3 minute read

IR-REKORDS TA’ HERITAGE MALTA

Fl-ewwel erba’ xhur tal-2023, fis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta kellna żieda sostanzjali ta’ ’l fuq minn 60% fl-ammont ta’ viżitaturi. Tant kienet kbira ż-żieda li kważi lħaqna n-numri tal-2019 u dan juri kif wettaqna rkupru importanti ħafna.

Aktar importanti minn hekk huwa l-fatt illi l-infiq medju fuq kull viżitatur fil-mużewijet żdied b’14% (u l-prezzijiet ma żdidux la għall-miżata ta’ dħul, u lanqas fil-ħwienet tal-mużewijiet).

Advertisement

Dan ifisser illi ġejjin iktar turisti li lesti jonfqu aktar.

B’din ir-rata se nilħqu n-numri tal-aħjar sena s’sissa fejn jidħlu l-mużewijiet, ċoè l-2019, b’turist li lest jonfoq aktar u allura japprezza aktar il-patrimonju kulturali rikk ta’ pajjiżna u jħalli iktar flus li mbagħad jerġgħu jintużaw għaż-żamma tal-wirt storiku tagħna.

Nifraħ lil sieħbi l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo li taħt il-gwida tiegħu pajjiżna qed jirreġistra aħbarijiet sbieħ fl-ammont ta’ turisti li jiġu fostna li huma wkoll, finalment aħbarijiet sbieħ għalina li naħdmu fis-settur kulturali u tal-patrimonju storiku għaliex settur iwieżen lill-ieħor u viċeversa.

Tajjeb li nagħmluha ċara li din iż-żieda sostanzjali fl-ammont ta’ viżitaturi f’siti kulturali u patrimonjali mhijiex fenomenu għal Heritage Malta. Ħa nagħti żewġ eżempji oħra: l-għadd ta’ nies li żaru t-teatru Manoel fl-2022 kien ta’ 21,500 persuna.

Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena biss, diġà żaru t-Teatru Manoel 26,000 persuna!

It-tieni eżempju – inawgurajna l-wirja tal-arazzi storiċi li l-Gran Mastru Perellos kien ta lill-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-bidu tas-seklu 18 u issa ġew restawrati. Bejn il-5 ta’ Mejju u nhar l-Erbgħa li għadda żaru din il-wirja xejn inqas minn

33,689 ruħ!

Dan waqt li kullimkien fl-Unjoni Ewropea żdiedu l-prezzijiet tad-dħul fil-mużewijiet u f’Malta mhux talli ma żidniehomx imma talli ħloqna l-passaport għat-tfal u għall-anzjani biex iktar nies igawdu l-wirt ta’ pajjiżna bla xkiel.

U aħna komessi biex inkomplu ninvestu fil-wirt patrimonjali tagħna biex aktar turisti jżuru dawn il-postijiet storiċi li tant għandna biex inkunu kburin u niftaħru bihom.

Però ħalli nerġa’ niffoka fuq Heritage Malta għaliex nixtieq ngħaddi ftit eżempji mill-ħidma li qed tagħmel fis-settur.

Bħal Heritage Malta hemm għadd ta’ entitajiet oħra li jagħmlu ħidma important ħafna wkoll fis-settur kulturali u patrimonjali imma llum xtaqt niffoka fuq din l-Aġenzija tant importanti.

Fil-Palazz tal-Gran Mastru jew tal-President, bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-proġett massiċċ tar-restawr tal-Palazz, kofinanzjat minn fondi Ewropej. Dan il-proġett jinkludi r-restwar tal-kurituri u l-Uċċellerija fil-Piano Nobile, l-Armerija terġa’ tieħu posta fil-kamra fejn kien jiltaqa’ l-Parlament u r-riġenerazzjoni tal-ispazji fil-pjan terran (Casa del Monte u l-Orangerie) li qabel kienu użati bħala uffiċini ta’ diversi aġenziji tal-Gvern. F’dawn l-ispazji se jsir ċentru tal-viżitaturi għal dawk kollha li jiġu jżuru dan il-Palazz. Barra minn hekk, għaddej ukoll xogħol ta’ restawr estensiv, u sa din is-sena se jkunu diġà ġew investiti ’l fuq minn €20 miljun oħra mill-Gvern Ċentrali, fis-swali statali kollha tal-Palazz fil-Piano Nobile, inklużi dawk is-swali li jintużaw mill-President tar-Reppublika. Barra mir-restawr tas-soffitti tal-injam iddekorati, freski u pitturi, damask u artijiet tal-irħam, saret sistema ta’ kontroll tal-ambjent, sistemi ta’ sigurtà, fire alarms u dawl speċjalizzat.

Din is-sena, barra li tkompla r-restawr tal-pitturi u graffiti fis-Sergeant’s Mess (fl-ewwel sular), ser jinħareġ tender għar-restawr tal-binja minn barra, b’investiment minn fondi lokali addizzjonali. Dan ix-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u jitlesta fl-2024. Bħalissa wkoll qed jiġi ffinalizzat id-disinn ta’ esperjenza multimedjali immersiva għall-viżitaturi f’dan il-bini.

Intant il-proġett fil-binja tal-Mużew Marittimu fil-Birgu, b’investiment ieħor massiċċ u anke b’għajnuna ta’ fondi Norveġiżi, miexi ġmielu. Riesqa lejn it-tmiem l-ewwel parti tal-proġett, li kienet tinkludi kemm aspett ta’ xogħlijiet ta’ restawr u diġitalizzazzjoni, u issa diġà qed inħarsu lejn it-tieni parti ta’ dan il-proġett. Dan il-proġett se jwassal għal esperjenza kompletament ġdida tal-istorja marittima ta’ pajjiżna.

Din is-sena ser jiġi ffinalizzat id-disinn, anke bl-għajnuna ta’ disinjatur ta’ fama internazzjonali, u jinħarġu t-tenders meħtieġa sabiex jinbeda x-xogħol fuq il-parti suċċessiva fl-2024.

Irrid insemmi investiment ieħor, din id-darba ta’ €750,000 sabiex jibda proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni fil-partijiet li Heritage Malta stess tokkupa f’Bighi. Għalhekk, mill-ewwel ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex inħarġu permessi ta’ resatwr għall-Smoking Shed u l-faċċati kollha taż-żewġ binjiet prinċipali.

Min-naħa l-oħra, wara li ġġarraf parti mill-ħajt għoli li jdawwar il-peniżula ta’ Bighi fil-maltempata Helios (Frar 2023), bdew mill-ewwel diskussjonijiet u studju, flimkien ma’ Infrastructure Malta, sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji minnaħa tal-baħar sabiex ikun jista’ jerġa’ jinbena dan il-ħajt. Ta’ min isemmi li dan il-ħajt iġġarraf għaliex ċeda l-blat li kien jifforma għar naturali taħt dan il-ħajt.

Aħna determinati li nkomplu ninvestu fis-settur patrimonjali għax dan huwa dak li jagħti valur lilna l-Maltin. Huwa b’dan il-mod li nkomplu noħolqu prosperità ġdida għal soċjetà iktar b’saħħitha, għal Malta aħjar.

This article is from: