2 minute read

MALTA TIMMIRA GĦAL PRODUZZJONI ORGANIKA GĦAXAR DARBIET IKBAR

Il-maġġoranza assoluta tal-prodotti organiċi kkonsmati f’pajjiżna huma importati

Bħala parti mill-pjan ta’ Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli, li se tkun ippubblikata aktar tard din is-sena, ilGvern qed jimmira li jkabbar l-art agrikola fl-industrija lokali intenzjonata għal prodotti organiċi bi kważi għaxar darbiet milli hi attwalment.

Advertisement

Minn tagħrif li rnexxielha tikseb ilKullĦadd, jirriżulta li minn 0.58% tal-art kollha maħduma bħala raba’ riservata għal prodotti agrikoli din mistennija tiżdied għal 5% sa seba’ snin oħra.

Għal dan il-għan produtturi se jiġu offruti skemi ta’ finanzjament b’rati aktar għoljin minn qatt qabel, kemm għal dawk li jikkonvertu għall-ħidma organika kif ukoll għall-manutenzjoni tal-istess produzzjoni.

Waqt li tvarja f’diversi pajjiżi, il-biedja organika tinkludi prattiċi li jippromwovu l-bilanċ ekoloġiku, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ pestiċidi, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u r-riċiklar ta’ riżorsi. Id-domanda tal-konsumaturi għal tali prodotti żdiedet sew fl-aħħar snin b’aktar kuxjenza favur l-ambjent inġenerali u dieti personali għal saħħa aħjar.

Jirriżultalna li waqt li l-Maltin żiedu b’mod qawwi l-konsum ta’ prodotti organiċi fl-aħħar snin, il-produzzjoni lokali ma kibritx bl-istess ritmu u l-maġġoranza ta’ ikel simili jiġi importat. Fil-fatt, minn ċifri f’idejn din il-gazzetta, hu stmat li sal2020 kien hemm 60 miljun tunnellata ta’ ikel organiku li ġew importati minn barra, waqt li sal-2019 ġew prodotti lo- kalment ftit aktar minn 45 tunnellata. Dawn tal-aħħar kienu primarjament għeneb u ħxejjex, bħal kaboċċi, pastard, ġdur u broccoli, fost oħrajn.

Minbarra hekk l-akbar ammont ta’ ettari riservati għall-biedja organika hu fil-produzzjoni taż-żebbuġ, anke jekk l-ammont tiegħu fis-suq hu żgħir wisq.

Jekk taqta’ barra l-ħxejjex, il-maġġoranza tal-għeneb u ż-żebbuġ ukoll jaslu sa fuq il-mejda tal-ikel tal-Maltin u l-Għawdxin biss bħala prodotti pproċessati, fil-forma ta’ żejt u nbid jew prodotti anċillari.

Ta’ min jinnota li fl-2020, l-art sħiħa riservata għal biedja agrikola kienet tlaħħaq is-67 ettaru, żieda ta’ 21.8% fuq is-sena ta’ qabel u kważi 194% fuq perjodu ta’ għaxar snin. Minn dan it-total, 27 ettaru jew 40% jitkabbru permezz ta’ siġar, filwaqt li fuq il-bqija tal-art insibu tkabbir ta’ ħxejjex.

Appoġġ finanzjarju biex aktar produtturi jaqilbu għall-biedja organika

Hu fatt magħruf li l-biedja organika għandha spejjeż ta’ produzzjoni aktar għoljin u trendi inqas dħul minn produzzjoni meqjusa konvenzjonali. Din għax tinkludi spejjeż tax-xogħol ogħla, li wkoll allura jwasslu għal prezzijiet ogħla mqabblin ma’ prodotti simili “normali” li mhux iċċertifikati organiċi.

Għaldaqstant il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, għadu kemm nieda abbozz tal-ewwel Pjan Nazzjonali għall-Ikel Organiku, bil-għan li pajjiżna jimxi lejn sistema tal-ikel aktar robusta u reżiljenti, li tindirizza s-sigurtà u s-sostenibbiltà fl-isfond tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (Green Deal) u l-istrateġija Ewropea msejħa Farm-to-Fork.

Dan il-pjan lokali se jkun parti integrali mill-Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli, li mistennija toħroġ aktar tard din is-sena. F’din l-istrateġija, ilGvern qed jara li tiżdied b’mod sinifikanti l-produzzjoni tal-ikel organiku ċċertifikat, b’element ta’ garanzija lillkonsumatur u opportunità lill-produttur li jsostni l-produzzjoni u l-ekosistemi lokali, waqt li jkollu qligħ xieraq.

B’hekk il-pjan ikun qed jissodisfa anke d-domanda dejjem tikber tal-konsumatur għal għażla aktar wiesgħa u volumi akbar ta’ ikel organiku.

Din il-gazzetta hi infurmata li, minbarra kumpens finanzjarju, il-pjan Malti se jkun qed jipprovdi l-għodda neċessarja biex il-produtturi u dawk involuti fis-settur lokali jibbenefikaw minn appoġġ f’taħriġ u pariri professjonali, bħal assistenza lill-bdiewa u lin-negozju fis-settur agroalimentari għal qligħ xieraq f’ħidmiethom.

Il-pjan hu msejjes fuq il-ħidma u s-suċċess ta’ numru tajjeb ta’ operaturi lokali, li diġà għamlu l-qabża neċessarja lejn il-ħidma organika u kisbu ċ-ċertifikazzjoni meħtieġa u għandu l-għan li jħajjar operaturi oħrajn jaqilbu wkoll għal biedja simili.

Dan kollu hu konformi mal-viżjoni li Malta timxi lejn futur fejn il-produzzjoni lokali tal-prodotti organiċi tibqa’ attiva u vijabbli ekonomikament, issir bidla fil-kultura tal-ikel, b’konsum akbar ta’ ikel lokali, aktar ugwaljanza fid-dieta individwali u tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-ikel bl-ipproċessar ta’ prodotti ta’ kwalità u inizjattivi fir-riċerka, l-innovazzjoni u prattiċi li jnaqqsu l-impatti fuq il-klima.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru responsabbli Anton Refalo mexxa numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika biex dawk kollha interessati jaqsmu l-ideat tagħhom. Il-laqgħat kienu mmirati lejn stakeholders involuti fil-katina tal-ikel, li jvarjaw minn produtturi, proċessuri, l-industrija tal-ospitalità, bejjiegħa u konsumaturi, li lkoll kellhom l-opportunità li jissuġġerixxu anke tibdil fil-miżuri qabel titfassal il-verżjoni finali talpjan li eventwalment irid jiġi ppubblikat u jpoġġi fil-prattika politika li għandha ssaħħaħ il-provvista tal-ikel lokali.

Attwalment l-akbar produzzjoni organika lokali – l-għeneb –tmur għall-proċess ta’ prodotti oħrajn, bħall-inbejjed

This article is from: