6 minute read

Joanna Camilleri – Minn suċċess fil-judo għal ieħor bħala ġurnalista tal-isport

Kitba ta' Cristian Muscat

JOANNA CAMILLERI

Advertisement

Minn suċċess fil-judo għal ieħor bħala ġurnalista tal-isport

Joanna Camilleri, preżentatriċi u produttriċi tal-programm Sports Panorama, tidher kull ġimgħa fuq TVM2 u tirrapporta varjetà ta’ sports. Joanna tirrapporta wkoll il-futbol tal-Premier League matul il-weekend millistadium nazzjonali u l-programm talwaterpolo Swimup fis-sajf.

Joanna taħdem bis-sħiħ għall-promozzjoni ta' sports differenti u sabiex aktar nisa iħallu l-marka tagħhom fl-isport.

Joanna saret waħda mill-aktar preżentatriċi tal-isport rispettati f’pajjiżna.

L-ewwel nett irrakkonta l-esperjenza tiegħek fil-judo u l-unuri li rbaħt.

Kelli karriera twila fil-judo mat-tim nazzjonali u rrappreżentajt lil Malta f’kompetizzjonijiet differenti, prinċipalment GSSE, World Cups, World Championships u Commonwealth Judo Championships. Irbaħt ukoll sitt midalji f'ħames edizzjonijiet differenti tal-Logħob talIstati Żgħar tal-Ewropa.

Kienet deċiżjoni iebsa li ħadt fl-2015 wara l-GSSE fl-Iżlanda. Kelli nwaqqaf il-karriera tiegħi fil-judo. Ħassejt id-dinja taqa’ fuqi, kelli nħalli lill-ħbieb tiegħi kollha tal-judo u lill- persuna li kienet qisha oħti, Marcon Bezzina. Il-judo kien qisu t-tieni familja tiegħi. Qattajt 20 sena minn ħajti nissagrifika kollox sabiex inkun l-aħjar verżjoni ta’ atleta u judoka. Ivvjaġġajt, ikkompetejt, tħarrigt, irbaħt, tlift, sofrejt meta kelli injuries, sofrejt meta kont waħdi fi training camps però kienet xi ħaġa li għażilt u xi ħaġa li ridtha b'passjoni. Ma kontx nagħmilha mod ieħor.

Kif imbagħad għażilt il-ġurnaliżmu sportiv?

Minn mindu kont żgħira kont inħobb noqgħod nikkummenta jew inparla taparsi qed nagħmel l-aħbarijiet sportivi – minn dejjem kien jogħġobni x-xogħol, però bħala xogħlijiet dejjem kienu jenfasizzawlna li hawn iżjed bżonn għalliema tal-PE minn kull xogħol ieħor fl-isport. Iżda dejjem baqa’ f’moħħi u l-ewwel opportunità fit-TV li kelli kont ħadtha meta kelli 18-il sena – programm tażżgħażagħ bl-isem Faces, imbagħad ħadt opportunità oħra ta’ kopreżentatriċi ta’ programm sportiv L-Argument. Kelli nieqaf għal ħafna snin minħabba l-judo, però malajr ġiet opportunità oħra fuq Net bħala kopreżentatriċi tal-programm Replay. Imbagħad fl-2014 bdejt ma’ TVM u minn hemm bdiet il-karriera tiegħi li nħares ’il quddiem b’mod pożittiv immens. Il-mara, fl-isport, tista’ tkun esperta wkoll ladarba tagħmel xogħolha sew. Tista’ titkellem u tiddiskuti mingħajr problemi ta’ xejn.

Kif tqis il-livell tal-ġurnaliżmu sportiv f'pajjiżna?

F’Malta, bħal kull pajjiż ieħor, għandna nies kapaċi immens. Jibqa’ l-fatt li f’Malta ħafna ġurnalisti tal-isport huma part timers u taħriġ ta’ kwalità ma jingħata qatt. Hawn ġurnalisti sportivi li verament jagħmlu xogħolhom tajjeb u għandhom passjoni għax ħa ngħiduha kif inhi, mingħajr passjoni lejn l-isport, dan ix-xogħol ma jgħoddx għalik. L-isport hemm bżonn li ssegwih b’moħħok miftuħ u tara li ssegwi lill-atleti kollha kif ukoll il-kompetizzjonijiet li huma jkollhom.

X'tikkummenta fuq l-involviment tan-nisa fil-ġurnaliżmu sportiv f'pajjiżna u madwar iddinja?

L-involviment tan-nisa fil-ġurnaliżmu mingħajr dubju huwa importanti. Hemm bżonn li mara tgħaddi l-opinjoni tagħha fl-isport ukoll. Mara għandha kapaċitajiet numeriċi u hemm lok fejn mara tkun involuta dejjem mhux biss għad-dehra, però wkoll għall-ħsibijiet li jkollha fejn tidħol il-produzzjoni kif ukoll il-preżentazzjoni.

Taqbel mal-idea li n-nisa ġeneralment jintużaw esklussivament għad-dehra tagħhom filġurnaliżmu sportiv?

Ovvjament li ma naqbilx. Il-mara m’għandha qatt tintuża għad-dehra tagħha – il-mara għandha tintgħażel fuq dak li hi kapaċi tagħmel u dejjem naqbel li kull mara m’għandha qatt taċċetta li tintuża sempliċiment għax tagħmel is-sett fl-istudio isbaħ. Il-mara għandha tagħmel ir-riċerka tagħha, tagħmel il-mistoqsijiet u tkun kapaci tmexxi d-diskussjoni.

Taħseb li jista' jkun hemm nisa kapaċi forsi iktar minn ċerti rġiel biex jidħlu fix-xena talġurnaliżmu sportiv iżda għax sempliċiment huma nisa ma jintgħażlux? Taħseb li jeżistu inġustizzji f'dan il-qasam?

L-inġustizzji jeżistu dejjem, però nemmen li meta bniedma turi li hija kapaċi, tagħmel ix-xogħol tagħha tajjeb, dedikata u turi impenn, ma narax għalfejn m’għandhiex tkun fejn tixtieq tkun. L-aktar ħaġa importanti hija l-mod ta’ kif iġġib ruħha anke mannies u kelma anqas dejjem aħjar minn kelma żejda. Però, dejjem jibqa’ l-fatt li mara għandha wkoll dritt tesprimi ruħha fil-qasam tal-isport u nemmen li għad hawn nisa li għadhom jibżgħu jidħlu f’dan il-qasam minħabba li jemmnu li għadu ambjent dominat mill-irġiel. L-opinjoni tiegħi hija li din mhux vera. Jien inħossni komda immens, rispett dejjem sibt, għajnuna sibt ukoll u llum ma ngħix mingħajr dan ix-xogħol, anzi ħadt dan ix-xogħol bis-serjetà ħafna u bdejt intejjeb ix-xogħol tiegħi sal-punt li qed inkompli l-istudji tiegħi fil-Media u l-Komunikazzjonijiet permezz ta’ Masters Degree fl-Università ta' Malta. Kienet sena iebsa għax kelli nagħmel sena żejda minħabba l-fatt li jien kont gradwata bħala għalliema, iżda kollox nieħu bħala sfida, bi tbissima u b’entużjażmu.

Għandek xi idoli kemm fil-ħajja inġenerali kif ukoll filkamp sportiv?

Hemm diversi persuni barranin li nħobb insegwi, speċjalment sportivi. Atleti li minkejja l-passat tagħhom dejjem baqgħu jaħdmu sabiex jirbħu midalji prestiġġjuzi. Atleti li għamlu l-impossibbli possibbli anke meta kienu fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom. Inħobb naqra bijografiji ta’ atleti fosthom Kelly Holmes, Paula Radcliffe, Kobe Bryant, kif ukoll oħrajn minn sports differenti. Michelle Obama hija waħda mill-idoli tiegħi u l-valuri impekkabbli tagħha u l-mod ta’ kif tmexxi l-ħsieb, tinfluwenzani ħafna.

Għandek xi passatempi f'ħajtek dejjem jekk issib ħin għalihom?

Inħobb ħafna l-familja tiegħi u nħobb nara li nagħti valuri tajba lit-tifel tiegħi. Għandi għal qalbi l-ambjent u l-baħar. Id-dar mimlija kollha, għalkemm ma tantx insib ħin però l-qari nħobbu wisq. Titgħallem u tmur f’postijiet mingħajr ma ssiefer. Inħobb ukoll insiefer ’il bogħod u bil-karozza. Minkejja li nidher forsi vanituża, però affarijiet żgħar jagħmluni kuntenta. L-isport dejjem f’qalbi u ma tgħaddix ġurnata li ma nagħmilx xi tip ta’ eżerċizzju bħal ġiri, trekking, rota, yoga jew għawm. L-isport jagħtini wisq saħħa fiżika u mentali.

