Uff, xi Sħana
https://www.gths.ca/wp-content/uploads/volunteers.jpg
Dari konna ngħidu li kull razza għandha l-paljazza. Imma jekk tieqaf tissemma’ ftit meta tkun f’serbut biex tinqeda’ fil-bank jew għand tal-merċa, jew għand tal-ħaxix, għandek mnejn tibda’ temmen li leċċezzjoni saret xi ħadd li mhux paljazza. Kulħadd igemgem għax is-sħanat, il-longa, l-għaraq, il-ħafas, u għexieren ta’ sensazzjonijiet li jagħmluna skomdi, u, appuntu, inħossuna qisna paljazzi. It-telqa li jġib is-sajf Malti iżżid id-dipressjoni u tnaqqas il-motivazzjoni. Min forsi forsi kien jasal biex jissielet mal-elementi kiefra tax-xitwa u jmur jimxi żewġ mili fil-5.00a.m., bilkemm ikollu aptit iqum minn taħt il-fann biex imur jagħsar żewġ larinġiet. Dan għalkemm nafu li anki l-psikjatri jgħidulna li l-eżerċizzju hu ta’ benefiċċju għal kulħadd, u jtejjeb is-saħħa mentali kif ukoll fiżika. Mn’alla jkun il-baħar, għal min iħobu u jista’ jmur, biex niċċaqalqu xi ftit… Huwa veru li fis-sajf wieħed jissoċjalizza iżjed, għax it-temp jgħidlek ‘oħroġ’; imma dan mhux biżżejjed. Jekk kull ma tagħmel ikun li toħroġ is-siġġu fuq l-għatba, jew tintefa’ f’ħanut tindafar… la tkun qed tagħmel ġid lilek innifsek u anqas lill-proxxmu (ħlief forsi lilt al-ħanut). Li taħdem bla ma titħallas għandu mnejn ma jkunx inċentiv biex “tqum minn hemm”; aħjar li tolgħaq ixxemx u meta tħossok għasra bl-għaraq, tixrob xarba kiesħa… sakemm ma tifhmix li jekk fl-skeda ta’ ħajtek iddaħħal xi ħaġa verament importanti, tegħlebu xi dwejjaq li jista’ jkollok, filwaq li tkun qed tuża lħin b’mod sew u xieraq. Kultant, jgħaddilna ħsieb li inqas ma naħdmu, iżjed inkunu għajjienin, u iżjed jiġina l-aptit li nitgħażżnu. Iżda jekk b’mod konsistenti nippruvaw inkunu ta’ għajnuna u fejda għal ħaddieħor, dan jiswa’ lilna wkoll, għax kif jgħid an Franġisk, meta nagħtu aħna naqilgħu. Inħarsu madwarna. F’kull belt u raħal hawn fejn tagħti daqqa’ t’id – ċentri tal-anzjani, djar tat-tfal, entitajiet volontarju, fil-parroċċa stess… u jekk int ma tħossokx komdu tgħin fejn toqgħod int, fittex iżjed ‘l bogħod… imqar jekk int u ħabib ieħor tmorru flimkien biex ma tħossukomx stramani. Meta wiehed jagħmel il-volontarjat, jonqsu l-istress akbar u l-ansjetà. Ikollox il-motivazzjoni li tlesti ruħek u toħroġ, biex tagħti servizz; u, hawn min jgħid, tiżdied il-konċentrazzjoni, u tħossok iżjed b’saħħtek. Biex tgħin lil ħaddieħor, m’għandekx bżonn tonfoq flejjes kbar. Kultant biżżejjed li int “tkun hemm” biex tisma’ dak li għandu xi jgħid xi ħadd li jħossu waħdu, jew imqar taqralhom xi storja, jew il-gażżetta.
Dan ix-xogħol jista’ jsir ukoll matul is-sena; iżda hawn min, fis-sajf ikollu iżjed ħin, u ma jkollokx għalfejn tibża li ser taqbdek ix-xita. Ħaġa ħafifa li ddaħħal idek fil-but u toħroġ il-flus meta jkunu qed jiġbru biex jagħmlu ħamper biex jittella’ mal-prima, biex jinġabru l-fondi. Kollox irid ikun. Imma jekk aħna rridu xi ħaġa li jkollha impatt kbir fuq listat psikoloġiku tagħna, m’hemmx għażla aħjar lilli ngħinu lil ħaddiehor, bla ma nistennew xejn lura.