid mhux biss jiddiskuti r-relazzjoni li l-kittieb innifsu għandu ma’ dawn l-(anti)eroj, imma wkoll ir-relazzjoni li l-kritiku letterarju jistabbilixxi magħhom. Ġaladarba, kif ikomplu jargumentaw Grima u vii


Bonanno, id-definizzjoni hija ambigwa, allura l-istess se tkun l-interpretazzjoni. Għaldaqstant, donnu li qiegħed jissuġġerixxi Bonanno, mhux biss irridu nirrevedu d-definizzjoni tal-(anti) eroj, imma anki l-qagħdiet li ħadet il-kritika qabel. Josette Attard u Bernard Micallef jinvestigaw l-(anti) erojiżmu fil-poeżija. Għalkemm kif jinnota Emanuel Buttigieg, l-eroj (u anki l-antieroj) meqjuma mill-Maltin huma maskili, Attard, bl-użu tat-teorija Jungjana, tagħraf kif żewġ poeti nisa Maltin – Marlene Saliba u Maria Grech Ganado – għandhom l-eroj tagħhom, imqar fix-xbieha tal-art bħala l-omm universali. Attard tiddiskuti wkoll it-trasformazzjoni tal-poeta f ’eroj, l-aktar fil-każ ta’ Grech Ganado. Madankollu, anki f ’dar-rigward, ix-xbieha tal-(anti)eroj tibqa’ waħda ambigwa u t-tifsira tagħhom waħda fluwida. Attard targumenta, anzi, li l-(anti)eroj femminili jinġiebu bi fluwidità akbar minn dik maskili. Fl-analiżi tiegħu tal-(anti)erojiżmu fil-poeżija ta’ Marjanu Vella, Bernard Micallef jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja tiegħu għall-mod kif epoki differenti ħarsu lejn dawn iż-żewġ kunċetti. Filwaqt li jqiegħed lil Vella ‘xi mkien’ bejn “ilpassjoni Romantika u ċ-ċiniżmu Modernist”, Micallef jagħraf li l-ispiritwalità Nisranija ta’ Vella hija dak il-komponent li jibqa’ komuni fit-tranżizzjoni tal-kuxjenza (anti)erojka minn perjodu għal ieħor, minn pożizzjoni għal oħra. Id-diskorsi ppreżentati f ’dan il-volum, bl-ideat differenti li jipproponu, għandhom fil komuni: il-kunċett tal-(anti) erojiżmu huwa wieħed ambigwu għax huwa fluwidu u instabbli. Wara li wieħed jaqra d-diskorsi kollha aktarx jistaqsi x’kienet eżattament l-idea għala saru l-mistoqsijiet fit-titlu tal-volum. Porpora (212) jipproponi l-fehma li l-eroj individwali li aktarx għandna huma dawk li għalina jirrappreżentaw it-tajjeb (u t-tifsira tat-‘tajjeb’ minnha nfisha hija waħda indefinita wkoll) u għaldaqstant hemm rabta bejn l-eroj u l-identità ta’ dak li jkun. Dan ifisser, mela, li l-(anti)eroj mhumiex neċessarjament figuri politiċi iżda jaf ikollhom miġbura fihom l-istorja partikolari u individwali tagħna. Bla dubju, meta wieħed iħares lejn ixxbihat impittra, lejn il-monumenti fil-pjazez u jaqra l-letteraturi differenti jifhem li l-idea tal-eroj tinbidel mhux biss minn viii


persuna għal oħra imma anki minn perjodu għal ieħor (Hunt et al, 26-27). Il-mistoqsijiet ‘Min huma?’, ‘X’inhuma?’ u ‘Fejn huma?’, allura, mhumiex daqstant diretti lejn il-figura tal-(anti) eroj daqskemm lejn min aħna, x’aħna u fejn aħna.

Biblijografija DeWitt, W.A. http://www.beethovenseroica.com/Pg2_hist/history.html. 5 ta’ Ġunju, 2014. Internet. Hunt, Tristram, Yasmin Alibhai-Brown, Andrew Roberts, Tim Collins u Eric Pooley. ‘No More Heroes Anymore?’ RSA Journal. 151.5513 (2003): 2629. Stampat. Lockwood, Lewis. Beethoven: TheMusic and the Life. New York: WW.Northon & Co, 2003. Stampat. Porpora, Douglas. ‘Personal Heroes, Religion, and Transcendental Metanarratives.’ Sociological Forum. 11.2 (1996): 209-229. Stampat. Sipe, Thomas. Beethoven: Eroica Symphony. Cambridge: CUP, 1998. Stampat. Valletta International Visual Arts (VIVA). http://www.viva.org.mt/projects/ zieme/. Malta: 2014. Internet.

ix




Meta wieħed iħares lejn ix-xbihat impittra, lejn ilmonumenti fil-pjazez u jaqra l-letteraturi differenti jifhem li l-idea tal-eroj tinbidel mhux biss minn persuna għal oħra imma anki minn perjodu għal ieħor. Il-mistoqsijiet ‘Min huma?’, ‘X’inhuma?’ u ‘Fejn huma?’ mhumiex daqstant diretti lejn il-figura tal-(anti)eroj daqskemm lejn min aħna, x’aħna u fejn aħna. Dan il-volum jiġbor fih il-preżentazzjonijiet li tressqu waqt konferenza li d-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ talUniversità organizza f’Novembru 2012 bit-titlu, L-(Anti) eroj: Min huma? X’inhuma? Fejn huma? Tliet mistoqsijiet li għandhom jindikaw mill-ewwel l-instabbiltà ta’ dawn iżżewġ termini.

Id-Dipartiment tal-Malti (Il-Kulleġġ tal-Università)

klabb kotba maltin


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.