Trojan

Page 1



TROJAN

TROJAN ALEX VELLA GERA

klabb kotba maltin | 1 |


Ippubblikat għall-ewwel darba fl-2015 mill-Klabb Kotba Maltin, Triq il-Karmelitani, Santa Venera SVR1724 Tel: 2123 9039, 2149 7046 www.midseabooks.com Copyright Letterarju © Alex Vella Gera, 2015 Copyright Editorjali © Klabb Kotba Maltin, 2015 Dan il-ktieb qed jinbiegħ bil-kundizzjoni li ma jistax jerġa’ jinbiegħ, jiġi stampat jew fotokopjat b’xi mod mekkaniku, elettroniku, jew diġitali, mingħajr l-awtorità bil-miktub tas-sidien tal-copyright.

Il-kwotazzjoni fil-bidu ta’ kull kapitlu hija mill-editorjal ta’ Il Bandiera tal Maltin, ħarġa tal-15 ta’ Awwissu 1914. Kwotazzjoni f ’paġna 6 minn Viva Malta ta’ Freddie Portelli. L-awtur jixtieq jirringrazzja dawn in-nies għall-kummenti siewja tagħhom flaħħar stadju tal-kitba ta’ dan ix-xogħol: Marie Gion, Annette Kotorri, Gloria Micallef, Glen Calleja, Clare Azzopardi, Charlie Grima, Daniel Fiott, Mark Camilleri. Il-karattri f’dan ir-rumanz huma mistħajla. Kull xebh li jista’ jkun hemm ma’ nies veri huwa purament kumbinazzjoni.

Sensiela Klabb Kotba Maltin Numru: 265 Tpinġija tal-qoxra: Jon Grech Disinn tal-qoxra: Pawlu Mizzi Qari tal-provi: Karl Coleiro Produzzjoni: Mizzi Design and Graphic Services, Sta Venera Stampat: Gutenberg Press, Ħal Tarxien ISBN: 978-99932-7-525-1


TROJAN

Scont il cliem tal imkaddsa Scrittura fl’ahhar zmenijet tad-dinja

Kienu għadhom jingħarfu l-ilwien mitfija tal-kelmiet “Golden Wagon Hall” mas-sinjal l-antik fuq l-arkata tal-bieb żgassat, bil-ħaxix ħażin tiela’ ma’ kullimkien, il-ħġieġ imkisser u ż-żebgħa titqaxxar millfaċċata bħallikieku tifkirietu stess kienu forma ta’ ġdiem. Kien sar jgħaddi minn hemm ta’ spiss dawn l-aħħar xhur, wara li għalqu t-triq li kien jieħu s-soltu mid-dar għall-knisja u lura. Kull darba jgħid lilu nnifsu li jmissu jieqaf u jittawwal, biex jerġa’ jara mill-qrib dak il-post. Għalhekk, dakinhar, malli lemaħ it-tabella bajda mwaħħla mal-bieb, kiser mill-ewwel lejn il-ġenb u pparkja. PA/02521/13 NOTIFICATION OF DEVELOPMENT APPLICATION Sa fl-aħħar kienu se jwaqqgħuh dal-katavru ta’ bini wara dassnin kollha jservi ta’ rifuġju għall-qtates. X’kienu se jibnu minflokha dir-rovina, xi blokk flats, uffiċini, garaxxijiet; insomma, xi ħaġa utli (skonthom). Tgħid ikollu jerġa’ jikteb l-ittri lill-gazzetta? Iddubita kienx għad għandu s-saħħa għal taqbida oħra. Ittanta jittawwal ġewwa iżda beża’ jidħol. Ma kienx għadu jiflaħ għal strapazz bħal dak. Ma tridx wisq li l-art tisfronda taħtu u tħallih tal-post. Minn ħdejn iddaħla tal-bieb seta’ jara sew it-tapit fl-intrata, li minkejja li inkallat bit-trab u l-ħmieġ xorta kellu ħjiel ta’ ħmura għadha tidher. | 3 |


ALEX VELL A GER A

Mal-ġenb kien hemm trittiku ta’ twieqi tal-aluminju, li kienu għadhom sħaħ, b’għadd ta’ ġenitali maskili u messaġġi oxxeni mħażża fit-trab oħxon mal-ħġieġ. Qabadlu ħarstu gremxul jittawwal minn xaqq fil-ħajt fuq rasu. Attent li ma jirfisx fil-ħara tal-qtates jew filħurrieq, kuntent li kien qata’ l-kurżità, reġa’ ħalla l-bini warajh, daħal fil-karozza u kompla fi triqtu lejn id-dar. Il-Golden Wagon Hall ċkien u għeb fil-mera. Kienu tgerbu s-snin, tal-aħħar bħal leħħa kienu għaddew. Kull waħda minn dawk is-sebgħa u sittin sena li kien ilu jferfer seta’ jħossha f ’ġismu, ittaqqlu, tistordih, tgħawġu u xxejħu. Seta’ jħossha x-xjuħija, f ’kull żjara għand it-tabib; illum juġgħak dahrek, għada l-musrana, pitgħada ma tarax sewwa. L-għadam isir trab u l-moħħ jinqasam f ’mitt xejn. F’wiċċu kienet ix-xjuħija, f ’dawk l-għajnejn bħal għerien li diffiċli tgħid jinfdux jew le u f ’dawk l-iljieli bla tmiem meta b’xejn ma kien jirnexxilu jagħlaq għajn m’għajn. Dan l-aħħar kien beda jistaqsi lilu nnifsu: Imma ’l għaliex daddwejjaq kollu? Għax kien imdejjaq, m’hemmx xi tgħid. Id-dwejjaq kien sar jeħel miegħu bħall-għaraq. Il-ħajja kienet saret għalih belliegħa ta’ dwejjaq. Imma għandi dritt inkun imdejjaq, wara li għext ħajja pjuttost trankwilla? Insomma, trankwilla, mhux eżatt, imma xorta xejn kbir meta tqis kollox u meta tqabbilha ma’ ħajjiet oħra, ta’ nies oħra li jisma’ bihom, li għalihom id-dinja hija tabilħaqq wied ta’ dmugħ. Tixgħel l-aħbarijiet biżżejjed biex wieħed jara kemm kellu raġun jaħseb hekk. U ma kellux għalfejn ifittex ’il bogħod. Kullimkien issib nies imdejqa jistaħbew wara tbissima u l-“mhux ħażin” tas-soltu. Ma kienx imdejjaq f ’dal-mument. Wara l-quddiesa kien l-isbaħ ħin tal-ġurnata għalih, dik in-nofs siegħa meta jkun għadu jħossu fi stat ta’ grazzja, mhux mittiefes mit-tgeġwiġija tad-dinja ta’ barra l-knisja mudlama, u s-sewqan tiegħu jibqa’ kalm u meqjus anke fost it-tpaqpiq tal-karozzi l-oħra, għax miexi wisq bil-mod għall-gosti tagħhom. Iżda dak il-kurrent ta’ dwejjaq hemm kien, dejjem, lest biex jerġa’ jitla’ fil-wiċċ mal-inqas ħsieb. Wieħed jistenna li tal-età tiegħu jkun ra u ħass kemxa sew millimrar li taf toffri l-ħajja, u b’hekk ikun tgħallem jaċċetta. Biż-żmien, | 4 |


