6 minute read
BIKER LI GĦANDHA PASSJONI GĦALL-IVVJAĠĠAR BIL-MUTUR
Nammetti li personalment inħobb is-sewqan tal-muturi. Għalkemm għandi l-liċenzja tiegħi, s’issa għadni m’iniex sid ta’ mutur. Dan l-aħħar sirt naf b’mara ffissata ħafna fuq il-muturi. Mhux biss, imma siefret bih b’kollox u daret erba’ pajjiżi mhux ħażin. Qed nirreferi għal Jackie Graham.
Għandha 55 sena, u twieldet is-Siġġiewi. Taħdem bħala edukatriċi fi skola tal-knisja u bħala part-time tagħmel xogħol ta’ DJ. Bħala passatempi tħobb issiefer, tisma l-mużika u ssuq il-muturi tagħha.
Advertisement
Tħobb tissoċjalizza u ma ssibx problema biex taqbad konverżazzjoni, storbjuża u ma tħosshiex tal-età tagħha.
Jackie ilha biker diversi snin u għandha passjoni kbira għall-ivvjaġġar bil-mutur. Filfatt, stqarret miegħi li l-passjoni tagħha għall-muturi wirtitha mingħand missierha. “Ta’ età ċkejkna kont diġà nirkeb il-mutur ma’ missieri. Missieri Nikola għandu 83 sena u għadu biker sal-ġurnata tal-lum.”
Kompliet tgħidli li tħobb kull tip ta’ mutur, minn scooter sa mutur kbir. “F’ħajti kelli ħafna tipi ta’ muturi. Għal kuljum insuq scooter roża mżejjen b’qoffa bi fjuri roża, li jispikka ħafna. Għandi wkoll sports tourer Yammy. Iżda l-favorit tiegħi huwa l-Harleymy maby semmejtu,” tbissmet tgħidli.
Bħalissa Jackie għandha mutur Harley. Tlabtha tagħtini naqra informazzjoni dwar dan it-tip ta’ mutur. “Il-Harley huwa mutur Amerikan popolari u minn meta kont żgħira kelli xewqa li xi darba jkolli Harley. Din ix-xewqa qtajtha fis-sena 2016. Kif rajtu kienet love at first sight. Harley huwa mutur custom u peress li kollu magħmul mill-ħadid għandu ħafna piż. Matul is-snin żidtlu ħafna aċċessorji u għamiltu l-istil tiegħi. Is-sena l-oħra dortu waħda sewwa, sprejjajtu u għamiltlu air brush iddisinjat minni stess,” spjegatli tajjeb.
Jackie llum il-ġurnata hija l-ewwel mara Maltija li saqet 14,000 kilometru minn Malta sa North Cape u lura fuq il-mutur Harley tagħha stess.
Kienet ilha l-ħolma tagħha, u minħabba l-Covid u peress li kienu ngħalqu l-fruntieri, kellha tipposponi din l-avventura. Marret is-sajf li għadda, proprjament telqet fit-22 Lulju u waslet lura Malta fl-24 Awwissu 2022. Ħallejt f’idejha sabiex tikkummenta dwar din l-avventura tagħha.
“Bil-Harley tiegħi għamilt diversi overland trips. Mort il-Greċja, Sardenja, diversi drabi Sqallija, l-Ewropa talLvant bħall-Kroazja, il-Bożnija, is-Slovenja u l-Montenegro. L-Alpi u d-Dolomiti qatt ma nixba’ nsuqhom. Fis-sena 2019 għamilt vjaġġ twil minn Malta għal John O Groats fl-Iskozja. Kienet esperjenza sabiħa ħafna u nħossni vera żidt l-esperjenza li kelli fis-sewqan tal-mutur b’dan il-vjaġġ. F’dan il-vjaġġ żort 14-il pajjiż differenti,” stqarret miegħi.
Kompliet tgħidli li però, il-ħolma tagħha kienet dejjem li tmur North Cape bil-mutur tagħha minn Malta u lura. “Kelli kollox ppjanat li nagħmilha fis-sena 2020, imma minħabba l-Covid ma saritx. Madanakollu, din is-sena rnexxieli nwettaq il-ħolma tiegħi.”
Mistoqsija x’tip ta’ riċerka kellha tagħmel qabel ma marret għal din l-avventura, Jackie weġbitni: “Qabel ma xi ħadd imur għal vjaġġ bil-mutur, speċjalment meta jkun twila, wieħed irid jagħmel rotta u jqassam il-kilometri li jkun se jagħmel. Ir-rotta domt nippjanaha fuq tliet xhur. Meta mmur overland ma nħobbx ngħaddi mill-autostrada. Pjuttost inħobb ngħaddi mill-muntanji u nżur irħula żgħar li jkunu tipiċi u tradizzjonali tal-post. Meta kont qed nippjana r-rotta għal dan il-vjaġġ rajt li ndaħħal postijiet interessanti li rrid inżur. Ibbukkjajt xi ferries minn qabel bħall-ferry li jaqsam mid-Danimarka għan-Norveġja peress li bżajt li jkun mimli. Mill-bqija anke fejn norqod ma nibbukkjax minn qabel għall-fatt li jekk jinqala’ xi ħaġa jew forsi nkun qed nieħu gost f’post partikolari ma jkollix rabta li rrid nasal bilfors fil-lukanda li nkun ibbukkjajt. Il-lukandi nibbukkjahom matul il-vjaġġ, dakinhar stess jew forsi minn ġurnata qabel,” ikkonfermatli.
L-agħar problema li sabet kienet ir-riħ qawwi
Ta’ min jgħid ukoll, li Jackie insistiet li din l-avventura tkun għamlitha bil-mutur tagħha personali mill-bidu sal-aħħar. Ridt inkun naf jekk iltaqgħetx ma’ xi tip ta’ ħsarat jew diffikultajiet bl-elementi tan-natura waqt li kienet tins ab hemmhekk. “Qabel ma tlaqt għamilt service tajjeb lill-mutur tiegħi u bdiltlu t-tyres u dak kollu li kellu bżonn. Meta nkun imsiefra l-mutur litteralment huwa saqajja b’hekk huwa importanti li l-mutur ikun fi stat tajjeb.
Peress li kelli ppjanat li nagħmel 14,000 kilometru minn Malta san-Norveġja u lura, kont naf ukoll li kien jeħtieġli nagħti service lill-mutur meta nkun barra wara li nagħmel 8,000 kilometru. Sfortunatament meta kont nieżla fil-wied bejn il-muntanji biex nara Langfossen Waterfalls kelli puncture. Ippruvajt intellgħu bil-pompa tat-tyres, però ma rnexxilniex għax il-pompa ġralha l-ħsara. Kelli nsuq sal-eqreb raħal u rranġajt il-pompa li tonfoħ it-tyres u nsuq sa Bergen xi 300 kilometru ’l bogħod minn fejn kont.
Inkwiet ieħor li kelli kien meta kont il-Finlandja u għamilt service, l-mekkanik induna li ċ-ċinga tal-mutur kienet tqattgħet u ma kontx ser nagħmel lanqas 100 kilometru ieħor b’dik iċ-ċinga. Għalkemm kont f’ħanut uffiċjali tal-Harley Davidson ma kellhomx ċinga disponibbli għat-tip ta’ mutur tiegħi fl-istokk. Biex jaqduni qalgħu ċinga minn mutur second hand li kellhom fis-showroom u qdewni,” stqarret miegħi.
Rigward l elementi, qaltli li kellha minn estrem għallieħor. “Meta kona Sqallija u l-Italja kienet sħana tremenda. Temperaturi li telgħu saħansitra sa 40 grad. Kif irfisna n-Norveġja t-temp inqaleb.
Xita kontinwa akkumpanjatna l-ħin kollu. Ma ddejjaqtx insuq fix-xita għax kont ppreparata li n-Norveġja tagħmel ħafna xita. L-agħar problema li sibt kien ir-riħ qawwi. Kien hemm ġranet fejn ir-riħ kien qed jonfoħ bi 80 kilometru fis-siegħa. Darba minnhom mort biex insuq il-mutur u r-riħ lanqas ħallieni nerfgħu minn fuq l-istand biex nitlaq. Fil-fatt, meta wasalt Lofoten Islands inqala’ stat ta’ emerġenza fuq dawn il-gżejjer. Kellna nagħmlu jumejn fil-lukanda għax peress li kien riħ qawwi għalqu l-pontijiet li minn fuqhom taqsam minn gżira għall-oħra, peress li dawn huma dojoq u għoljin ħafna. Allura lanqas karozzi ma jkunu jistgħu jaqsmu biex jevitaw l-inċidenti.”
Fost pajjiżi oħra, meta kienet hemm vjaġġat u żaret id-Danimarka, il-Ġermanja u n-Norveġja. Il-mutur tagħha żammitu attrezzat għal kulma seta’ jinqala’. Tistqarr li r-riħ biss dejjaqha speċjalment bejn il-muntanji. “Biex għamilt dan il-vjaġġ soqt minn Malta għal Sqallija, l-Italja, l-Iżvizzera, l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, in-Norveġja, North Cape, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Awstrija u lura għall-Italja, Sqallija sakemm dħalna fil-Port il-Kbir ta’ Malta. Meta kont il-Finlandja soqt saħansitra sa Imatra, villaġġ li qiegħed fruntiera mar-Russja. Kien fadal biss sitt kilometri biex naqsam għar-Russja.
F’dan il-vjaġġ kollu l-mutur tiegħi qatt ma qaħqaħ waħda. Kien hemm mumenti fejn bdejt naqta’ qalbi li ser nagħmilha, speċjalment meta qam dak irriħ kollu. Però, f’mumenti bħal dawn trid tibqa’ persistenti u tagħmel kuraġġ u tkompli.”
Fl-Iskandinavja tista’ tikkampja kullimkien
Kompliet tirrakkontali, li meta waslu North Cape sabu ħafna road works. “It-toroq kienu kollha żrar u tajn jiżloq. Il-mutur tiegħi mhux xi mutur off road, anzi huwa ta’ għamla custom, għalhekk ma kienet faċli xejn issuq f’dawn it-toroq. Kif wasalna l-lukanda li kellna bbukkjata fil-villaġġ żgħir ta’ Skarsvag, 15-il kilometru ’l bogħod minn North Cape niżżilna l-basktijiet u tlaqna sa North Cape biex naraw ilfamuż globu.
Min jitla’ bil-mutur sa North Cape hija essenzjali li jdaħħal il-mutur tiegħu sa ħdejn dan il-globu biex jieħu ritratt ma’ dan il-globu li huwa l-ikona ta’ North Cape. Iżda stajna nidħlu bil-muturi ħdejn il-globu wara s-siegħa ta’ filgħodu, hekk kif jagħlaq il-mużew u jitilqu l-ħaddiema. Tgħidli kif tista’ tieħu ritratt fis-siegħa ta’ filgħodu u jiġi ċar?
Nixtieq infakkrek li f’dik il-parti tad-dinja f’Awwissu ma jidlamx. Anzi hemm fuq magħruf għall-midnight sun. Wara li xħin wasalna dorna dawra mal-mużew li hemm u ħadna kafè, iltqajna ma’ xi bikers oħra li kienu fuq il-post.
Qalulna li l-ġurnata ta’ qabel ir-riħ qawwi qaleb żewġ muturi li kienu qed isuqu u r-riħ qawwi saħansitra kisser ħġieġa ta’ pullman li kienet bit-turisti.
Iċċekkjajna t-temp u dak il-ħin immarka li fil-ħamsa ta’ filgħodu kien imbassar riefnu li kellu jdum jumejn fuq North Cape.
Dak il-ħin iddeċidejna li nistennew is-siegħa biex nieħdu r-ritratt u mmorru niġbru kollox mil-lukanda u nitilqu mill-gżira ta’ North Cape qabel ma jibda dak ir-riefnu li kien previst. Filfatt, hekk għamilna.
Sas-seba’ ta’ filgħodu konna l-Finlandja. Mal-ħin l-għajja bdiet tagħmel tagħha u bdejt nibża’ li ser norqod jien u nsuq. Kont ilni mqajma mill-ġurnata ta’ qabel u kellna ġurnata iebsa minħabba t-temp u l-istat tat-toroq. Ħin minnhom għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu wasalna ħdejn roundabout kbira u rajna xi kampijiet fuqha. Iddeċidejna li niftħu l-kamp hemm. Fatt interessanti fl-Iskandinavja huwa li f’dawn il-pajjiżi tista’ tikkampja kullimkien,” stqarret miegħi. Magħha ddiskutejt ix-xewqat li forsi fadlilha forsi taqta’. “Jekk tistaqsini fejn nixtieq immur bil-mutur, ir-risposta tiegħi tkun kullimkien. Nixtieq immur l-Awstralja u New Zealand fost l-oħrajn. Coast to coast fl-Amerka u ngħaddi biċċa minn Route 66 huwa post ieħor li nixtieq insuq u ngħaddi minnu. Però, bħalissa l-aktar xewqa li għandi hija li mmur minn Malta sat-Turkija u nagħmel xi erba’ ġimgħat indur hemm. It-Turkija hija post sabiħ immens biex tiġri ġirja bil-mutur fih. Nispera li din ix-xewqa tiegħi sseħħ ukoll.”
Fl-aħħar nett, xtaqet tħalli messaġġ għall-qarrejja ta’ din il-gazzetta. “Nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk kollha li għandhom mutur, iżda qatt ma marru overland bih. Meta ssuq barra minn Malta, tara kemm kapaċi jagħtik pjaċir mutur. Aħna li nsuqu l-mutur nifhmu sewwa għalfejn kelb joħroġ rasu barra mit-tieqa meta jkun qiegħed f’karozza. Il-mutur jagħtik sens ta’ libertà li l-ebda ħaġa oħra ma tagħtihulek. Int li forsi qed taqra dan l-artiklu u ma ssuqx mutur nagħmillek kuraġġ biex tibda ssuq mutur.
Għal Malta meta ssuq mutur tkun qed tnaqqas il-problema kbira tat-traffiku li għandna. Int li qed taqra u għandek mutur ngħidlek biex toqgħod dejjem attent u ma tabbużax meta tkun qed issuq il-mutur. Importanti li nirrispettaw lil xulxin u nkunu dejjem kawti fit-toroq tagħna ħalli nnaqqsu l-inċidenti fit-toroq Maltin,” temmet tgħid.