26 minute read
L-Antifoni tal-Madonna tal-Karmnu
Kompożizzjonijiet ta’ Maestro Dr Paolo Nani
Abraham D’Amato
Advertisement
Introduzzjoni
Fost il-patrimonju mużikali li l-Knisja f’Malta u Għawdex għadha tgawdi sal-ġurnata tal-lum insibu ammont kbir ta’ antifoni festivi li matul issekli nkitbu minn kompożituri lokali għall-knejjes li f’ħafna minnhom kienu jokkupaw il-kariga ta’ maestro di cappella. 1 Dawn l-antifoni huma siltiet li jitkantaw f’ġieħ qaddis jew qaddisa u li l-istil mużikali tagħhom imur lil hinn mill-gregorjan u l-polifonija klassika li l-Knisja Kattolika tippromovi fit-tagħlim tagħha. F’pajjiżna, it-tradizzjoni li l-kompożituri jikkomponu l-antifoni tal-qaddisin b’mużika vokali u strumentali bdiet lejn l-aħħar nofs tas-seklu tmintax u maż-żmien kull festa saret intimament imwaħħda man-noti tal-antifona li għaliha tkun inkitbet. Sat-tieni nofs tas-seklu għoxrin il-liturġija kienet tiġi ċċelebrata kollha bil-Latin, il-lingwa uffiċjali tal-Knisja Kattolika. Dan il-fatt jispjega għaliex il-mużika kollha li kienet tinkiteb għaċċelebrazzjonijiet liturġiċi, u li minnha għadha tindaqq anke llum, hija bil-Latin. It-test ta’ kull antifona kien jittieħed mil-Liturġija tas-Sigħat, u ġeneralment kienet tkun l-antifona tal-Magnificat tal-ewwel jew tat-tieni għasar tal-festa. Iżda filkaż tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, it-test talantifona ewlinija hija dik tal-ewwel żewġ strofi tal-innu Flos Carmeli. 2 Fir-Rit Karmelitan, dan l-innu, li huwa attribwit lil San Xmun Stock, isir bħala sekwenza fil-quddiesa tal-Madonna talKarmnu. Madankollu, lejliet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, sewwa sew wara t-transulazzjoni, titkanta wkoll l-antifona Caput Tuum, li t-test tagħha huwa dak tal-antifona talMagnificat tal-ewwel għasar.3
Attwalment, lejliet u nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta jiġu esekwiti żewġ antifoni mill-pinna tas-Surmast Dr Paolo Nani: Caput Tuum (1848) u Flos Carmeli (1861). Però, ta’ interess hu l-fatt li flimkien ma’ dawn it-tnejn, fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina, fejn hemm miżmuma l-maġġor parti tal-kompożizzjonijiet tad-Dinastija Nani, jeżistu wkoll erba’ oħra li l-istess Surmast Nani kkompona għat-test tal-Flos Carmeli. Nistqarr li kemm ilni nagħmel ir-riċerki tiegħi fil-mużika liturġika Maltija għadni qatt ma ltqajt ma’ każ ieħor fejn kompożitur ikkompona ħames antifoni għall-istess test, iktar u iktar meta f’dak iż-żmien kienet użanza komuni li minflok jiktbu mużika ġdida għal kull innu jew antifona, il-maestri di cappella kienu sempliċiment jibdlu t-test ta’ kompożizzjonijiet li jkunu kitbu qabel u b’hekk kienu jesegwixxu l-istess kompożizzjoni b’test differenti f’festa differenti!
Maestro Dr Paolo Nani
Maestro Dr Paolo Nani (1814-1904)
Il-karriera tas-Surmast Dr Paolo Nani bħala maestro di cappella ta’ diversi festi f’Malta u Għawdex4 taf il-bidu tagħha f’Lulju tal-1839 propju fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Dan seħħ
wara li s-Surmast Nani, dak iż-żmien żgħażugħ ta’ 24 sena fiż-żwieġ ma’ Maddalena née Cuschieri,5 kien għadu kemm irritorna lura Malta minn Napli, minn fejn kien għadu kemm temm b’suċċess l-istudji mużikali tiegħu fil-Konservatorju San Pietro a Majella. 6 L-għażla ta’ Paolo bħala maestro di cappella tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu jidher li kienet imħeġġa mill-fatt li l-patrijiet Karmelitani kienu midħla sew tal-familja tiegħu, li kienet mill-Belt. Missieru Giuseppe kien avukat magħruf, filwaqt li zijuh Girolamo kien nutar li l-patrijiet Karmelitani kienu jagħmlu użu misservizzi tiegħu.7 Bħal missieru, Paolo wkoll kien gradwat bħala avukat, iżda jidher li aktar ġie attirat mill-professjoni mużikali ta’ nannuh Angelo u zijuh Emmanuele milli mill-professjoni legali ta’ missieru Giuseppe u zijuh Girolamo.8 Kien għalhekk li wara l-istudji mużikali tiegħu f’Malta ma’ Don Giuseppe Burlon9 u Emanuele Muscat,10 kif appena ħa l-lawrja ta’ avukat mill-Università ta’ Malta f’Diċembru tal-1832, iddeċieda li jmur jipperfezzjona l-istudji mużikali tiegħu f’Napli.11
Il-Knisja tal-Karmnu, dak iż-żmien mhux Santwarju u Bażilika, rat mhux biss il-bidu talkarriera twila li s-Surmast Paolo Nani kellu bħala maestro di cappella f’diversi knejjes Maltin, imma sussegwentament rat ukoll il-bidu tal-Cappella Nani – il-cappella di musica li s-Surmast Nani kien ifforma u li baqgħet tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra sal-lum.12 Probabbilment li fost l-ewwel vjolinisti ta’ din il-cappella di musica kien hemm ukoll nannuh Angelo u zijuh Emmanuele.13 Jidher li l-mużika li ppreżenta s-Surmast Nani fil-festa tal1839 intgħoġbot ftit mhux ħażin, tant li mis-sena ta’ wara beda ftit ftit jiġi mistieden minn diversi knejjes oħra madwar Malta u anke f’Għawdex biex jieħu ħsieb il-mużika tal-festi tagħhom.14
Kif ser naraw fl-analiżi tas-sitt antifoni li kkompona f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, l-istil ta’ mużika li s-Surmast Nani kien jipprovdi fil-knejjes Maltin kien dak li ġie mħarreġ fuqu meta kien f’Napli, jiġifieri operistiku Taljan. Biex tagħqad, peress li s-Surmast Nani kien ukoll impjegat fit-teatru, beda jistieden il-mużiċisti u l-kantanti li sar jaf minn hemm biex jiffurmaw parti mill-cappella di musica tiegħu.15 Allura tistgħu taħsbu l-kompożizzjonijiet diġà operistiċi tiegħu kemm kien ikollhom timbru aktar drammatiku bil-mużiċisti u l-kantanti tatteatru! S’intendi, dan l-istil ta’ mużika sagra kien il-favorit ta’ dawk li kienu jħobbu t-teatru u l-mużika operistika, għalkemm mhux l-istess jista’ jingħad għall-awtoritajiet tal-Knisja u għal dawk kollha li kienu jappoġġjaw mużika ta’ xejra iktar ekkleżjastika fil-liturġija.16
L-Ewwel Antifona: Flos Carmeli (1838)17
Fost il-kompożizzjonijiet li s-Surmast Nani kkompona għall-ewwel festa li ġiet ikkummissjonata lilu18 nsibu l-antifona Flos Carmeli, li tista’ titqies bħala l-ewwel fost il-ħafna antifoni festivi li s-Surmast Nani kkompona għallknejjes Maltin, u li numru minnhom għadhom jiġu esegwiti sal-lum.19 Il-fatt li l-annu mniżżel fuq quddiem tal-partitura sħiħa hu dak tal-1838 jindika li s-Surmast Nani kien ġie ppreparat minn xhur qabel għal din l-ewwel festa tiegħu, possibilment kif wasal lura Malta minn Napli fl-4 ta’ Awwissu 1838,20 ftit inqas minn sena qabel. Din l-antifona għandha żewġ fatturi partikolari li jiddistingwuha minn antifoni festivi oħra li s-Surmast Nani kiteb aktar tard matul ħajtu, u li hu tant magħruf għalihom. L-ewwel fattur hu dwar l-organiku, li f’din l-antifona hu magħmul minn kor ta’ erba’ vuċijiet diversi (li f’dak iż-żmien kienu jinkludu l-kastrati),21 żewġ sezzjonijiet ta’ vjolini, flawt, klarinett, żewġ korni u kuntrabaxx. Apparti li dan kien biżżejjed għad-daqs tal-knisja l-antika u l-gallerija li kellha fuq il-bieb maġġur, sa dak iżżmien dan kien ikun l-ammont medju ta’ kantanti u strumentalisti li kienet tiġbor fi ħdanha cappella
Il-gallerija tal-orgni tal-knisja l-antika, minn fejn is-Surmast Nani wettaq l-ewwel servizz tiegħu bħala maestro di cappella fl-1839
di musica. L-orkestra sinfonika kienet għadha kemm ġiet żviluppata u din ma sabitx postha fiċċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-gżejjer Maltin qabel ma tħajjar jintroduċiha s-Surmast Nani nnifsu aktar tard maż-żmien.
It-tieni fattur hu dwar l-idjoma tal-kompożizzjoni, peress li għall-kuntrarju ta’ ħafna mill-antifoni festivi li s-Surmast Nani kkompona matul ħajtu, din l-antifona ma tipproġettax dak l-ispirtu ta’ briju u drammatiċità. Jidher li fil-bidu tal-karriera tiegħu bħala maestro di cappella kien għażel li jikkomponi x-xogħlijiet liturġiċi fuq l-idjoma klassika ta’ żmienu u li n-nies kienet imdorrija tisma’ filknejjes.22 L-istrumenti tal-korda huma l-bażi talorkestrazzjoni, sew fejn tidħol melodija u anke akkumpanjament, filwaqt li l-istrumenti tal-injam jiġu utilizzati biss f’xi waqtiet biex ivarjaw il-ħoss. Minflok ikanta l-melodija prinċipali, il-kor ikanta t-test tal-Flos Carmeli b’mod omofoniku23 f’forma ta’ akkordi li jakkumpanjaw il-melodiji sbieħ u allegrużi li jindaqqu fuq il-vjolini u l-istrumenti tal-injam. Interessanti wkoll li din l-antifona hi miktuba b’temp ternarju (in tre) fl-intier kollu tagħha – temp li huwa assoċjat aktar mal-valzi u l-minwetti milli mal-marċi u l-polki. Għall-kuntrarju ta’ antifoni oħra li s-Surmast Nani kkompona aktar ’il quddiem, din tal-1838 tibda mal-ewwel bid-daqq u l-kant tal-Flos Carmeli, mingħajr l-ebda introduzzjoni strumentali li twassal għall-kant. Hi maqsuma f’erba’ taqsimiet (ABA1C), bl-ewwel u t-tielet kważi identiċi, għajr għall-mod ta’ kif kull waħda tiżviluppa b’rabta mattaqsima li jkun imiss. L-ewwel taqsima twassal għat-tieni permezz ta’ passaġġ kemxejn twil fuq il-vjolini biss, filwaqt li t-tielet taqsima twassal għar-raba’ permezz ta’ passaġġ qawwi bil-kant talMater mitis. Kif jindika t-titlu sħiħ li nsibu miktub fuq il-partitura sħiħa u fuq il-partijiet tal-kant u tal-istrumenti,24 il-kjavi oriġinali, jiġifieri t-tonalità prinċipali tal-kompożizzjoni, hi dik tas-Si bemoll maġġuri. Madankollu, fit-tieni nofs tal-ewwel taqsima hemm modulazzjoni25 għat-tonalità tal-Fa maġġuri, li tibqa' hekk sa tmiem it-tieni taqsima. Din it-tieni taqsima hi kkaratterizzata b’melodija ħelwa li b’dinamika baxxa tindaqq fuq il-vjolini u l-istrumenti tal-injam b’ritmu kontinwu ta’ żewġ noti b’valur inugwali (dotted rhythm) u li matulha hemm il-kant tal-kor b’sensiela ta’ frażijiet ċkejknin. Filwaqt li t-temp ta’ din l-antifona hu mmarkat bħala wieħed mgħaġġel (allegro), dak tar-raba’ taqsima, li eventwalment twassal għattmiem permezz tal-kant tal-Alleluia, hu mmarkat bħala wieħed li għandu jkun ħafna aktar mgħaġġel (più mosso). Għall-kuntrarju tal-ftuħ, l-għeluq ta’ din l-antifona hu kkarraterizzat minn konklużjoni strumentali f’forma ta’ skala. B’linka differenti u aktar skura, fir-rokna t’isfel talfaċċata tal-partitura sħiħa hemm imniżżel l-isem Zurrico, li jfisser li għal xi żmien din l-antifona kienet tiġi esegwita wkoll fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq. Illum il-ġurnata, din l-antifona ma tiġi esegwita mkien.
