6 minute read
L-Omelija tal-Funeral ta' Patri Feliċjan Bezzina O. Carm
Omelija tal-Funeral ta' Patri Felicjan Bezzina O. Carm
Is-Sibt 22 ta’ Awwissu 2020 Santwarju tal-Karmnu, Il-Belt Valletta
Advertisement
Patri Alex M. Scerri O. Carm Pirjol u Rettur tas-Santwarju
Inġbarna f’dan is-Santwarju biex niċċelebraw din l-Ewkaristija b’suffraġju ta’ ħuna fil-Karmelu Patri Feliċjan Bezzina. Għan-nisrani, il-mewt mhix it-tmiem ta’ kollox, imma hija l-passaġġ biex wieħed jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier u jgħix f’komunjoni miegħu għall-eternità. Il-mewt hija tappa meħtieġa biex nidħlu ngħammru fil-komunità tat-Trinità. Biex il-bniedem jasal għal din il-komunjoni, minn din id-dinja stess jeħtieġ li l-bniedem jixtieqha u jipprova jantiċipa din l-esperjenza tagħha. Patri Felicjan kien nisrani, religjuż Karmelitan u saċerdot li emmen bis-sħiħ f’din il-komunjoni u stinka kemm felaħ matul ħajtu biex il-Mulej isibu li jkun jistħoqqlu li jista' jidħol fl-għamara ta’ dejjem. Il-Misteru tal-Qawmien tal-Mulej li llum f'dilliturġija qegħdin niċċelebraw, jagħtina dawl, jagħtina l-verità fuq il-bniedem u fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-bniedem li jesperjenza lil Alla f’ħajtu fil-komunjoni. Ħuna Patri Feliċjan għex dan il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja propju lbieraħ il-Ġimgħa ma' sbieħ iljum, hu li f’ħajtu kollha emmen u ħabbar u ċċelebra dan il-Misteru tal-Qawmien ta' Kristu, Ġesù Rxoxt sejjaħlu biex jiltaqa' miegħu u jurih il-fidwa li Hu kisbilna bil-misteru tal-Għid.
Patri Feliċjan għażel li f’ħajtu jistrieħ biss fuq l-imħabba u fuq il-grazzja ta’ Alla. L-esperjenza tal-Appostlu San Pawl kienet tiegħu wkoll: sikwit kien iħobb jgħid, “Ġesù Kristu ħabb lili.” Bħala Karmelitan awtentiku P. Feliċjan, għalih Ġesù Kristu kien dejjem fiċ-ċentru ta' ħajtu, u mexa warajh f’ubbidjenza sal-mewt, kif titlob minna r-Regola Karmelitana li huwa tant ħabb, għex, studja u għallimha lilna kemm novizzi kif ukoll waqt laqgħat ta' formazzjoni bħala Karmelitani. Bħala għalliem tal-filosofija hu mhux biss għallem, imma hu nnifsu għex u emmen bis-sħiħ, li s-salvazzjoni tagħna ma tiddependix minn xi formola jew ideologija, imma minn persuna ħajja – li Hu Ġesù Kristu Rxoxt – ħaj u jinsab fostna hawn, illum, issa u dejjem, u li jgħidilna: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.” Il-Vanġelu li għażilt li jinqara f'din il-Liturġija talfuneral ta' ħuna Patri Feliċjan, huwa mill-ewwel kapitlu ta' San Luqa, fejn smajna lil Marija fitTħabbira tal-Mulej... il-Lunzjata, kienet silta millVanġelu tant għal qalb Patri Feliċjan, mhux biss għax hu ġej minn Ħal Tarxien imma wkoll għax hija l-"iva" ta' Marija li permezz tagħha Alla sar bniedem.
......kienet ukoll l-"iva" ta' ħuna Patri Feliċjan meta fis-6.00 ta' filgħodu tal-bieraħ, il-Mulej sejjaħlu biex idaħħlu fil-mistrieħ ta' dejjem.. Bħall-"iva" ta' Marija din ma kinitx l-unika "iva" li Patri Feliċjan wieġeb lil Alla...huwa wieġeb iva meta sejjaħlu biex iħaddan il-ħajja reliġjuża fl-Ordni talImqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu ... huwa wieġbu "iva" meta l-Mulej għażlu biex ikun ministru tiegħu fil-ħajja saċerdotali ... huwa wieġbu "iva" meta kien mitlub kull fejn kien biex bl-istudji tiegħu jgħallem u jkun surmast ta' ħafna minna reliġjużi Karmelitani fil-bidu tal-ħajja Karmelitana tagħna...
Il-Verġni Marija li għalina hija mudell perfett ta' kif ngħixu din il-mixja tagħna bħala dixxipli tal-Mulej tgħinna wkoll illum fir-riflessjoni tagħna aħna u nsellmu lil ħuna Patri Feliċjan. Ċertament hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq kif Omm il-Feddej titfa’ dawl fuq il-ministeru saċerdotali u fuq il-ħajja konsagrata. It-tnejn jibdew minn sejħa. Kif il-missjoni ta’ Marija tibda minn għażla u minn sejħa li għamel Alla, hekk ukoll fil-każ tagħna s-saċerdoti u r-reliġjużi, mhux aħna li nagħżlu li nkunu ministri ta’ Alla u tal-Knisja imma hija sejħa u għażla li ġejjin minn Alla. U bħalma l-Verġni Marija hija dik li taqdi lil Alla billi tingħata kollha kemm hi lilu meta tgħid “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek.” Alla jippreparaha u jagħtiha l-meħtieġ, jimliha bilgrazzja biex tista’ tkun il-qaddejja tiegħu. Alla kellu bżonn ta’ Marija biex l-Iben il-Waħdieni tiegħu jitwieled u jsir bniedem u jgħammar fostna. Hekk ukoll is-saċerdot: l-ewwel u qabel kollox huwa qaddej ta’ Alla. Is-saċerdot huwa l-bniedem illi meta huwa konvint li Alla qed isejjaħlu u li Alla għażlu, jingħata mingħajr ebda riserva lill-Mulej. Il-Verġni Marija mhix biss qaddejja ta’ Alla imma wkoll qaddejja tal-bnedmin. Meta hija aċċettat li tilqa’ l-Verb biex imbagħad twelldu, hija tat l-ikbar servizz li setgħet toffri lill-bniedem: Marija li tmur taqdi lil Eliżabetta; mhux biss taqdiha fil-ħtiġijiet materjali u umani, imma tikkomunikalha lil Kristu, tant li t-tarbija fi ħdan Eliżabbetta qabżet bil-ferħ meta Marija sellmet lil Eliżabbetta. Il-ġisem mejjet ta’ ħuna Patri Felicjan li għandna quddiemna llum, ifakkarna f’kemm dan ir-Reliġjuż kien qaddej tal-bnedmin. Il-fatt li għadda 70 sena bħala reliġjuż Karmelitan u 64 sena saċerdot .. dawn kienu snin ta' qadi, kull fejn il-Mulej sejjaħlu biex ixandar il-Bxara t-Tajba tiegħu. Ħuti, il-ħajja nisranija hija mixja ta' dixxipulat wara l-Mulej Ġesù, in-nisrani huwa dak li jħabbar u jxandar u jgħix u jistenna lil Mulej Ġesù ġej, u l-ħajja konsagrata hija wkoll ħajja kontinwament ta' stennija, għall-miġja tas-Salvatur u tal-laqgħa definittiva tagħna miegħu permezz tal-mewt. Jalla l-Mulej lilna ukoll jsibna disponibbli kif kienet disponibbli l-Verġni Marija meta ġie jżurha l-Anġlu, hekk li nkunu nistgħu ngħidu bħalha: "hawn jien, ħa jsir minni skont kelmtek." Jalla l-Mulej, li hu l-muftieħ ta’ David, f’dak il-ħin jiftħilna l-bibien tas-Saltna tas-smewwiet, jiġi u jeħlisna mid-dlam tal-ħażen, kif nitolbu llum li jagħmel ma' dan ħuna Patri Feliċjan. Għeżież, mhuwiex b’kumbinazzjoni li aħna qed nagħmlu din il-liturġija u dan l-att partikulari f'dan is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu. Min jaf lil Patri Feliċjan jaf kemm kien marbut mal-Madonna u ma’ dan is-Santwarju tagħha. Lill-Madonna huwa ħabba kif ħabbietu Hi u għenitu jimxi l-mixja nisranija u jitla' t-telgħa għolja Karmelitana tiegħu ... ta' kuljum ... sa ftit xhur ilu biss ... huwa kien jinżel ta kuljum hawn f’dan is-Santwarju ta’ Marija biex jressaq lil ħafna u joffrilhom il-maħfra tal-Mulej fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni...u jikkonċelebra l-quddiesa. Jalla issa l-Mulej jaħfer lilu n-nuqqasijiet tiegħu ta' bniedem dgħajjef illi kien u jilqgħu fil-mistrieħ ta' dejjem.
