2 minute read
Il-Madonna tal-Karmnu tidderiġina u turina t-triq
Patri Alex M. Scerri O. Carm Pirjol u Rettur tas-Santwarju
Għeżiż Karmelitani,
Advertisement
Ix-Xahar ta’ Lulju huwa żgur xahar illi aħna lkoll li niffurmaw parti minn din il-Familja Karmelitana jerġa’ jagħtina qawwa ġdida fissejħa nisranija u Karmelitana tagħna. Dan għaliex kif ilkoll nafu fih niċċelebraw il-Festa tal- Verġni Marija Omm il-Karmelu nhar is-16 ta’ Lulju. Żgur iżda mhux forsi illi dawn il-mumenti għalina fil-ħajja tagħna, jridu jkunu mumenti li fihom ngħarblu ftit il-ħajja kollha tagħna biex inkomplu ngħixu din is-sejħa li Alla għamlilna bħala wliedu u dixxipli ta’ Ibnu Ġesù Kristu, mgħejjunin bl-eżempju tal-Vergni Marija.
Il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu li aħna ta’ kull sena niċċelebraw b’tant imħabba u qima lejn din l-Omm tagħna trid tfakkarna qabel xejn kemm tassew nirċievu għajnuna u grazzji f’ħajjitna u ta’ dan aħna rridu nroddulha ħajr...hekk bdiet ilFesta tal-Karmnu fl-Ordni Karmelitan..ta’ kull sena l-Karmelitani jduru lejn Ommhom il-Verġni Marija, il-Patruna tagħhom u jirringrazzjawha ta’ dak kollu li tagħmel magħna matul ħajjitna.
Dan is-Santwarju huwa xiehda ta’ dak kollu li l-Verġni Marija tagħmel magħna..kemm huwa bżonn li dan ikun tassew il-mottiv li aħna niġu nżuruha kull darba li niġu hawn biex nitolbuha imma fuq kollox biex nirringrazjawha wkoll! Matul din is-sena aħna għexna flimkien dawn il-mumenti ta' qtiegħ il-qalb minħabba l-pandemija u forsi wkoll għadna qed inġorru diversi konsegwenzi li ġabet magħha kemm materjalment kif ukoll spiritwalment. Aħna rridu nħarsu lejHa f’kull mument ta’ ħajjitna bħala dik li hija dejjem għamlet u għexet dak kollu li Alla fl-Imħabba kbira tiegħu talabha li twettaq. Bħala Karmelitani ma nistgħux tassew inkunu devoti tal-Madonna talKarmnu jekk bħala aħna wkoll ma nagħmlux dak li jitlob minna Alla u nkunu aħna wkoll nies ta’ fidi!
Il-Verġni Marija Omm il-Karmelu tgħallimna bil-ħajja kollha tagħha kif aħna wliedha u aħwa tagħha nistgħu u għandna ngħixu u nkunu nies ta’ Fidi. Il-Fidi hija Don ta’ Alla l-imbierek li jagħtina biex dejjem iressaqna lejh u lejn l-Imħabba tieghu. Marija għalina għalhekk hija ta’ għajnuna biex bħalha nkunu nistgħu nersqu lejn Alla u jkun għalina kollox.
F’isem ħuti l-patrijiet ta’ dan is-Santwarju nawguraw lil kull min ser jingħaqad magħna f’dawn il ġranet sbieħ, li ser ngħixu flmkien bħala Familja Karmelitana biex niċċelebraw festa sabiħa lill-maħbuba patruna u omm tagħna l-Madonna tal-Karmnu, li jduq il-ferħ li Alla biss jaf jagħti filħajja tagħna. Ommna Marija l-Ġmiel tal-Karmelu timliena b’kull grazzja u tressaqna dejjem lejn Binha Sidna Ġesù Kristu.
Viva l-Madonna tal-Karmnu