19 minute read
lejn tmiem is-Seklu Sittax
Il-Patrijiet Karmelitani fil-Belt Valletta lejn tmiem is-Seklu Sittax
Il-Knisja tal-Parroċċa tal-Belt il-Ġdida
Advertisement
Fabian Mangion
Is-sena għoxrin tat-tieni millennju hija waħda memorabbi ferm għall-Provinċja Karmelitana Maltija. Iżda, fuq kollox, hija waħda mhix bħalloħrajn għall-knisja u l-kunvent tal-Belt Valletta. Dan għaliex is-sena l-oħra ħabat għeluq l-erba’ mija u ħamsin sena tat-twaqqif ta’ din il-knisja u kunvent u allura erba’ sekli u nofs tal-preżenza talPatrijiet Karmelitani fil-Kapitali.
Il-Karmelitani f’Malta
L-ewwel Patrijiet Karmelitani ġew Malta fis-sena 1418, u dan sar b’riħet it-testment tas-Sinjura Margarita D’Aragona di Pellegrino. Is-Sinjura Margarita, nobbli ġejja mill-familja rjali ta’ Aragona, Spanja, armla ta’ Giacomo Pellegrino, fil-5 ta’ Ġunju 1418, billi kienet marida, għamlet it-testment tagħha quddiem in-Nutar Antonio Azzopardo. F’dan it-testment, filwaqt li ħalliet ħafna legati piji, ħalliet ukoll “il-knisja ta’ Santa Marija Annunzjata li bnejt mill-ġdid fl-inħawi magħrufa ta’ San Leonard. . . . Irrid ukoll u nikkmanda li l-imsemmija knisja, flimkien mal-beni mħollija lilha fil-legat ta’ hawn fuq, tiġi mogħtija millesekuturi hawn taħt imsemmija flimkien malVenerabbli Dun Cataldo1 lil dik ir-Reliġjon jew Ordni li jridu huma u jidhrilhom l-aħjar.”2
Donna Margarita mietet ftit ġranet wara li għamlet it-testment li ġie ppubblikat fl-14 ta’ Ġunju bissolennità kollha mitluba u b’ordni ta’ Ruġġieru Pirrera, kaptan tal-Imdina. Donna Margarita ġiet midfuna fil-Katidral taI-Imdina.3
L-eżekuturi tat-testment ta’ Donna Margarita offrew il-knisja tal-Lunzjata lill-Patrijiet Karmelitani fi Sqallija. Il-Patrijiet Karmelitani Sqallin, li magħhom ġa kien hemm xi Maltin, aċċettawha u, wara ftit, ġew Malta u ħadu pussess tal-knisja tal-Lunzjata.4 Wara li ħadu pussess tal-knisja, il-Patrijiet Karmelitani bdew jamministrawha b’devozzjoni u qima kbira, barra milli kienu joħorġu jipprietkaw u jxerrdu d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. L-ewwel Patrijiet Karmelitani li nafu bihom kienu Patri Ġlormu Cassar, Pirjol tal-Kunvent ta’ Santa Marija Annunzjata, Malti, u Patri Perichonus talOrdni Karmelitan.5
Mill-kunvent tal-Lunzjata l-Qadima, il-Patrijiet Karmelitani tferrxu fil-Belt Valletta (1570), filBirgu (1580) suppress fis-sena 1653 mill-Papa Innoċenzo X għax ma kellux renti biżżejjed għallgħijxien tal-patrijiet, fl-Imdina (1659), f’San Ġiljan (1890), f’Santa Venera (Misraħ - 1913), fil-Fgura (1945), fi Fleur-de-Lys (1949), u Santa Venera (Triq il-Parroċċa - 1980). Fis-sena 1949 il-Provinċja Karmelitana Maltija firxet il-ħidma missjunarja tagħha fil-Peru u fis-sena 1956 filBolivja.6
Il-Karmelitani fil-Belt Valletta
Wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-Gran Mastru Ġwann de la Valette ħaseb biex bla telf ta’ żmien jibni belt-fortizza għall-ħarsien ta’ Malta minn xi ħbit ieħor tat-Torok. Din kienet il-Belt Valletta. Fit-28 ta’ Marzu 1566 tqiegħdet l-ewwel ġebla u eluf ta’ ħaddiema, Maltin u barranin, ħadmu bla mistrieħ biex jibnu s-swar. Billi ried li jinbeda wkoll il-bini tad-djar, il-Gran Mastru Pietru del Monte, suċċessur tal-Gran Mastru La Vallette, fit-3 ta’ Frar 1569, waqqaf kummissjoni biex, flimkien mal-ajjutant tiegħu u l-kaptan Francesco Laparelli, tippjana u tqassam l-art għall-bini fil-Belt il-ġdida. Il-Patrijiet Karmelitani, kienu ilhom li jixtiequ jiftħu kunvent ieħor, prinċipalment għax kienu qed jikbru fin-numru u għalhekk ma kellhomx wisa’ biżżejjed. Għalhekk, huma li tagħhom kien midħla l-Gran Mastru La Valette tant li kien ta’ sikwit iżur il-kunvent tagħhom tar-Rabat u li għarfu l-importanza li kien se jkollha din il-Belt ġdida, mill-ewwel ħasbu jixtru biċċa art biex jibnu knisja u kunvent. Huma kellhom ukoll ix-xewqa li jifirxu l-ħidma tagħhom fost l-eluf ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu fuq l-għolja Sciberras.7 Għaldaqstant, Patri Ġwann Vella, pirjol tal-Lunzjata u Vigarju Provinċjal tal-Patrijiet Karmelitani
f’Malta, bl-approvazzjoni tal-patrijiet u f’isem il-Provinċjal talab post fil-Belt ġdida biex hemm jibni u jwaqqaf knisja u kunvent. Il-Kummissjoni laqgħat it-talba u tatu biċċa art stmata 66 skud. Il-kuntratt sar fil-Belt il-ġdida Valletta, quddiem in-Nutar Plaċidu Habel fis-27 ta’ Lulju 1570 – 451 sena ilu.8 Min-naħa tal-Ordni Ġerosolimitan kienu preżenti Fra Kristofanu Leboullens, Fra Rajmondu Fortuin, Fra Ċorġju Caccheranu, Kummissarji talistess Belt. Kien preżenti wkoll l-Arkitett Ġerolamu Cassar. Min-naħa tal-Ordni Karmelitan kien preżenti Patri Ġwann Vella, Vigarju tal-Provinċjal.9 Patri Ġwann Vella ħallas 33 skud mal-kuntratt; ilbqija wiegħed li jħallashom sal-festa tal-Qaddisin Kollha tal-istess sena.10 Fl-istess kuntratt, hu wiegħed ukoll li jibni, fuq l-art imsemmija, knisja, flimkien ma’ kunvent, iddedikata lill-Imqaddsa Verġni Marija tal-Ordni tal-Karmelu.
Il-Bini ta’ knisja
Ix-xogħol tal-bini sew tal-knisja u kemm talkunvent inbeda malajr. Għall-ewwel il-patrijiet bnew knisja żgħira biex in-nies li kienu jgħixu l-Belt ikollhom fejn jinqdew għall-affarijiet tarruħ, jiġifieri għall-quddies, prietki u funzjonijiet oħra. Il-bini tal-knisja, kif ukoll parti mill-kunvent, kienu lesti qabel l-aħħar tas-sena 1570.11
Fl-1 ta’ Novembru 1574, il-patrijiet ġew mogħtija l-permess mill-Isqof Mons. Fra Martin Rojas de Portaravio għall-bini ta’ knisja ġdida u akbar filBelt stess. Minn dakinhar inbeda wkoll ix-xogħol tal-bini tal-knisja l-ġdida, fuq disinn u taħt iddirezzjoni tal-arkitett tal-Ordni Ġerosolimitan Ġirolmu Cassar.12 Bħala prokuratur tal-bini talknisja l-patrijiet għażlu lis-Sur Franġisk Sumaripa.13
Sal-aħħar tas-sena 1591 ix-xogħol tal-ġebel kien lest. Il-knisja kienet ta’ għamla sempliċi ħafna, b’nava mdaqqsa u bil-kappelli laterali. Kienet twila 150 pied u 50 pied wiesgħa. Kellha wkoll il-koppla. Il-knisja b’kollox kien fiha għaxar artali, l-artal maġġur u 4 artali fuq il-lemin u 5 artali oħra fuq ix-xellug tagħha. Biex il-patrijiet jibnu l-knisja u l-kunvent, milli jidher, ftit li xejn sabu diffikultajiet. In-nies ukoll ħadet sehem kbir billi għenet b’kull mezz - bil-flus, bil-ġbir u bix-xogħol – għax ħafna kienu dawk li riedu jagħtu daqqa t’id ħalli l-knisja tfittex titla’.14
Il-Knisja tal-Parroċċa tal-Belt il-Ġdida
Meta l-Kapitlu tal-Katidral ra li l-Belt il-ġdida kienet qed timtela ġmielha bin-nies, ħaseb biex isejjaħ laqgħa kapitulari fil-25 ta’ Mejju 1570. IlKapitlu kien iddeċieda li jixtri biċċa art biex tinbena knisja għall-kura spiritwali ta’ dawk li kienu marru jgħammru fil-Belt. Il-Ġurati tal-Università, jiġifieri l-Gvern Malti ta’ dak iż-żmien, ipprotesta kontra dan l-għemil tal-Kapitlu għax ħasbu li, billi inbniet il-Belt, il-Knisja Katidrali setgħet tiġi ttrasferita fiha.15 Il-Kapitlu kien pront wieġeb lill-Università u assigura lill-ġurati li l-fehma tagħhom ma kinitx li jittrasferixxu l-Katidral mill-Imdina għall-Belt. Iżda l-iskop kien li tinbena biss knisja li fiha jiġu amministrati s-Sagramenti.16
Għall-aħħar ta’ Diċembru tal-istess sena, ilKapitlu tal-Katidral ra li fil-Belt diġà kien hemm knisja pubblika u Sagramentali. Din kienet ilKnisja tal-Karmnu.17 Għaldaqstant, Dun Anton Bartolo, il-Vigarju Ġenerali, ordna lil Dun Marjan Briffa, Kappillan ta’ Ħal Qormi, biex jamministra s-Sagramenti fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu.18 Il-kappillan ta’ Ħal Qormi għażel lil Dun Teramo Balzan bħala l-ewwel viċi-kurat.19 Dun Teramo kien dam f’din il-kariga għal ftit aktar minn sentejn.20
It-Twaqqif tal-Parroċċa
Fl-1571 il-Belt il-ġdida bdiet tiżdied bin-nies, l-iżjed wara li l-Ordni Ġerosolimitan mill-Birgu ttrasferixxa ruħu għall-Belt il-ġdida fit-18 ta’ Marzu 1571.
Meta l-Gran Mastru Pietru Del Monte ra li n-nies qiegħda tiżdied, kiteb lill-Vigarju Ġenerali. Minħabba f’hekk, fit-22 ta’ April 1571, il-Vigarju Ġenerali Bartolo sejjaħ Konsulta tal-Kapitlu talKatidral.21 Waqt din il-Konsulta, intqal li “billi filBelt Valletta joqgħodu ħafna nies, li għandhom bżonn tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti u ħwejjeġ oħra meħtieġa għas-salvazzjoni tagħhom; u ma hemmx Knisja, u anqas saċerdot li uffiċjalment iservi għal dan, ta’ min jaħseb għal rimedju tajjeb għal ġid hekk kbir.”22 B’hekk, il-Vigarju Ġenerali, Dun Anton Bartolo, flimkien mal-Kapitlu tal-Kattidral, stabbilixxa li l-knisja tal-Patrijiet Karmelitani fil-Belt tkun “Knisja tal-Parroċċa tal-Belt il-ġdida Valletta” b’qassis magħżul mill-isqof u mill-Kapitlu talKatidral, li kien responsabbli tal-kura tal-erwieħ, filwaqt li parti mill-uffiċċju tal-kappillan kien jitwettaq mill-patrijiet stess. Il-Vigarju Ġenerali qiegħed lil Dun Marjan Briffa bħala l-ewwel kappillan biex jamministra s-Sagramenti minn din il-knisja. Il-patrijiet, ma qagħdux jitolbu kondizzjonijiet, iżda aċċettaw li l-knisja tagħhom tkun il-“Knisja tal-Parroċċa” l-ġdida; u dan għall-ġid kbir tal-erwieħ.23
Fit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Belt kollox sar skont id-Dritt Kanoniku ta’ dak iż-żmien li kien ilKonċilju Tridentin. Skont dan il-Konċilju t-twaqqif
Dokument ta' Jannar 1571 li bih ġie nominat saċerdot mill-Kapitlu tal-Katidral sabiex jamministra s-Sagramenti lir-residenti tal-Belt Valletta (Ħajr: Michael Galea) tal-parroċċi jmiss lill-isqfijiet. Fiż-żmien li qed insemmu, f’Malta ma kienx hawn isqof millmewt tal-Isqof Duminku Gubelles, li ġrat fit-22 ta’ Novembru 1566, sakemm sar l-Isqof Martinu Royas fil-5 ta’ Novembru 1572.24 Id-Djoċesi kienet allura f’perjodu msejjaħ Sede Vacante (is-Sedja battala mill-isqof). B’hekk, skont l-istess Konċilju, il-Vigarju Ġenerali, maħtur mill-Kapitlu Katidrali, kellu l-ġurisdizzjoni spiritwali u universali talisqof. Fl-1571 f’Malta kien hawn Dun Anton Bartolo, li kien qed jaqdi r-rwol ta’ Vigarju Ġenerali. Hu kien ġie magħżul mill-Kapitlu tal-Katidral fis-27 ta’ Awwissu 1569 u approvat b’Ittri Appostoliċi tal-1 ta’ Lulju 1570.25 Għaldaqstant, billi dan ilVigarju Ġenerali kellu l-kwalifiki kollha, u kellu l-ġurisdizzjoni universali tal-isqof, mexa legalment meta waqqaf il-Parroċċa tal-Belt il-ġdida Valletta, fit-22 ta’ April 1571. Il-Knisja Matriċi tal-Parroċċa tal-Belt kienet l-istess Knisja Katidrali.26
Il-Patrijiet kienu jeżerċitaw parti mill-Uffiċċju talKappillan Il-knisja tal-Karmnu tal-Belt kellha l-fonti talMagħmudija. Fiha kienu jinżammu ż-Żjut Imqaddsa tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-morda.27 Fiha kien jiġi eżerċitat l-uffiċċju tal-Kappillan, li parti minnu kienu jeżerċitawh il-patrijiet. Fost l-oħrajn, il-patrijiet kellhom f’idejhom ilquddies, il-prietki, ix-xandir tal-kelma ta’ Alla, u t-tifsir tal-quddiesa. Din il-knisja damet taqdi l-funzjoni ta’ Knisja tal-Parroċċa tal-Belt minn Diċembru tal-1570 sa Diċembru tal-1582. F’Diċembru 1582 saret purċissjoni unika. Dakinhar, iż-Żjut Imqaddsa u s-Santissimu Sagrament ġew meħuda uffiċjalment mill-knisja tal-Karmnu sal-knisja ta’ San Pawl Nawfragu28 f’purċissjoni solenni li fiha ħa sehem il-kleru djoċesan u reliġjużi flimkien mal-Ordni ta’ San Ġwann.29
F’dawn it-tnax-il sena l-Kappillani li amministraw is-sagramenti f’isem il-Kapitlu tal-Katidral kienu:
Dun Marjan Briffa (1569-1570)
Iben Bernardo u Giovanna mwielda Cilia, Marjan twieled Ħal Luqa f’Diċembru 1545. Fl-14 ta’ Ġunju 1569, ingħata l-prebenda talparroċċa ta’ Ħal Qormi permezz ta’ Ittri Appostoliċi biex ikun is-suċċessur ta’ Dun Gioannello Cilia. Malwasla ta’ dawn l-Ittri, qagħad għall-eżami immexxi minn Dun Anton Bartolo, Vigarju Ġenerali biex din il-ħatra tkun approvata. Fil-5 ta’ Settembru 1569, ingħata l-pussess tal-parroċċa Qormija meta kien għadu kjeriku. Għaldaqstant, b’konċessjoni papali, ingħata l-awtorità li jirċievi t-tliet Ordnijiet Maġġuri u fil21 ta’ Ġunju 1569, ingħata l-permezz li jiġi ordnat saċerdot barra minn Malta. L-ordinazzjoni tiegħu saret fl-1569 minn Mons. Mikiel Torregles, Isqof ta’ Agrigento fi Sqallija, li ordnah Sud-Djaknu fis-7 ta’ Diċembru, Djaknu fis-26 ta’ Diċembru u Qassis fil31 ta’ Diċembru.
Fil-bidu tat-terminu tiegħu bħala kappillan, Dun Marjan kellu jiffaċċja dak li għalih kien indħil filġurisdizzjoni parrokkjali tiegħu meta bdiet tinbena l-Belt Valletta fuq art li kienet fil-konfini ta’ Ħal Qormi. Il-patrijiet Dumnikani kienu qed jippruvaw iwaqqfu parroċċa permezz ta’ konċessjoni mogħtija lilhom mill-Papa Piju V. Dun Marjan oppona din ilkonċessjoni u sab l-appoġġ tal-Kapitlu tal-Katidral li saħansitra pprovda s-servizz ta’ qassis biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet pastorali ta’ dawk li bdew joqgħodu fil-Belt il-ġdida. Għaldaqstant, fit-13 ta’ Jannar 1570 ippreżenta memorandum fejn wera kif dik l-art minn dejjem kienet taħt il-ħarsien talpredeċessuri tiegħu.
Fis-7 ta’ Awwissu 1571 telaq lejn Ruma biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, ġie mogħti 12-il uqija bħala għajnuna mill-Kapitlu tal-Katidral u ittra ta’ rakkomandazzjoni mingħand il-Vigarju Ġenerali. Fid-dokumentar kollu, hu ġie deskritt bħala Kappillan ta’ Ħal Qormi u tal-Belt Valletta. Din ilmissjoni ma kellhiex l-eżitu feliċi mixtieq għaliex, minkejja l-oppożizzjoni tal-Kurja u tal-Kappillan Briffa, il-parroċċa Dumnikana tal-Belt twaqqfet formalment fit-2 ta’ Lulju 1571 permezz tal-Bolla Appostolika Ex Debito Pastoralis. Dun Marjan, li ma qatax qalbu, baqa’ jinsisti li t-twaqqif talparroċċa l-ġdida għandu jkun annullat. Iżda, fit-23 ta’ Settembru 1572, il-Papa Gregorju XIII warrab il-‘pretensjonijiet’ tiegħu u impona fuqu s-silenzju perpetwu. Donnu Dun Marjanu ma setgħax joqgħod ’il bogħod mill-kontroversji. Il-poplu kien igerger mhux ftit dwar l-imġiba tiegħu. Ilmentaw li meta l-kappillan kien iwarrab, ma kinux jiġu amministrati Sagramenti u lanqas ma kien isir id-dfin talmejtin. Il-kappillan kien jitħallas biex jgħammed, iżewweġ, iqarar u jamministra l-griżma tal-morda. In-nies akkużawh li kien jirrifjuta li jqarar lil min kien iparla kontrih u li ma kienx jixgħel il-lampier tal-knisja biex ma jonfoqx flus. Dan kollu wasslu biex, għal darbtejn (1572 u 1577), inżamm fil-ħabs tal-isqof u anke skomunikat (1581). Fit-12 ta’ Frar 1583 iddikjara li kien se jċedi l-prebenda tal-parroċċa Qormija a favur Dun Mattew Magro li, fil-fatt, sar il-kappillan il-ġdid. Tul il-bqija ta’ ħajtu, Dun Marjanu kien involut f’diversi litigazzjonijiet oħra. Hu miet fit-3 ta’ Ottubru 1616 u l-għada ndifen fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ wara funeral solenni.30
Dun Teramo Balzan (1570 – 1574)
Isem Dun Teramo, iben Andrea u Delcia, jidher f’laqgħa ġenerali tal-kleru li kienet saret fit-8 ta’ Diċembru 1555. Għalhekk, hu ġie ordnat qassis qabel dik is-sena u l-ordinazzjoni saret f’Katania, Sqallija. Kollox jindika li hu kien l-ewwel qassis li kien jgħix fl-Isla. Fl-1575 hu stess stqarr li kien jgħix hemm sa sentejn qabel l-Assedju l-Kbira tal-1565. Wara l-Assedju, reġa’ mar jogħod l-Isla sa ma ttrasferixxa ruħhu għall-Belt l-ġdida. Fl-20 ta’ Awwissu 1570 ġie delegat mill-Kaptilu tal-Katidral biex iżomm l-Ewkaristija u jamministra s-Sagramenti fil-Belt. Hu baqa’ fil-Belt sat-18 ta’ Ġunju 1574 meta reġa’ rritorna lejn l-Isla. Fid-19 ta’ Frar 1575, Mons. Dusina, bħala Viżitatur Apostoliku, sab lil Dun Teramo jaqdi l-bżonnijiet spiritwali ta’ dik il-belt u jqaddes kull nhar ta’ Ħadd fil-knisja ta’ San Ġiljan li Dun Teramo kien għadu ħaj fl-1584 għaliex kien preżenti għal-laqgħa ġenerali tal-kleru li saret fl10 ta’ Jannar ta’ dik is-sena.32
Dun Gaspare Prat (1574 – 1577)
Twieled qrib is-sena 1552. Fil-11 ta’ Frar 1572 ingħata l-permess biex jirċievi s-Sud-Djakonat u d-Djakonat barra minn Malta. Fil-fatt, irċieva dawn l-Ordnijiet Maġġuri minn idejn Mons. Giulio Staurieno O.F.M., l-Isqof ta’ Bova, l-Italja. Irċieva d-Djakonat fil-31 ta’ Mejju 1572. Lura Malta, insibuh addett għal servizz fil-Katidral fejn kien ikanta l-Evanġelju waqt il-quddiesa solenni tal-Ħadd u fil-festi. Ġie ordant saċerdot f’Malta minn Mons. Martin Royas de Portalrubio, Isqof ta’ Malta. Immedjatament ġie mibgħut jamministra s-Sagramenti fil-Belt Valletta fejn beda fit-18 ta’ Ġunju 1574. Fis-27 ta’ Frar 1575, Mons. Dusina sab li Dun Prat kien jaf sewwa l-Latin u li kien preparat biex iwieġeb mistoqsijiet dwar l-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Kien f’dak iż-żmien li waqqaf battisterju fil-knisja tal-Karmelitani, li kien lest f’Awwissu 1574 u, ftit wara, ta bidu għall-bini ta’ knisja ġdida mħallsa mill-Kapitlu tal-Katidral.33
Fid-29 ta’ Novembru 1576 inħatar Kanonku Teżorier tal-Kapitlu tal-Katidral. Baqa’ jgħix u jaqdi pastoralment fil-Belt sas-16 ta’ Jannar 1577. Fl-1579 kien qed jaqdi l-uffiċċju ta’ Locum Tenens u Vigarju Ġenerali. Miet fit-2 ta’ Lulju 1605.34
Dun Nikol Burlò (1577)
Nikol, iben Bernardo u Giovanna mwielda Fava, fl-1574 irċieva l-Ordnijiet Maġġuri minn idejn Mons. Martin Royas, Isqof ta’ Malta, kif ġej: SudDjakonat fis-27 ta’ Marzu, Djakonat fil-5 ta’ Ġunju u Presbiterat fit-18 ta’ Diċembru.
Fl-1575, Mons. Dusina kellu kliem ta’ tifħir għal Dun Nikol. Kien jaf tajjeb il-Latin u kien imżejjen b’dak kollu meħtieġ biex jaqdi l-ministeru saċerdotali.
Fis-6 ta’ Marzu 1577 ġie mibgħut jaqdi l-ministeru pastorali fost l-abitanti tal-Belt Valletta. Hu dam hemm għal sitt xhur. Għal darbtejn, jiġifieri bejn l-24 ta’ Settembru 1581 u s-6 ta’ Awwissu 1582 u bejn l-10 ta’ Mejju 1586 u l-4 ta’ Ottubru 1590 qeda l-irwol ta’ Vigarju Ġenerali.
Dun Xmun Blanco (1577)
Imwieled il-Birgu, fil-31 ta’ Mejju 1572 irċieva l-Ordnijiet Minuri, fit-23 ta’ Marzu 1574 ġie ordnat Sud-Djaknu u Djaknu fil-5 ta’ Ġunju 1574. Fit-18 ta’ Diċembru 1574 ġie ordnat qassis. Dun Xmun irċieva l-Ordnijiet kollha barra minn Malta. Immedjatament wara l-ordinazzjoni, kien qed jaqdi l-uffiċċju ta’ kurat tal-Birgu. Fl-24 ta’ Awwissu 1577, insibuh jagħti servizz pastorali fil-Belt Valletta fejn dam sal-5 ta’ Novembru 1577 peress li ġie appuntat Dekan tal-Katidral. L-Isqof Tumas Gargallo ħatru Vigarju Ġenerali u hu wettaq d-dmirijiet marbuta ma’ dan l-uffiċċju bejn l-1578 u l-1579.
Jidher li saħħtu tagħtu xi ftit tal-inkwiet. F’Jannar u minn Ġunju sa Settembru 1578 kien marid fissodda. Miet waqt li kien Ruma fl-1580.36
Dun Anton Inguanez (1577 – 1581)
Iben Calcerano u Angelica mwielda Falzon, Anton ġie ordnat Sud-Djaknu fis-7 ta’ Marzu 1573, Djaknu fil-21 ta’ Diċembru 1573 u qassis fit-2 ta’ Mejju 1574. Fl-1575, l-Isqof Royas ħatru Kanonku tal-Katidral. Fit-28 ta’ Novembru 1577 ġie fdat bil-kura pastorali tal-abitanti tal-Belt fejn baqa’ sal-1 ta’ Settembru 1581. Huwa sejjaħ lilu nnifsu Canonicus et tutor parochialis parochiae Civitatis Vallettae.
Miet fil-25 ta’ Novembru 1591.37
Dun Nikol Bonnici (1580 – 1582)
Iben Demetrio u Venera, Nikol twieled f’Ħ’Attard qrib l-1556. Ġie ordnat qassis mill-Isqof Gargallo fit-13 ta’ Ġunju 1579. F’dik is-sena stess inħatar prokuratur fiskali fil-Kurja. Fl-1 ta’ Settembru 1580 ġie assenjat ħidma pastorali fil-Belt. Fis-27 ta’ April 1584, permezz ta’ Ittri Appostoliċi, inħatar Kappillan fiż-Żurrieq. Il-parrokat tiegħu f’dan ir-raħal xejn ma kienx faċli. Ġie akkużat minn uħud u ħidmietu kienet kritikata minn bosta. Meta l-età bdiet tagħfas fuqu, beda jitlef id-dawl ta’ għajnejh u għalhekk, mill-1618, talab l-assistenza ta’ koadjutor. Sal-1626 kien għama kompletament u rriżenja mill-uffiċċju ta’ kappillan. Miet fit-2 ta’ Jannar 1633 u ndifen fil-Katidral talImdina.38
Knisja għal qalb il-Maltin
Il-Patrijiet Karmelitani, sa mill-bidu tal-eżistenza tal-Ordni Karmelitan, urew imħabba kbira lejn Sidtna Marija. Kull fejn kienu huma, insibu din l-imħabba lejn il-Madonna. Meta l-Karmelitani ġew Malta, allavolja kienu qalb ir-raba’, ’l bogħod mill-ħsejjes tar-Rabat, ma naqsux li jxerrdu fost missirijietna d-devozzjoni lejn il-Madonna talKarmnu u l-Labtu tagħha. Din id-devozzjoni, li minn dejjem kienet kbira, kompliet toktor fost il-poplu Malti meta l-Patrijiet Karmelitani, bla tnikkir, firxu ħidmiethom lejn il-Belt Valletta hekk kif dik kienet għadha qed titwieled. Huma ħabirku u stinkaw biex f’din ilBelt jibnu knisja ddedikata lill-Ommna Marija tal-Karmnu. Din il-knisja kienet u għada ferm maħbuba u għal qalb il-Maltin. U kif kien xeraq, il-patrijiet ħasbu biex, sa minn kmieni, fiċ-ċentru ta’ dan it-tempju, li kien opra mill-isbaħ ta’ Ġlormu Cassar, iqiegħdu kwadru titulari tal-Madonna tal-Karmnu flimkien ma’ San Xmun Stock u Sant’Agata. Il-Patrijiet Karmelitani kellhom dejjem xewqa waħdanija, jiġifieri dik li jaraw joktor il-ġieħ u l-qima lejn il-Patruna tagħhom. Is-sagrifiċċji, il-funzjnijiet, l-opri artistiċi li bihom żejjnu lil din il-knisja, kellhom dan l-iskop waħdieni. Kien jonqos l-aħħar wirja ta’ mħabba; kien jonqos li kuruna tad-deheb titqiegħed fuq ras il-Madonna fix-xbieha tagħha fil-kwadru titulari. Il-patrijiet ħadmu mal-awtoritajiet u d-digriet talInkurunazzjoni tal-kwadru ħareġ mill-Vatikan fit18 ta’ Ġunju 1880 – 141 sena ilu. Mons. Carmelo Scicluna, Isqof ta’ Malta, inkuruna solennement din ix-xbieha fil-15 ta’ Lulju 1881. Din kienet l-ewwel xbieha mpittra tal-Madonna li ġiet inkurunata f’dawn il-gżejjer. Għal dawk il-festi talinkurunazzjoni, il-poplu Malti kien ħonoq dan ittempju, li issa kien sar Santwarju Marjan. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fis-6 t’April 1886. Ftit tas-snin wara, b’digriet li jġib id-data tat-13 ta’ Mejju 1895 – 126 sena ilu - din il-knisja, li għal tnax-il sena kienet il-Knisja tal-Parroċċa tal-Belt u issa Santwarju Marjan, ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilka Minuri, bid-drittijiet u l-privileġġi kollha li jgawdu l-Bażiliċi Minuri li jinsabu f’Ruma.
Referenzi
1 Dun Cataldo Cusburella, sa mis-sena 1418 kien Kanonku tal-Katidral tal-Imdina u Kappillan Maġġur sal-1420. Fissena 1419 Vigarju Ġenerali tad-Djocesi ta’ Malta. (Abela, S., L-Ewwel Karmelitani f’Malta u l-Ewwel Knisja u Kunvent tagħhom ‘il-Lunzjata l-Qadima’, 1976, p. 6) 2 Xi kittieba tal-istorja tal-Knisja Maltija jgħidu li l-preżenza ta’ Patrijiet Karmelitani f’dan il-post tmur lura sas-sena 1370. Oħrajn saħansitra jsemmu l-1200. Żgur iżda li kienu preżenti f’dan il-post sa mill-1418. (Abela, S., “Il-
Karmelitani f’Malta,” f’Mitt Sena mill-Inkurunazzjoni:
Tifkira, 1981, p. 33) 3 Abela, op. cit. (1976), p. 4. 4 Din l-ewwel knisja tal-Karmelitani f’Malta għadha teżisti u hija magħrufa bħala l-Lunzjata l-Qadima. Tinsab barra mir-Rabat. 5 Abela op. cit. (1976), p. 46. Peress li l-Patrijiet u l-kunventi ta’ Malta kienu jiddependu mill-Provinċja ta’ Sant’Anġlu fi Sqallija, allura wieħed mill-patrijiet kien jiġi magħżul millProvinċjal ta’ Sqallija bħala Vigarju Provinċjal. Dan baqa’ jsir sal-1818, meta l-gvern Ingliż ordna s-separazzjoni tal-kunventi ta’ Malta minn dawk ta’ Sqallija. Il-Ġeneral tal-Ordni Karmelitan, il-Majjistru P. Aloisio Faro, għaldaqstant, ħareġ digriet li permezz tiegħu fired ilkunventi Karmelitani f’Malta minn dawk ta’ Sqallija u poġġihom taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. B’dan il-mod huwa waqqaf I-ewwel Vigarjat Provinċjali tal-Ordni Karmelitan f’Malta u ħatar lill-Majjistru Patri Pietru Tumas Tanti bħala l-ewwel Vigarju Provinċjal. Il-Ġeneral tal-Ordni, il-Majjistru Patri Wiġi M. Galli, b’reskritt mogħti misSanta Sede fis-7 ta’ Mejju 1892 għolla l-Vigarjat għallgrad ta’ Provinċja regulari fil-31 ta’ Mejju 1892 u ħatar lill-Majjistru Patri Wiġi Malfatti bħala l-ewwel Provinċjal tal-Provinċja Karmelitana f’Malta. 6 Abela op. cit. (1981), p. 33. 7 Sammut, L., Is-Santwarju tal-Karmnu, 1952, p. 17. 8 Kopja oriġinali ta’ dan il-kuntratt tinsab fl-Arkivju Notarili,
Repertorium Actorum qd. Placidi Habel, Reg. 4 p. 336. Kopja tiegħu tinsab ukoll fl-Arkivju tal-Kunvent talKarmnu tal-Belt, Cabreo A, p. 2. 9 Il-biċċa art, li fil-pjanta tal-Belt il-ġdida kienet fil-kwadru 53, kienet imdawra mit-triqat San Mikiel, San Bastjan u Mqaddes Salvatur — illum dawn jissejħu Triq iz-Zekka, Triq il-Punent u Triq it-Teatru. 10 Din l-aħħar parti tas-somma ma ġietx mogħtija għax l-Gran Mastru Pietru del Monte, b’digriet tat-3 ta’ April 1571, ta grazzja lill-patrijiet li ma jħallsux it-33 skud li kellhom iħallsu. Anzi b’digriet ieħor tad-19 ta’ April 1571, bi grazzja oħra, reġa’ ta lura dawk it-33 skud li kienu tħallsu dakinhar tal-kuntratt. 11 Il-knisja nbniet fi ftit ġimgħat u l-Karmelitani f’dik is-sena stess 1570 kienu diġà jgħammru fil-Belt il-ġdida. Fis-16 ta’ April 1571 saret fiha għall-ewwel darba ċ-ċerimonja tal-vestizzjoni ta’ xi mseħbin tal-Ordni ta’ San Ġwann. (Abela op. cit. (1981), p. 35) Din inbniet f’dik il-parti ta’ Triq it-Teatru, bejn l-Oratorju tan-Nazzarenu, li qabel kien kurutur tal-Kunvent, u l-bieb il-qadim tal-Kunvent, fejn issa hemm xi l-mezzanini. 12 Sammut, L., Breve storia della devozione di Maria S.S. del
Carmine nell’Isola di Malta, 1951, p. 10. 13 Abela op. cit. (1981), p. 35. 14 Il-Patrijiet Karmelitani tal-Lunzjata (Rabat) kienu jħallsu 50 skud fis-sena; uħud mill-kappelli bnewhom familji jew il-kavallieri bħall-kappella tal-Lunzjata u tal-Pilar; oħrajn kienu jgħinu billi jagħtu xi offerta jew billi jqiegħdu kaxxi tal-ġbir fuq ix-xwieni u bastimenti tagħhom u saħansitra fil-Berġa tagħhom. 15 Borg, V., Melita Sacra II – The Maltese Diocese during the
Sixteenth Century, 2009, p. 491. 16 Grech, R., Il-Bażilika Santwarju tal-Karmnu fir-Raba’ Mitt
Sena tat-Twaqqif tagħha, 1970, p. 11. 17 Tajjeb hawn jingħad li fil-Belt il-ġdida, diġà kien hemm teżisti l-knisja tal-Vitorja qabel il-knisja tal-Karmnu. Żgur li din kienet lesta fil-21 ta’ Awwissu 1568 li hija d-data tal-mewt tal-Gran Mastru La Valette. Hu ġie midfun f’din il-knisja kif kien ordna hu stess billi din kienet il-knisja tiegħu, privata u ġustpatrunat. Għaldaqstant, dan ifissier li l-knisja tal-Vitorja kienet privata u mhux pubblika. Anqas ma kienet sagramentali, jiġifieri fiha ma kienx jinżamm kuljum is-Sagrament. Il-knisja tal-Karmnu kienet l-ewwel waħda pubblika u sagramentali. 18 Arkivju tal-Katidral, Registro Deliberazioni I, p. 105. 19 “16 ta’ Jannar 1571. Mandat mibgħut minn D. Antonio Bartolo, Vigarju Ġenerali, li għandkom tagħtu, u tħallsu lill-Ven. D. Teramo Balzan uqija, ta’ tari 15, li jservu ta’ ħlas għall-inkommodu tiegħu fl-amministrazzjoni tasSagramenti, u għaż-żejt li jinxtegħel quddiem l-iżjed Imqaddes Sagrament fil-Knisja tal-Parroċċa tal-Belt Valletta, għal xahar mibdi fl-20 ta’ Diċembru, bil-kunsens tal-maġġur parti tal-Kapitlu.” (Arkivju tal-Katidral,
Giornale della S. Chiesa Cattedrale, 1551 - 1600, Tom. II,
Mans. 167, p. 549). 20 B’danakollu l-parroċċa kienet għadha mhix imwaqqfa; hekk li, dak iż-żmien, Dun Teramo Balzan ma kienx imsejjaħ kappillan. (Borg, op. cit., p. 492) 21 Borg, op. cit., p. 492. 22 Arkivju tal-Katidral, Registro Deliberazioni I, p. 105. 23 Relazzjoni tal-Viżta ta’ Mons. Pietru Duzzina — 3 ta’ Frar 1575. 24 Bonnici, A. u Schiavone, M, Minn Publju sa Pawl, 2007, p. 7-8. 25 Borg, op. cit., p. 159. 26 Grech, op. cit., p. 18. 27 Sammut, op. cit. (1951), p. 11. 28 Għall-istorja tajjeb jingħad li l-Patrijiet Dumnikani kienu kisbu mingħand il-Papa Piju V l-kura spirtwali tal-Belt kollha. Din il-Bolla favur il-ħidma tad-Dumnikani ġġib iddata tat-2 ta’ Lulju 1571, allura fi ftit xhur differenza minn meta twaqqfet il-Parrocca tal-Belt il-ġdida. Din il-Bolla kienet ukoll ikkonfermata mill-Papa suċċessor Girgor VIII minkejja l-oppożizzjoni tal-Kapitlu tal-Katidral, talVigarju u tal-Kappillan ta’ Ħal Qormi. B'danakollu, ilqassis imqabbad mill-Kapitlu kompla jeżerċita l-ħidma spiritwali fil-Belt mill-knisja tal-Patrijiet Katmelitani. Anzi, fl-1574 kien propju l-Isqof tad-Djoċesi, Mons. Fra Matrino Royas li għażel hu stess il-qassis djoċesan biex iwettaq l-amministrazzjoni tas-Sagramenti fil-Belt, bla ma qatt irrikonoxxa l-kappillan tal-knisja tal-Porto Salvo. L-isqof kien ħass id-dritt li jagħmel dan bħala kap tal-Kapitlu u għalhekk innomina lil Dun Gaspare Pratt bħala kappillan, f’isem l-Isqof u l-Kapitlu. Il-kwistjoni ttawwlet u saħansitra tressqet quddiem is-Santa Sede. Minkejja dan, il-Kapitlu baqa’ jżomm postu u l-kurat baqa’ jiffunzjona mill-knisja tal-Karmelitani. Fl-1577, bi flus il-Katidral, bdiet tinbena knisja fl-inħawi ta’ Triq ilMerkanti (fejn illum hemm il-knisja tal-Ġizwiti). Din ilknisja nbniet fuq biċċa art mogħtija mill-Katirdal u biċċa art oħra mogħtija mill-Kavallieri ta’ Malta. Meta tlestiet din il-knisja, Dun Nikola Bonnici, li f’dik is-sena kien kurat, ħalla l-knisja tal-Karmelitani u beda jamministra s-Sagramenti mqaddsa mill-knisja l-ġdida ddedikata linNawfraġju ta’ San Pawl. (Terribile, T., Tezori fil-Knejjes
Maltin: Valletta II, 2007, p. 4-7.) 29 Ciarlò, J., The Hidden Gem, 1994, p. 3. 30 Borg, op. cit., p. 208-215. 31 Bonnici, A., L-Isla I – Twelid ta’ Belt u ta’ Parroċċa, 1981, p. 47-51. 32 Borg, op. cit., p. 156-157. 33 Waqt il-Viżta Pastorali, Mons. Dusina jirreferi għalih bħala ‘Vice Cappellano et Parochus Civitatis Vallettae.’ Dan ifisser li Dun Prat kien qed jiġi rikonoxxut bħala kappillan fil-veru sens tal-kelma. (Borg, op. cit., p. 493) 34 Borg, op. cit., p. 375-376. 35 Borg, op. cit., p. 219-220. 36 Borg, op. cit., p. 174-175. 37 Borg, op. cit., p. 313-314. 38 Borg, op. cit., p. 189-193.