2 minute read

RUTH ELLIS U L-QTIL TAL-MAĦBUB

Għira u Vjolenza li Jwasslu Għal Qtil

Advertisement

IT-TIENI PARTI

Ir-relazzjoni tagħha ma’ Blakely bdiet dejjem tkompli sejra għall-agħar, speċjalment minħabba l-fatt li ma kellux flus u beda jgħix minn fuqha. Peress li Blakely kien jgħix magħha fuq il-bar fejn kienet taħdem, Ruth ġiet imwissija mis-sid minħabba l-kera. Sadanittant, Ruth bdiet tiltaqa’ ma’ Desmond Cussen, eks pilota tar-Royal Air Force u direttur tan-negozju tal-familja. Ftit wara li saret tafu, Ruth marret tgħix miegħu f’Oxford Street.

Minkejja li Ruth marret tgħix ma’ Cussen, hi xorta waħda baqgħet tiltaqa’ ma’ Blakely u Cussen kien jaf b’dan. Ir-relazzjoni ma’ Blakely kompliet dejjem tiggrava hekk kif it-tnejn li huma baqgħu jiltaqgħu ma’ nies oħrajn. Kien għalhekk li Blakely talabha biex tiżżewġu u ftit wara nqabdet tqila bit-tarbija tiegħu. F’Jannar tal-1955, Ruth tilfet it-tarbija hekk kif Blakely taha daqqa ta’ ponn fl-istonku waqt li bdew jargumentaw.

Sħab Blakely, Anthony u Carole Findlater, bdew jipprovaw jikkonvinċuh biex ma jibqax jiltaqa’ ma’ Ruth u dan spiċċa biex beda jevitaha. Dan l-aġir wassal lil Ruth biex tieħu deċiżjoni li kienet se tibdlilha ħajjitha mil-lejl għan-nhar – dik li toqtol lil Blakely. Kien jum il-Għid, fl-10 ta’ April tal-1955, meta Ruth marret tfittex lil Blakely barra d-dar ta’ Anthony u Carole Findlater. Hekk kif waslet, Blakely kien laħaq telaq bil-karozza u reħielha lejn il-bar The Magdala.

Għal ħabta tad-9.30 p.m., hekk kif Ruth rat lil Blakely ħiereġ, hi ħarġet il-pistola minn ġol-basket u sparat ħames tiri tan-nar lejh. Ruth Ellis laqtitu b’erba’ tiri, fejn tir minnhom kien tant mill-viċin li ħalla marki tal-ħruq fuq il-ġilda ta’ Blakely. Ruth pruvat tisparalu s-sitt tir iżda ma bediex jirnexxilha. L-aħħar tir spiċċat sparatu fl-art; mossa li wasslet biex tintlaqat persuna f’subgħajha hi u miexja fuq il-bankina hekk kif il-balla taret minn mal-art.

Waqt li ġara dan kollu, kien hemm pulizija li ma kienx xogħol għaddej u arrestaha xorta waħda, filwaqt li ssejħet l-ambulanza. Blakely ittieħed l-isptar iżda ma salvax hekk kif it-tiri kienu fatali.

L-interrogazzjoni u l-ġuri

Hekk kif ġiet arrestata, Ruth Ellis qalet li hi qabdet taxi u ħaditha ħdejn id-dar ta’ Anthony u Carole Findlater. Qalet li kif waslet, hi rat lil Blakely jitlaq bil-karozza u b’hekk mexietha sa ħdejn The Magdala. ’Il quddiem insiru nafu li dan ma kienx minnu iżda li Cussen wassalha u kien hu li taha l-pistola u għallimha kif tużaha. Dan kien ifisser li hi kellha l-għajnuna u li l-qtil kien premeditat. L-għada tal-qtil, Ruth dehret fil-qorti tal-imħallef u ġie ordnat biex tinżamm arrestata sa ma jsir il-ġuri. Ruth ġiet eżaminata kemmil darba minn tobba u psikjatri biex jaraw kellhiex xi mard mentali iżda kien jidher li hi kienet f’sensiha u ma kellha xejn minn dan. Fl-20 ta’ Ġunju tal-1955, Ruth Ellis dehret fin-Number One Court ta’ Old Bailey f’Londra quddiem is-Sur Justice Havers. Ruth ma dehritx imbeżżgħa hekk kif kienet liebsa tibdila sewda bi flokk abjad tal-ħarir u kien evidenti li kienet għadha kif tiżbogħ xagħar - ha isfar. Id-difiża tagħha esprimiet it-tħassib tagħha fuq id-dehra ta’ Ruth iżda din tal-aħħar ma tatx kas.

L-unika mistoqsija tal-prosekutur lil Ruth kienet: “Xħin sparajt bil-pistola daqshekk qrib ta’ David Blakely, x’kien dak li ppruvajt tagħmel?”u għal din il-mistoqsija hi wieġbet: “Huwa ovvju li xħin sparajtlu pruvajt noqtlu.” Din l-istqarrija wasslet biex il-ġurija ssibha ħatja f’inqas minn 20 minuta. Għall-qtil ta’ David Blakely, Ruth weħlet il-piena kapitali permezz tal-forka.

Ruth ittieħdet fil-Holloway Prison u ma riditx tieħu sehem f’petizzjoni biex tinbidlilha s-sentenza tal-mewt.

Ġurnata qabel l-eżekuzzjoni tagħha, Ruth ammettiet li Cussen taha l-pistola, għallimha tużaha u wassalha fejn kien Blakely dakinhar tad-delitt. Cussen ma nstabx meta ġie mfittex biex jipprovdi l-verżjoni tiegħu. Ellis ingħatat il-forka fil-ħabs ftit qabel id-9.00 a.m. fit-13 ta’ Lulju tal1955. Hi ndifnet f’qabar mhux immarkat fil-ħabs stess iżda fil-bidu tas-snin 70 indifnet fiċ-ċimiterju ta’ St Mary’s Church f’Amersham, f’Buckinghamshire. Fl-1982, binha kisser il-lapida tal-qabar ta’ ommu u ftit wara neħħa ruħu b’idejh. It-tifla tagħha mietet fl-2001 fl-età ta’ 50 sena bil-kanċer.

This article is from: