IL-PONT Settembru 2020

Page 24

BIRŻEBBUĠA MAZ-ZIJA MARÌ - SAJF 1953 Kitba ta’ Carmen Refalo Fis-sajf toħodni l-baħar tniżżilni ngħum fil-baxx b’żaqqi tħokk mal-qiegħ ma stajt nitgħallem qatt Qabel ma siefret iz-zija Tereż kienet toħodni spiss inċafċaf ir-Ramla ta’ San Tumas kif jibda jisħon l-ilma baħar; ziti Marì qatt ma tħajret tiġi magħna. U z-zija Ċett li kienet toħodni kullimkien dejjem ressqitni lejn il-baħar kemm nixtru l-ħut; qatt ma kellha malja, lanqas libsa bħal tas-Sorijiet, biex tinżel tgħum biha. U l-istess nista’ ngħid għaz-zija Marì; safejn naf jien kuxxtejha qatt ma ħmaru bix-xemx la fuq il-bejt u lanqas f’xatt il-baħar. Niftakarha tgħid li qatt ma kienet telgħet fuq dgħajsa, li marret Għawdex darba biss u li tgħidx kemm kienet beżgħet sakemm waslu bil-vapur. Kienu ħaduha Xandru tal-merċa u martu Sunta li dak iż-żmien kienet taħdem magħhom. Sunta tant xtaqitha tmur, bħala ħabiba u fl-istess ħin tgħinha bit-tfal, li ziti fl-aħħar qatgħetilha xewqitha. Mart Xandru kienet tirrispettaha daqslikieku kienet ta’ ġewwa. Wara li siefret oħtha Tereż u jien ma kienx baqagħli ’l min joħodni l-baħar, iz-zija Marì għamlet il-kuraġġ u bdiet toħodni Birżebbuġa biex ngħum ġo Pretty Bay. U kien hemm raġuni l-għala kienet għażlet dak il-post. Għax sirt naf li kif tfarfret u bdiet taħdem man-nies, ziti Marì kienet tmur għand koppja tat-tajjeb millBirgu li wirtu post mal-baħar hemmhekk. U matul isSajf bdew iniżżluha magħhom kull darba li jmorru xi jumejn Birżebbuġa; kienet l-ewwel darba li ħarġet minn Bormla u gawdiet l-arja tal-baħar f’post fejn issinjuri kienu jħobbu jqattgħu il-jiem mimlija sħana tas-Sajf. F’dal-post ta’ villeġġjatura kienet tlesti malajr dak li kellha tagħmel. U sadattant il-koppja żagħżugħa kienu jistennewha sakemm tinżel ħdejhom max-xatt. U kif taqsam it-triq u tasal maġenbhom setgħu jinżlu jgħumu u joħorġu kemxejn ’il barra waqt li hi kienet toqgħod tieħu gost

iċċafċaf saqajha fl-ilma. Fl-istess ħin kienet toħdilhom ħsieb il-basket bil-ħwejjeġ ta’ fuq u blarloġġi u żewġ kotba taħt il-kpiepel fuq wieħed missiġġijiet u l-umbrellel kulur ċar għax-xemx, fuq lieħor. Aktarx li għalhekk kienet għażlet li toħodni ngħum f’dik il-bajja għax kienet drat u saret taf il-post; li setgħet tħallini ninżel waħdi fejn il-baħar kien imrammel u baxx. Kellha ħabta twiddebni mill-jum ta’ qabel u twissini biex ma nwebbilx lil xi tifla oħra biex tiġi magħna, “U ara li ma tgħidx xi ħaġa lil Gerita; dik tosta u tibqa’ tibqa’ sakemm tgħaddi tagħha,” għax żewġt itfal fl-ilma kienu wisq għal ziti.

Għadni naraha minn filgħodu timla l-qoffa; b’xugaman u tibdila ta’ taħt għalija, bi flixkun ilma tal-ħġieġ u bott żgħir tal-enemel għal meta jaqbadna l-għatx u platt fond biex ikollha fejn idellek il-ħobż biż-żejt waqt li tkun bilqiegħda fuq wieħed mitturġien max-xtajta. U fil-qoffa jkomplu jiżdiedu ttadam, vażett biż-żejt u ż-żebbuġ, qratas bil-melħ u lbżar u nofs ħobża friska bis-sikkina b’kollox magħhom. Wara li titfa’ paljazza nadifa u tgħatti kollox il-qoffa kienet tkun lesta tistenniena fuq wieħed mis-siġġijiet fl-intrata. U fil-basket tad-drapp tiegħi ma kienx jonqos la lbarmil iż-żgħir għal-logħob fir-ramel u lanqas issalvawomo ħalli żgur nibqa’ fil-wiċċ.

24


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.