Il-ġurnalisti sportivi li jgħixu esklussivament permezz tal-ġurnaliżmu sportiv huma tassew ftit. Taħseb li fil-futur in-numru ta' dawn il-ġurnalisti li jaqilgħu l-għajxien tagħhom biss mill-ġurnaliżmu sportiv jista' tabilħaqq jiżdied?

Nemmen li dan jista’ jkun xogħol impenjattiv u definittivament xogħol fejn ikun hawn iżjed lok għall-ġurnalisti sportivi full timers. Ix-xogħol ta’ ġurnalist sportiv huwa vast u forsi mhux kulħadd jinqala’ għat-televiżjoni. Jista’ jkun hawn aktar gazzetti, magazines, programmi sportivi, anke fuq ir-radju kif ukoll il-midja soċjali li llum il-ġurnata hija għodda ferm importanti. Hemm bżonn li anke l-kumpaniji l-kbar jieħdu l-isport bis-serjetà u ma jibżgħux jagħtu u jinvestu permezz ta’ sponsorships fil-programmi sportivi, logħob live lokali kif ukoll internazzjonali, eż. Olimpjadi, World Cups, Euro, GSSE, eċċ.

Taħseb li n-numru ta’ nisa li jinteressaw ruħhom fil-ġurnaliżmu sportiv jista' jiżdied fil-futur? Jew taħseb li hemm xi affarijiet li qegħdin ixekkluhom biex jagħmlu dan?

Definittivament jista’ jiżdied, però jiddependi kemm waħda tkun tridha u kemm tkun lesta li tagħmel is-sagrifiċċji. L-isport huwa sfida u sagrifiċċju dejjem, kemm bħala atleta kif

ukoll fil-ġurnaliżmu. Li ssib xogħol fl-industrija talġurnaliżmu sportiv fil-passat ma kienx faċli u waħda mir-raġunijiet ovvji kienet is-sessiżmu antikwat. Illum il-ġurnata l-mentalità nbidlet jew qed tinbidel, għalkemm xi kultant l-idea li ġurnalista mara tintervista plejers tal-futbol jew sport ieħor wara logħba għadha mhux ċara għal ċerti persuni. Kultant ma nafx kif jinterpretaw mara li qed tintervista raġel wara xi sport kollu għaraq. Ftit jafu li kull ġurnalist jinżel għall-intervisti skont l-istruzzjonijiet mill-uffiċjal tal-midja fil-post tal-kompetizzjoni u mhux kif ifettillu l-ġurnalist sportiv.

Taħseb li xi aħbarijiet sportivi għandhom jintegraw mal-aħbarijiet li jinvolvu ġrajjiet kurrenti bħalma jsir barra minn Malta?

Le ma naqbilx. Hemm bżonn li jkun hemm il-ġurnalisti sportivi li wara kollox ikunu studjaw u qattgħu ħinhom għal dak ix-xoghol. Nies li jkunu kapaċi f’dak il-qasam u jistgħu jikkummentaw aħjar. Forsi jeħtieġ li nagħtu kas iżjed l-isport u nagħtu aktar ħin anke għall-aħbarijiet sportivi. Hemm bżonn nifhmu l-importanza tal-isport fil-ħajja tagħna.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet u / jew nisa li jixtiequ jagħmlu karriera fil-ġurnaliżmu sportiv kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn Malta.

Huwa dejjem importanti ħafna li tkun ippreparata, taf il-logħba u r-regoli, jekk jista’ jkun tipprova l-isport ukoll biex tifhem aħjar il-logħba, kemm jista' jkun issegwi atleti, kampjonati kif ukoll kompetizzjonijiet oħra internazzjonali.

Għalkemm teħtieġ ħafna xogħol iebes speċjalment fi tmiem il-ġimgħa peress li ħafna mill-kampjonati u l-kompetizzjonijiet huma organizzati nhar ta' Sibt u Ħadd, madankollu s-sodisfazzjon huwa kbir immens. L-atleti u l-plejers japprezzaw ix-xogħol u r-rispett ikun kbir.

Inħoss li l-enfasi ewlieni għax-xogħol tal-ġurnaliżmu sportiv huwa l-għarfien dwar il-logħba, il-passjoni għall-isport, il-passjoni li tikteb u l-istamina li dejjem tistaqsi u li dejjem tkun trid taf iżjed.

This article is from: