JUTTA HEIM
JUTTA HEIM IMMANUEL MIFSUD
klabb kotba maltin ‹ 1 ›
Ippubblikat għall-ewwel darba fl-2014 mill-Klabb Kotba Maltin, Triq il-Karmelitani, Santa Venera HMR 11 Tel: 21239039, 21497046 Indirizz elettroniku: sales@midseabooks.com Immanuel Mifsud www.immanuelmifsud.com Produzzjoni: Mizzi Design and Graphic Services, Sta Venera Stampat: Gutenberg Press, Ħal Tarxien Copyright Letterarju © Immanuel Mifsud, 2014 Copyright Editorjali © Klabb Kotba Maltin, 2014 Dan il-ktieb qed jinbiegħ bil-kundizzjoni li ma jistax jerġa’ jinbiegħ, jiġi stampat jew fotokopjat b’xi mod mekkaniku, elettroniku, jew diġitali, mingħajr l-awtorità bil-miktub tas-sidien tal-copyright.
Il-karattri f ’dan ir-rumanz huma mistħajla. Kull xebh li jista’ jkun hemm ma’ nies veri huwa purament kumbinazzjoni.
Ħajr lil Clare Azzopardi, Stephen Bonanno, Antoine Cassar, Flora u Stephen Tree.
Sensiela Klabb Kotba Maltin Numru: 261 Disinn tal-qoxra: Pawlu Mizzi Ritratt tal-awtur: Jana Novomeska Qari tal-provi: Karl Coleiro ISBN: 978-99932-7-504-6
Lil Nadja Mifsud
JUTTA HEIM
ĦARSU
lkoll ja nies ta’ Tebi – art twelidna – ħarsu lejn dan ir-raġel, dan Edipu li ħall il-moħġaġa tal-Isfinġa; il-bniedem li kien l-aktar setgħani. Min min-nies kollha li ħarsu lejh ma kellux l-għira f ’għajnejh għall-ġid li kellu? U issa f ’baħar ta’ għawġ intrikeb u tgħarraq. Għalhekk, intom u tistennew il-jum tat-tmiem, tqisu ʼl ħadd hieni – lil ħadd, lil ħadd – qabel ma jkun mar lil hinn ħieles mill-uġigħ. Mużika tal-għeluq. Mument qasir ta’ skiet. Imbagħad ċapċip itarrax u jtarrax aktar u aktar malli r-Re joħroġ għannofs u, id f ’id ma’ Jokasta, jersaq lejn ir-ribalta, wiċċu għarqan xraba, għajnejh jibbru u jżebbġu mal-irkejjen kollha. Imbagħad Jokasta titlaqlu idu u tagħmel żewġ passi lura u ċ-ċapċip jiżdied, jiqliel. Hemm, fin-nofs, bid-dwal jixegħlu l-qtar tal-għaraq igelgel minn fuq ġbinu, ir-Re setgħani li sa ftit qabel kien għadu kif mess il-qiegħ, bin-nies warajh u n-nies quddiemu jħarsu ʼl fuq lejn surtu rjali, jagħti l-inkin tal-ħajr u jidħol u jerġa’ joħroġ u jerġa’ jidħol. Imbagħad iqum b’nofs ħasda u jsib li ħalla d-dawl mixgħul u l-arloġġ żgħir fuq il-komodina qed iħajru jqum ħa jaqbad it-taxi lejn l-ajruport. Fid-daqqa u l-ħin iċempel ittelefown kafellatte maġenb rasu. – Il-ħamsa ta’ filgħodu, Sinjur.
‹ 5 ›
IMMANUEL MIFSUD
MIT-TIEQA
tiegħu seta’ jara lir-raġel talpaletti l-oranġjo jidderieġi lillpilota fejn kellu jwaqqaf l-ajruplan. Xi nies fil-gallarija. It-taraġ biex il-passiġġieri jinżlu fuqu mill-ajruplan dam ma wasal. Sadattant Erik Xerri laħaq ħall iċ-ċinturin tas-sigurtà, ħareġ il-basket żgħir mill-kompartiment ta’ fuq rasu, tewa l-ġakketta u ħa nifs qawwi. Lura lejn il-Blata. M’hemmx x’tagħmel: kull bidu mitmum. Xi turisti bdew jistaqsu lil xulxin jew lil ta’ madwarhom x’kienu qegħdin jistennew biex jiftħu l-bieba talajruplan u jibdew niżlin, iżda ħadd m’għandu tweġiba. Erik Xerri jerġa’ jpoġġi bilqiegħda u jħares sew mit-tieqa biex jara jilmaħhomx jistennewh fil-gallarija. Jista’ jara xi nies imma mhumiex huma. Jara wkoll il-bnadar iqumu fuq tagħhom, illum la huma maħmuġin u lanqas bil-kuluri mitfija. Imbagħad it-taraġ jasal u s-serbut passiġġieri jibda nieżel. Fil-bieb talajruplan tilqgħu fewġa pjuttost sħuna. It-turisti jibdew ineħħu l-ġkieket huma u mixjin lejn il-bini. Suldati bil-klieb jogħlew bi lsienhom barra. Il-passaport lewn il-ħaxix tal-Volkspark Berlin. It-timbru jistabat fuq paġna magħżula bl-addoċċ jimmarka d-dħul lura: 30 Mar 1980. – Kemm infaqt? X’jaqbad jgħidlu lill-uffiċjal tad-dwana b’ħarsa mqita u b’par mustaċċi rqaq? – X’ridtni nixtri? Xejn. – Xi xtrajt? – Xejn. – Xejn? ‹ 6 ›
JUTTA HEIM
– Xejn. – Suvenirs? – Le x’suvenirs. Maġenbu hemm raġel fartas jitmasħan mal-uffiċjal l-ieħor li qiegħed iqalleb fil-bagalja u ħierġa ħafna ċikkulata minn ġolkmiem tal-ħwejjeġ mitwija. – Ma xtrajtx ċikkulata? – X’nixtriha nagħmel? – Mela ma tħobbhiex? – Xiex? – U suvenirs? – Le, mhux ġa għedtlek? – Iftaħ naqra ħa naraw. Iqandel il-bagalja mimlija ħwejjeġ maħmuġin u hu u jiftaħ jara l-uffiċjal tan-naħa l-oħra jordna lil waħda mara twila tneħħi l-ħwejjeġ ta’ taħt maħmuġin mill-wiċċ tal-bagalja ħa jara x’hemm taħthom. – Dan suvenir? – Dak teddy bear għat-tifla mhux suvenir. – Teddy bear? – Teddy bear biex tilgħab bih it-tifla, hux? – Jiġifieri xtrajt xi ħaġa. – Xtrajt teddy bear għat-tifla. – Għall-mara xtrajt xi ħaġa? – Xtrajtilha ktieb. – Ktieb? Mela tħobb taqra s-Sinjura? – Trid tarah? Christa Wolf, Kindheitsmuster. – Ġermaniża? – Christa Wolf ? – Il-mara. Il-fartas jinstema’ jgħajjat. Ir-raġel tal-mara t-twila jidher iżerżaq ħames liri minn taħt u l-uffiċjal jgħidilha tagħlaq il-bagalja. Il-mara tal-fartas tqalleb fil-handbag u toħroġ il-portmoni. ‹ 7 ›
IMMANUEL MIFSUD
Welcome to Malta Xerri jħares lejn l-uffiċjal ta’ quddiemu u jiftakar fir-raġel tal-libsa l-griża. Ir-raġel tal-libsa l-griża kien twil mhux ħażin u dritt. Minn taħt jara lit-turista li kienet bilqiegħda ħdejh tħares lejh hi u tibqa’ għaddejja bil-bagalja żgħira f ’idha u ssellimlu. Fuq l-ajruplan qagħdet tistaqsih dwar il-postijiet fejn setgħet tqatta’ dil-ġimgħa vaganza, l-aktar filgħaxijiet. Ma kinitx xi stilla u Xerri kien iktar moħħu fuq ir-raġel tal-libsa l-griża li rah iħares lejh fil-Kafè Mokaba. Staqsietu kienx joqgħod Valletta, x’kien jagħmel b’ħajtu, kienx miżżewweġ, kellux tfal. Imbagħad siktet xħin ratu joħroġ id-drammi miġbura ta’ Ibsen u jibda jaqra. Ir-raġel tal-libsa l-griża. Filgħodu poġġa bilqiegħda fuq l-istess mejda li kien fuqha l-ġurnata ta’ qabel meta ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Jutta Heim. Ir-raġel tal-libsa griża kellu quddiemu kikkra kafè u x’aktarx biċċa ħobż jew pasta. Daħal ftit wara li daħal hu, poġġa żewġ imwejjed ’il bogħod minnu, ordna u ffissa ħarstu lejh. Ma indunax bih mill-ewwel għax ried jara fejn hi Jutta, u meta raha tbissmilha imma minnufih hi ħarset in-naħa l-oħra. Ma fehemx. Sa ftit sigħat qabel kienu fis-sodda fl-appartament b’żewġt ikmamar fit-tmien sular ta’ blokka griża f ’Marzahn, Berlin Ost. Sa ftit sigħat qabel kien qed iħares lejn xagħarha isfar, twil u lixx. – Orrajt ta. Erik Xerri jagħlaq il-bagalja. – Tinsiex it-teddy bear. Huwa u ħiereġ mid-dwana l-fartas ikun għadu qiegħed jgħaffeġ taħt saqajh tunnellata ċikkulata u jisħet lill-gvern u l-uffiċjal tad-dwana flimkien ma’ pulizjott iħarsu lejh b’ħarsa bierda ħafna waqt li martu għandha wiċċha maħsul bid-dmugħ, b’idha tirtogħod u l-portmoni miftuħ. Iħares lejn is-suldat bil-kelb għadu bi lsienu barra. Fl-aħħar jitfaċċa l-bieb mnejn għandu jgħaddi ħa joħroġ. Imbagħad il-wiċċ jixgħel tat-tifla hi u tiġi tiġri lejh u tgħajjat bil-ferħ.
‹ 8 ›