1 minute read
34,000 TUNNELLATA TA’ SKART IĠĠENERATI FL-EWWEL TLIET XHUR
Advertisement
Fl-iskeda l-ġdida l-borża s-sewda naqset b’250 tunnellata f’xahrejn… qabel ġiet introdotta wkoll il-liġi tas-separazzjoni obbligatorja f’April
Fl-ewwel tliet xhur mindu tnediet l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart f’pajjiżna nġabru b’kollox 34,444.78 tunnellata ta’ skart, skont tagħrif li ngħata fil-Parlament din il-ġimgħa. Fil-maġġoranza assoluta, l-akbar ammont ta’ skart iġġenerat kien dak li jintefa’ fil-borża s-sewda, għalkemm kien hemm tnaqqis sinifikanti sa Marzu, qabel iddaħħlet il-liġi ta’ separazzjoni obbligatorja.
Fiha nnifisha l-iskeda tal-ġbir, li ddaħħlet fit-2 ta’ Jannar, timbotta għal aktar separazzjoni taliskart, iżda l-istatistika ppreżentata mistennija tara iżjed titjib f’dan ir-rigward ladarba jkunu inklużi l-effetti li mistenni jkollha l-liġi għal separazzjoni obbligatorja li daħlet fis-seħħ mill-14 t’April li għadda.
Din il-liġi, li bħalissa għaddejja kampanja edukattiva dwarha, se tibda timponi multi fuq min ma jisseparax sew l-iskart tiegħu, bil-għan li jitnaqqas drastikament l-iskart li jintefa’ filborża s-sewda. B’hekk finalment aktar materjal, bejn dak organiku, plastik, kartun u ħġieġ, ikun jista’ jiġi riċiklat f’risq l-ambjent f’pajjiżna.
Fil-fatt, mill-14 ta’ Ottubru li ġej jidħlu fis-seħħ dawn il-multi, li jibdew minn €75 għan-negozji u €25 għad-djar, waqt li dawk li jinqabdu jirrepetu ksur tal-liġi l-multi jirdoppjaw.
Dan l-impenn imur ukoll id f’id mal-Beverage Container Refund Scheme (BCRS) li qed tirriċik- la l-fliexken tax-xorb magħmulin mill-plastik, ħġieġ u landa u li f’ħames xhur diġà pproċessat aktar minn 60 miljun kontenitur għar-riċiklar. Mill-informazzjoni miġbura għall-perjodu ta’ Jannar u Marzu skont ir-reġjuni, li issa huma responsabbli għall-ġbir tal-iskart bieb bieb, l-indikazzjonijiet huma sbieħ tant li minn Jannar sa Marzu diġà kien hemm tnaqqis fil-borża s-sewda, li għandha tiġbor fiha dak li ma jistax jiġi rriċiklat.
Fi tweġiba li tat għal mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriżi Miriam Dalli ppreżentat tabella bil-ġbir maqsuma f’erba’ taqsimiet – il-borża l-bajda (organiku), il-borża l-ħadra jew il-griża (riċiklar), il-borża s-sewda (skart imħallat) u ħġieġ.
Mill-istatistika joħroġ li f’Marzu kien hemm mal-250 tunnellata inqas skart tal-borża s-sewda meta mqabbel ma’ xahrejn qabel. Dan kien ir-riżultat ta’ aktar separazzjoni tal-iskart, tant li fl-istess waqt kien hemm żidiet fil-borża l-bajda u l-ħadra/griża. Min-naħa l-oħra, kien irreġistrat tnaqqis fit-tunnellati ta’ materjal tal-ħġieġ miġbur, ladarba parti sostanzjali issa qed tmur direttament għand il-BCRS fejn il-konsumatur jirkupra l-10ċ li jkun ħallas max-xiri ta’ kull kontenitur tax-xorb indikat fl-iskema.
Jew uża l-app biex tirrapporta rimi illegali ta’ skart