TROJAN

minflok, huwa u jixjieħ, kien sar bniedem dejjem iktar gergieri. Kien igerger dwar kollox, mit-togħma li m’għadhiex li kienet tal-ħobża Maltija, sal-kwalità dejjem tmajna tal-programmi ta’ varjetà fuq itTaljan, mhux bħal qabel ... qabel l-affarijiet kienu aħjar, kollox kien aħjar. Tant kien jiġih naturali li jmaqdar, li iktar iva milli le lanqas biss kien jinduna li għaddej bl-istess kantaliena tas-soltu, qisu l-ħin kollu f ’qalbu jikkomponi ittra tfur bil-għadab lit-Times of Malta, platitudni wara l-oħra, impossibbli għalih jirreżisti t-tentazzjoni. Kemm ma jafux jibnu daż-żmien, kull bini ta’ kruha li twerrċek, kemm kienu jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom it-tfal dari, mhux bħal-lum, u kemm kienu iktar fuq ruħhom it-tfal dari, kemm kienet tagħmel is-sens l-arti fl-antik, u issa m’għadhiex, kemm kienu jilbsu isbaħ in-nisa dari, kemm jiftakarhom iżjed onesti u bla ksuħat il-plejers tal-futbol, u kemm hi iżjed storbjuża d-dinja tal-lum, kemm irrovinaw kollox il-flus u kemm kien kollox iktar innoċenti qabel, kif kollox sar ma jiswa xejn, kif morna l-baħar jaħasra. Spiċċat id-dinja. Ma setax jgħid kienx sintomu tax-xjuħija, iżda dawn l-aħħar snin kien beda jħossu bħal wieħed itturufnat, raġel eżiljat f ’pajjiżu stess, bħal wieħed li raqad mitt sena u meta fl-aħħar reġa’ qam, sab ruħu f ’Malta differenti, mhux il-Malta li kien jaf, li twieled fiha. Il-Malta tal-lum kienet Malta li ma setax jagħrafha. Pajjiżu ma kienx għadu pajjiżu. Fejn hi Malta ta’ dari? Fejn hi s-sbuħija li sserraħ l-għajn? Dik id-devozzjoni u kalma fis-skiet u l-ġabra? Fejn hi ċ-ċertezza li l-għada x-xemx se tisbaħ fuq gżejra f ’nofs il-Mediterran li tabilħaqq hija l-fior del mondo, fejn il-ġebla għaslija tilgħaq ix-xemx u ħalba xita tinxtamm ġejja maż-żiffa minn wara l-għelieqi. Kienu fqar il-biċċa l-kbira talMaltin dari, iżda kienu kuntenti. It-tbissima fuq wiċċhom kienet ġenwina. Kien jaf li din forsi kienet ġeneralizzazzjoni sempliċistika, iżda fil-qofol tagħha kienet vera. Il-Maltin kienu iżjed kuntenti dari, għaliex kienu jgħixu fil-biża’ t’Alla u fil-grazzja tal-Madonna. Dak kien fatt indiskutibbli. Biżżejjed tixgħel l-aħbarijiet biex tara fiex wasalna issa li l-Maltin “inħelsu” mir-reliġjon. Jaf li dal-ħsibijiet m’għadhomx moda. Jaf li wara biss żewġ paġni hemm min diġà qed itella’ u jniżżel iridx ikompli jaqra jew inkella | 5 |


ALEX VELL A GER A

jagħlaq dan il-ktieb u qatt ma jerġa’ jiftħu. Dawn tiegħu kienu ideat antikwati, ta’ min ma mexiex maż-żminijiet, ta’ wieħed li ssaddad, reazzjonarju, meqjus patetiku, skadut. Iżda l-fatt kien li iżjed ma kienu jarawh hekk in-nies, jew jaħseb li qed jarawh hekk, iktar kien iħossu jisseddaq, leħen fid-deżert qed jara t-tmiem riesaq. Sadanittant, kulħadd medhi jaħli moħħu fuq il-kompjuter, u t-tfal tal-lum saru insopportabbli. L-omnipotenza tal-kruha, ilguffaġni, id-dilettantiżmu. Abbandunajna ’l Alla, x’tippretendi, ilmoralità saret xi ħaġa li tinxtara u tinbiegħ, kollox huwa għall-bejgħ, il-bniedem issa wasal f ’tarf l-abbiss, daqt jasal nofsillejl, is-serduq se jidden, tliet darbiet se jidden isem min ittradieh lil Kristu, u l-isem mhux Xmun Pietru ħa jkun, iżda Malta, Malta kollha, mill-ikbar sal-iżgħar, min konxjament ittradieh, għax ma jemminx, għax tah dahru lil Alla, u hemm min qed jittradih billi ma jagħmel xejn, billi joqgħod ċiċċi bekki mat-tarf, taparsi ma ra xejn, taparsi mhuwiex id-dmir tiegħu li jiftaħ ħalqu u jgħid is-sewwa, li jiġġieled. Kif tmur il-kanzunetta? Ġlied u gwerer din l-art rat iżda rebħet kull kumbatt. Kull kumbatt, ħlief dan. Dil-gwerra kienet se titlifha Malta. Diġà tilfitha. Fejn huma l-gwerriera ta’ Kristu? Fejn qed jistaħbew? Ma jafux li ilu li wasal jum il-Pentekoste u l-ilsna tan-nar qed jintfew? Id-dinja moderna tħobb tirredikola nies li jaħsbu bħalu. Anke li kieku kellu jinżel Alla Nnifsu u jgħid dawn l-affarijiet, x’aktarx jidħqu jibdew. Għaliex il-bniedem modern jinsab mitluf fi ċpar folt ta’ ingann u kodardja u m’għadux jaf jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kollox sar xejn mhu xejn. Jiftakar sew darba minnhom waqt il-lig tal-futbol l-iskola ta’ ibnu Miguel. Eżatt biswitu kien intasab missier wieħed mit-tfal, u dan qabad jidgħi u jiġbed bil-Madonna kontinwament, b’kull xutt lejn il-lasta, b’kull fawl, għax ibnu milli jidher kien wieħed mill-aqwa plejers fil-grawnd, u dal-missier ma kellux idea tal-kunċett ta’ logħob għall-gost u ried jarah rebbieħ akkost ta’ kollox. Ġenituri oħra bilqiegħda fil-qrib kienu qed iħarsu lejh bl-ikrah lil dan, imma ma qalulu xejn. Anzi, uħud wara ftit bdew jidħqu. X’kien hemm tad-daħq ma setax jifhem. Ovvjament, moħħ ta’ nemla għandhom dan-nies, jidħqu għalxejn, basta jidhru sbieħ. | 6 |


TROJAN

Ħass antipatija u stmerrija għal dan il-bniedem. Quddiem it-tfal kien qed jidgħi dan, kollha setgħu jisimgħuh. Għal xi minuti qagħad jisma’ dal-kliem ikrah jidwi madwaru, kull darba jħoss bħal daqqa ta’ ponn fl-istonku, sakemm ma felaħx iżjed, taptaplu fuq dahru u qallu jiskot, li jmissu jistħi. Dan ħares lejh u tbissem. Kienet tbissima ta’ ardit u dak il-ħin ried jagħmel għalih, jifqagħlu wiċċu. Għaddiet minn moħħu dak il-ħin fantasija ta’ dar-raġel stupidu jittajjar minn karozza, u għaraf li xtaqlu d-deni, xewqa li tmur kompletament kontra t-tagħlim ta’ Kristu. Jaqbdu l-bard u l-vista tiċċajpar. Għadmu jsir trab. Iħoss se jaqla’ fwiedu. Iħossu infettat. Kien imdawwar biha din l-infezzjoni tinfetta ’l kulħadd. Soċjetà marida. Epidemija. Kulħadd infettat. Stajt ixxommha, meta toħroġ barra, meta tixgħel it-televixin, dik ir-riħa ta’ dekompożizzjoni spiritwali, ta’ fidi kkastrata. Biżżejjed tara fit-trunċieri tal-ħajja ta’ kuljum, fejn armata ta’ Maltin pass pass qed jarmu qisu xejn mhu xejn il-wirt reliġjuż tagħhom biex ikunu bħal ta’ barra, biex ikunu moderni, għax kienu moħħhom biss fit-tlellix falz tad-drittijiet individwali, moħħhom fl-individwu u jinsew il-kollettiv, il-ġisem ta’ Kristu. Intilfu fid-dettalji jaħasra, u ġabu kollox ta’ taħt fuq. Possibbli ma jarawhiex dil-verità? Kultura ta’ elfejn sena, ġojjell ileqq virtù mad-dinja kollha, kif tista’ tarmih barra hekk, kif ġie ġie, f ’isem ċerti drittijiet astratti li ħolmu bihom xi individwi żgwidati f ’pajjiżi oħra? Ma jifhmux dal-Maltin moderni li dak li qed jarmu barra, qed jarmuh għal dejjem? Joqogħdu jħambqu fuq il-ħarsien tal-wirt storiku u l-ambjent, u fl-istess waqt il-wirt reliġjuż li tant hu iżjed importanti qed jintesa qisu qatt ma kien. Malta Malta, lama sabaktani? Darba l-Belt, m’ilux, kien xhud ta’ xena li fuq il-karta tinstema’ inokwa, kważi banali. Lemaħ mara u ż-żewġt itfal tagħha ħerġin millMcDonalds ta’ Strada Rjali. Il-mara kienet qed tħaffef ittektek messaġġ fuq il-mowbajl waqt li wieħed mis-subien kien qed jiġbdilha d-dublett qasir kważi tidhrilha l-patata, għax ried jgħidilha xi ħaġa importanti | 7 |