Lil Patri Feliċjan aħna nibqgħu niftakruh bħala Reliġjuż Karmelitan eżemplari, dejjem preżenti magħna għat-talb u l-atti komuni. Il-vokazzjoni li l-Mulej tah ħadha b’serjetà kbira u ħeġġeġ oħrajn biex bħalu jilqgħu din is-sejħa Karmelitana u sacerdotali. Nitolbu għalhekk lil Mulej Ġesù biex filwaqt li nippreżentawlu lil dan huna jimla lilna biż-żelu u bl-imħabba li kellu hu lejn il-Kelma tiegħu ħalli aħna wkoll naslu fil-mergħat ta' dejjem. Surmast…..nixtieq nagħlaq din l-omelija fqajra tiegħi fil-funeral tiegħek, billi nikkwotalek ftit vrus minn poeżija illi inti stess ktibt fis-sena 2018, meta lestejna l-paviment ta' dan is-santwarju u ċċelebrajna l-konsagrazzjoni tiegħu. Mill-Poeżija VJAĠĠ MARJAN ta' P. Feliċjan Bezzina li kiteb f’Marzu tal-2018
Matul erba’ sekli dat-tempju inbena għal aktar minn darba biex fih jibqa’ jara bħal xempju ’l Omm lesta tgħin lilna mġarrba. Kemm tridna sew ngħixu ta’ Nsara nitolbu, inħobbu minn qalbna nissieltu mad-dnub bl-eqdes ħrara b’qalb safja nlissnu b’talbna. Il-Libsa tal-Karmel tfakkarna qatt m’aħna weħidna tul jiemna mal-grazzja fi Kristu tkabbarna Marija tkun timxi quddiemna. Xħin lilna l-omm tagħna tarana f’dat-tempju Santwarju miġbura bil-ferħa minn qalbha tilqagħna bil-Labtu bi wliedha maħtura.
Tilmaħna mżejna bi lbiesha bil-ħerqa mill-qalb nitolbuha l’Ommna tgħina nixbhuha f’qdusitha nuruha bis-sħiħ li nħobbuha.
Dritt titfa’ ħarsitha madwarha tarana b’dmugħ jiddi f’għajnejna titbissem Marija hawn f’darha preżenti bħal Ommna hawn ħdejna. Bi wlied li jifirħu ma’ Ommhom issibna mimlija bi mħabba f’dat-tempju li fih raw titrabba ħajjithom waqt magħha żżommhom. Il-knisja nbniet fi stil ovali ħitanha fit-tond ġew mibnija iħaddnu b’dirgħajn b’mod speċjali bil-għajnuna divina mogħtija. Santwarju bil-koppla li titla’ ’il fuq sew mid-djar u l-palazzi mill-għoli ’l dawn tħares u timla’ b’kull ġid f’maltempati, waqt bnazzi. Kif tlesta mill-bini s-Santwarju maż-żmien sab min lilu jsebbaħ bi skultura, bi rħam u b’xogħol varju tifħir m’għand kulħadd dejjem rebaħ! Imlibbes b’tiżjin li jixraqlu dat-tempju jissokta jferraħ lill-bniedem li f’ħajtu jkun stħaqqlu fuq Ommu f’ħidmietu jserraħ. Hi dar ta’ Omm inkurunata sultana magħrufa għall-ħniena li tqassam kull ħin tal-ġurnata bla qatt Hi taf tħossha għajjiena. Il-ħajja t’Insara li aħna titqawwa xħin Ommna tħarisna bil-għajnuna tas-sema ssaħħaħna xħin b’qawwa tal-Labtu tħarisna. Infittxu tul jiemna fid-dinja nitolbu ‘l Marija tmexxina xħin magħha din qalbna tgħix hienja biex bl-hena ta’ dejjem timliena. Ammen