L-Għira… Bażwija?
http://www.magforwomen.com/wp-content/uploads/2012/04/ways-to-get-rid-of-jealousy.jpg Min jgħir qatt ma jsib paċi…
Min hu medjokri, jaf ifaħħar lill-ġenju biss billi jgħir għalih. Fulton J. Sheen
“Ma nafx ngħir.” Hekk qaltli waħda mara li bilkemm nafha, meta konna rikbin tal-linja. Sadannitant, ma waqfitx tmaqdar lil dik u tikkritika lill-oħra, tant li f’qalbi għedt min jaf kif qed tiflini, din, biex tiskoprili ddifetti kollha li għandi. Ma tantx nammettu li ngħiru, bilġri, jekk mhux ma’ xi ħabiba intima jew waqt il-qrar. U ma nistgħux nifhmu li billi ngħiru, ma niksbu xejn – ħlief forsi xi ulċera fl-istonku. L-għira kerha. Ma tħallikx tgawdi li jkollok, u fforsi twasslek biex tħarref fuq dak li jkun, biex jidher ikrah f’għajnejn in-nies, u tnaqqaslu ftit mill-preġju li jkollu. Kemm-il darba smajna kliem bħal, “...jaħassra nithassarhom lit-tfal tagħha. Imlaħħqa tant, u huma, msieken, dejjem id-dar waħedhom, mhux żgur issiib cans issajrilhom…” [u jekk int għandek kurżita jekk issajjarx, għax ma tistaqsix lilha; u jekk titħassarhom tant, għax ma tgħidilhiex li ħa titmagħhomlha?]. Inkella… “…m’għandhiex f’hiex tonfoqhom il-flus… għadha kif marret il-Greċja, iss marret il-Ġermanja…” U lilek, bħalek, x’jinteressak fejn marret u x’għamlet, la ma nefqitx il-flus li għandha dejn miegħek flok ħallsitek? Bl-Ingliż nagħmlu differenza bejn jealousy u envy. Bil-Malti, le. Kollox jaqa’ taħt għira, għalkemm hawn min jua l-kelma invidja. Ngħir għax ħaddieħor għandu li m’għandix jien. Ngħir għax ħaddieħor hu l-melħ tal-art, u kulħadd jammiraħ, u lili le… ngħir li ma jmorrux dawk li nqishom bħla “tiegħi” isiru jammiraw jew iħobbu lil ħaddieħor iżjed milli jħobbu jew jammiraw lili. Ma nsellifx dak li mhux qed nuża, lil ħaddieħor, ma jmurx b’dak li nisilfu b’xi mod isir aħjar minni. U din mhux enerġija mitlufa? Kull emozzjoni negattiva hija ħela ta’ ħin… ħin li ma jerġax jiġi. Flok nitfantsu għax m’għandniex xi ħaġa, nidraw napprezzaw dak li għandna. Jekk b’nofs daħqa tgħid “aħħ, x’għira!”, tista’ tkun qed tagħmel ċajta innokwa – iżda tista wkoll tkun qed trawwem wieħed mill-irjus tad-dnubiet il-mejta…Kull wieħed minnhom hu morsa li ladarba taħmek ma tanx teħilsek malajr; bħal ma San Pawl jgħidilna li jifga l-frott tal-Ispirtu… xi ħaġa li l-Mulej jistkerraha. Hawn min jghidlek li meta tammeti li tgħir, l-għira tkun biss każwali. Meta xi ħadd jgħidlek “…ġmielek… kemm għandek kunjata tħobbok, mhux bħal tiegħi… ġmielek…kemm għandek dar sabiħa, mhux kollox ħa jaqa’ u ma jaqax, bħal tiegħi… ġmielek, kemm għandek tfal bravi, mhux bħal tiegħi, ma jafux a minn b…”
ma tantx ikunu qegħdin jifirħu li int tkun f’pożizzjoni tajba fil-ħajja tiegħek. Hawn għandna, bla xeni u xenati, nitolbu l-protezzjoni tal-Mulej fuqna. Hawn min jifraħ meta jiġri xi ħaġa ħazina lil xi ħadd; “għax issa tkun taf x’jiġifieri”. Din li l-għira li tnawwar ir-ruħ ta’ min jgħixha, u teqirdek minn barra għax qatt ma ssib paċi… f’ħaddieħor. “Qalb li tgħir hija qalb mimlija mrar, li fiha l-ħall minflok demm, u li tfixkel lill-komunità,” qalilna l-Q.T. Franġisku I. L-għira mhux loġika. Qatt ma nistgħu inkunu dak li ngħiru għalih, għax iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħna huma totalment differenti minn tiegħu. Mela għaliex qegħdin qisna isqra fuq dak li jagħmel u jgħid ħaddiehor, biex kif jagħmel żball inxandruh mal-erbat irjieħ? La għandna li ninħtieġu, mela allura aħna sinjuri… u m’għandniex għalfejn ngħiru għal ħadd. tanjachill@hotmail.com