ALEX VELL A GER A

u hi ma kinitx qed tagħti kasu. Il-ħaġa li ġibditlu l-attenzjoni l-iżjed kienet it-tpinġija li din l-omm kellha fil-parti t’isfel ta’ daharha, jew aħjar, il-parti ta’ fuq tal-warrani. Tpinġija b’disinn astratt, tat-tip li dan l-aħħar kien sar moda. Għala hemmhekk? Żgur mhux biex tfaħħar lil Alla għamlet tpinġija f ’dik il-parti ta’ ġisimha. Kienet maħsuba għal ħaġa waħda biss, stedina okkulta lir-raġel, kwalunkwe raġel, biex jeħodha minn wara bħal annimal. L-estetika tal-pornografija, kif kien jgħidilha hu, oppressiva, taraha kullimkien, l-arma tat-tirannija liberali, tikkapparra anke l-ġisem sagru tal-mara omm, tindiehes fil-familji Maltin li darba kienu l-fortizza tan-nazzjon, tħammeġ anke d-don kbir tal-att sesswali li rregalalna Alla. Għad nibkuha l-innoċenza xi darba, kien iħobb jgħid lil kull min jindenja jagħtih widen. U tmorrux taħsbu li kien iqis lilu nnifsu innoċenti. Kulħadd kien ħati. Kulħadd konsapevoli, kulħadd koinvolt. Anke hu, għax meta f ’daż-żminijiet ta’ dlam m’ilux ra żewġt irġiel jitbewsu mingħajr mistħija f ’nofs Strada Rjali (għal darb’oħra l-istess triq, dak il-palk fejn tippassiġġa s-soċjetà Maltija fil-glorja kollha tagħha), ma fetaħx ħalqu. Minflok, telaq iħaffef għan-naħa l-oħra tat-triq, biex jevita dawk iż-żewġ membri tal-aristokrazija l-ġdida tal-pajjiż, il-gays, li ħadu li riedu u issa mis-saba’ jridu l-id. Il-pajjiż f ’idejhom, għax Alla Ħares Qatt xi ħadd jgħid xi ħaġa kontrihom għax jinkorla kontrik poplu sħiħ ta’ mogħoż. Ħassu bħal ġurdien qed jaqsam kamra sparat biex ma jinqabadx, b’sens ta’ rabja u mistħija quddiem Alla. Għax dik l-agħar ħaġa hux, mhux li ma tikkundannahomx iżda li tibża’ tikkundannahom. Huwa dak il-biża’ li jbeżżgħu l-iżjed, għax ifisser li qed jgħix taħt dittatura vera u proprja li tbeżżgħak u ma tħallikx titkellem minn rajk. Tirannija tal-ħażen, immexxija mill-kummerċ, il-mezzi tax-xandir, il-kultura tal-popolarità, il-pornografija, dik l-armata liberali ħierġa għatxana minn żaqq dak iż-żiemel ta’ Trojja msejjaħ il-libertà tal-espressjoni, u d-drittijiet indaqs, u ejjew nimxu maż-żminijiet. Ħadet li riedet din id-dittatura, u ġabitna pupazzi, nies bla sinsla, Insara li ma jiswewx karlin. Għal ħafna nies, dawk li jara barra jgħixu ħajjithom qisu xejn mhu xejn, tinstema’ esaġerazzjoni stupida li tgħid li qegħdin jgħixu | 8 |


TROJAN

taħt “tirannija”, għax li jridu qed jagħmlu, il-libertà jaħsbu li jafu x’inhi, qed jgħixuha wara kollox. Imma dak kien il-punt. Tirannija effiċjenti ġġagħlek taħseb li inti għadek liberu, meta fil-verità dik il-libertà tagħmlek skjav. Kif qal darba xi ħadd għaref: The greatest achievement of the devil is that he has convinced the world that he does not exist. Min kien qalha? Imissu jfittixha. Fuq l-Internet kieku ssib min f’temp ta’ ftit sekondi, ma tridx wisq, iżda ma jiddelettax bil-kompjuter. Is-soċjetà moderna konvinta li x-xitan ma jeżistix, iżda kull min għandu l-melħ f ’moħħu u għajnejn biex jara u widnejn biex jisma’ u qalb biex iħoss u ruħ li tibża’ l-biża’ t’Alla, jaf sew li x-xitan mhux talli jeżisti, talli qed juri wiċċu kullimkien issa, mingħajr biża’ li jinqabad, għax ix-xitan kamaleonte makakk. Hiding in plain sight, frażi oħra bl-Ingliż li tgħid ħafna. Il-kamuflaġġ tiegħu huwa l-umanità nnifisha, għax fina jgħammar u fina lkoll isib il-moħba tiegħu. Umbagħad hemm hu, raġel kwalunkwe li joqgħod lura u jibża’ jgħid dak li jaħseb, jibża’ jgħolli leħnu u jistqarr li l-gideb huwa gideb u li l-verità hija Waħda biss. Gwerra! Niddikjaraw gwerra kontra l-ħażen! Irridu niġġieldu, bi qlubija! U bi tjubija! Xi żmien ilu kien inzerta programm fuq ir-Rai Tre dwar ilBrigate Rosse u gli anni di piombo fl-Italja tas-snin sebgħin. Kien programm minn dawk li jafu jagħmlu tant tajjeb it-Taljani, u daħal fid-dettall dwar it-terroriżmu ta’ dak iż-żmien u l-istejjer ta’ wara l-kwinti li snin wara biss bdew jiġu żvelati lill-pubbliku, bħal ngħidu aħna l-istrateġija tat-tensjoni, l-idea ta’ agents provocateurs, il-false flag actions, psy ops u tattiki oħra li ntużaw f ’dawk is-snin millAmerikani u oħrajn biex jeqirdu l-pjaga tal-Komuniżmu fl-Italja. Hekk kien hemm bżonn, assalt totali u kontinwu, aggressjoni kontra l-aggressjoni. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, f ’dinja moderna li remietu lil Alla, ir-realtà kienet li kien hemm bżonn l-aggressjoni, il-makakkerija, l-ispiji, is-servizzi sigrieti, is-CIA tal-fidi, dawk li kienu lesti jikkompromettu ruħhom għall-ġid tal-poplu t’Alla. F’qalbu hemm ried ikun, wieħed minn dawk, lest li jaqdi dak id-dover. Imma ormaj kien xjaħ. Xjaħ sew. Kien tard wisq għalih. | 9 |


ALEX VELL A GER A

Mit-tfulija kien ilu dilettant tal-films tal-Bibbja, l-iżjed dawk dwar l-ewwel Insara, bħal Quo Vadis, Ben Hur, The Robe. Kienu għadhom jispiraw fih fantasiji sigrieti li għad imut martri, u li jiddevorah iljun quddiem folla krudili u grotteska ta’ Rumani lebsin is-sandli u t-togi, kollha bis-saba’ l-kbir jipponta ’l isfel, jew bħaddixxipli ta’ Kristu li beżgħu u staħbew u fil-jum tal-Pentekoste mtlew bl-Ispirtu s-Santu u b’kuraġġ kbir ħarġu bi ħġarhom fit-toroq ta’ Ġerusalemm jipprietkaw il-bxara t-tajba. Jew kavallier fi żmien ilKruċjati, quddiem Ġesù msallab jerħi ruħu f ’Idejh huwa u jitqarben, forsi għall-aħħar darba, f ’xi kappella mdawla b’mijiet ta’ xemgħat, u l-innijiet ifuru mill-ħluq ta’ ġuvnotti kkastrati, l-inċens idaħħan madwar l-artal. Fantasija medjevali, dak kollox, aktarx xi ftit jew wisq ispirata mill-mużika mqanqla fuq il-hi-fi tal-karozza, L’Orfeo ta’ Monteverdi, dawk l-ilħna polifoniċi jimmassaġġawlu ruħu. Lura fil-karozza, lura fis-seklu wieħed u għoxrin. Ladarba ftaħna s-siparju bil-“Golden Wagon Hall”, tajjeb li niċċaraw x’kien l-użu ta’ dal-post qabel ma falla u ġie abbandunat, u għalfejn iqanqal fih daqstant emozzjonijiet wara daż-żmien kollu. Kienet sala tat-tiġijiet li għal ħafna snin kienu jseħħu fiha wkoll festini għal okkażjonijiet oħra mhux marbuta maċ-ċelebrazzjoni sagra ta’ raġel u mara magħqudin fiż-żwieġ, bħal ngħidu aħna parties tal-ewwel tqarbina jew tal-griżma, għal dawk il-familji li tant ikunu numerużi li dar Maltija ta’ daqs medju ma tesagħhomx kollha, jew riċevimenti ta’ lejlet l-ewwel tassena, tal-gradwazzjoni (lejn l-aħħar kienet bdiet issir ta’ spiss din, fejn qabel ftit li xejn kienu dawk il-ġuvintur u xebbiet tar-raħal li kienu jafu fejn hu Tal-Qroqq, aħseb u ara jiggradwaw), lezzjoni ta’ line dancing kull nhar ta’ Tlieta fis-7 pm għall-aħħar sentejn qabel ma għalaq għalkollox ftit qabel il-millennju, u oħrajn li lanqas ħaqq insemmuhom, għaliex l-avveniment li jiġih f ’rasu l-ewwel u qabel kollox huwa u jgħaddi minn quddiem dak il-post huwa t-tnedija ta’ ktieb, rumanz, bil-Malti, miktub minnu stess, li saret nhar l-20 ta’ Frar 1976, meta ż-żebgħa kienet għoddha lanqas laħqet nixfet fuq il-ħitan u għadha lanqas straħet traba waħda fuq il-kandelabru bombastiku f ’nofs is-sala ewlenija. | 10 |



Ah the good old days konna ahjar meta konna ghar (Kumment fuq Facebook) Trojan huwa ktieb dwar it-traffiku bejn dak li għandu preżenza storika u dak li huwa fil-lil hinn… (Glen Calleja, Poeta) Ġanni Muscat huwa raġel irrabjat. Wieħed jistenna li tal-età tiegħu jkun ra u ħass kemxa sew mill-imrar li taf toffri l-ħajja, u b’hekk ikun tgħallem jaċċetta. Biż-żmien, minflok, huwa u jixjieħ, kien sar bniedem dejjem iktar gergieri. Kien igerger dwar kollox, mit-togħma li m’għadhiex li kienet tal-ħobża Maltija, sal-kwalità dejjem tmajna tal-programmi ta’ varjetà fuq it-Taljan, mhux bħal qabel ... qabel l-affarijiet kienu aħjar, kollox kien aħjar. Kemm kienu jilbsu isbaħ in-nisa dari, kemm jiftakarhom iżjed onesti u bla ksuħat il-plejers talfutbol, u kemm hi iżjed storbjuża d-dinja tal-lum, kif kollox sar ma jiswa xejn, kif morna l-baħar jaħasra. Spiċċat id-dinja.

Alex Vella Gera (1973) huwa l-awtur ta’ żewġ rumanzi oħra, L-Antipodi (2010) u Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi (2012), li rebaħ ilPremju Nazzjonali tal-Ktieb. Jgħix Brussell fejn qed jara ’l Malta bil-mod titbiegħed minnu, jew hu jitbiegħed minnha, b’kull ktieb li jikteb u b’kull Facebook friend li jaċċetta.

ISBN 978-99932-7-525-1

Edizzjoni

klabb kotba maltin 9 789993 275251

numru 265


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.