1 minute read
RIVOLUZZJONI AGRARJA
Tidħol fis-seħħ il-liġi li tistabbilixxi l-valur tar-raba’ agrikolu biex twettqet ġustizzja ma’ sid l-art u mal-bidwi li jaħdimha … sa ħames snin oħra l-qbiela annwali ma tistax tkun ogħla minn €106 għal kull tomna raba’
Il-liġi l-ġdida li, b’ġustizzja, issa se tibda tivvaluta kull art agrikola, biex fuqha tiġi kkalkulata l-qbiela li bidwi għandu jħallas lis-sid, daħlet fis-seħħ ilbieraħ. Mill-prezzijiet stabbiliti jirriżulta li l-bdiewa lokali mhux se jkunu obbligati jħallsu aktar minn €106.06ċ fis-sena għal kull tomna art li jaħdmu. Il-prezzijiet ma jiġux riveduti qabel ħames snin oħra.
Advertisement
Din il-liġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum telimina d-diskriminazzjoni doppja li l-liġi l-antika kienet qed toħloq kemm għal sid l-art, li ma kienx qed jieħu prezz tal-kirja skont il-valur tal-proprjetà tiegħu, kif ukoll għal dawk li jaħdmu l-istess raba’, li kienu qed jitilfu kawżi ġudizzjarji li bdew jinfetħu kontrihom fil-qrati tagħna biex jiġu żgumbrati mill-post.
Waqt li l-liġi l-ġdida issa tagħti lok li l-kirjiet redikoli antiki jogħlew b’mod stabbilit u ġust, il-Gvern ukoll se jgħin lill-istess bdiewa billi jtaffilhom parti mill-piż permezz ta’ pagamenti diretti minn fondi Ewropej, li żdiedu għal dan il-għan b’€4.5 miljun.
Għaldaqstant din il-bidla legali, li għal għexieren ta’ snin baqgħet qatt ma seħħet u gvernijiet passati dejjem evitawha, mhux biss se tagħti valur aktar ġust lill-artijiet agrikoli, iżda wkoll serħan il-moħħ lil madwar 7,500 bidwi li jaħdmu artijiet bi qbiela mal-privat.
Minbarra hekk, din se tissalvagwardja wkoll il-produzzjoni tal-ikel lokali, li kienet enfasizzata aktar fil-pandemija tal-COVID-19 fejn għal perjodu ta’ żmien ma setgħetx issir importazzjoni bir-restrizzjonijiet li wasslu saħansitra għall-għeluq tal-ajruport u tal-port.
Kellu jkun dan il-Gvern li jwettaq ir-riforma importanti biex jelimina l-għerq tal-problemi passati.
Tkompli f’paġna 3