It-Tieni Antifona: Flos Carmeli (1844)26
Jidher li sa ħames snin wara d-debutt tiegħu filknisja tal-Karmnu, is-Surmast Nani beda jżid fil-popolarità. Il-fatt li xi knejjes bdew jaħtruh maestro di cappella tal-festi tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat fuq żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi minħabba li l-uniku maestro di cappella li sa dak iż-żmien kien imfittex ħafna, jiġifieri s-Surmast Vincenzo Bugeja,27 kellu tant impenji mużikali li ma setax jaċċetta kull kummissjoni li jingħata.28 It-tieni raġuni hi li s-Surmast Nani beda joffri lill-mużika tal-liturġija xi ħaġa oriġinali li sa dak iż-żmien kienet ftit stramba: l-idjoma operistika fl-intier kollu tagħha. L-orkestra kabbarha daqs dik tat-teatru, il-kor żviluppah f’wieħed aktar maskili u l-kompożizzjonijiet tiegħu saru bħal dawk li fl-istess żmien kienu bdew jinkitbu għatteatru. Eżempju ta’ kompożizzjoni minn dawn hi l-antifona Flos Carmeli li ġġib id-data tas-6 ta’ Lulju 1844.
Miktuba fuq il-kjavi tal-Fa maġġuri u b’temp binarju (in due) għal kor ta’ tliet vuċijiet maskili29 u orkestra kbira, kif jgħid it-titlu fuq l-ewwel faċċata tal-partitura sħiħa,30 din l-antifona hi ffurmata f’erba’ taqsimiet (ABA1C). Il-kant fl-ewwel taqsima jibda wara introduzjoni strumentali u allegruża ta’ żewġ sentenzi, u wara pawża silenzjuża jidħlu l-vjolini b’melodija mimlija ornamenti imitattivi li jikkumplimentaw mal-ispirtu brijuż ikkreat millbiċċa introduttiva. Minn mument għall-ieħor il-kor jibda jkanta frażijiet ċkejknin sakemm il-melodija tgħaddi għand it-tenuri primi li jkantaw l-istrofa tal-Mater mitis akkumpanjati mill-bqija tal-kor u l-orkestra. Din l-ewwel taqsima hi kważi kollha kemm hi esegwita mill-ġdid fit-tielet taqsima, iżda mingħajr il-biċċa introduttiva u l-passaġġ li millewwel taqsima jwassal għat-tieni. Dan il-passaġġ hu kkaraterizzat minn nota waħda li, waqt li tikkumplimenta mal-pizzicato tal-istrumenti talkorda, tindaqq b’valuri żgħar fuq l-istrumenti tal-injam, liema strumenti eventwalment iwasslu għat-tieni taqsima b’modulazzjoni għall-kjavi tarRe bemoll maġġuri. It-tieni taqsima tibda b’frażijiet li s-sezzjonijiet tal-baxxi u tat-tenuri jkantaw wara xulxin rispettivament, liema frażijiet jindaqqu mal-kant fuq l-istrumenti l-baxxi (b’spirtu majestuż, kif indika l-kompożitur) u tal-injam rispettivament. Normalment huma l-istrumenti l-baxxi jkunu responsabbli mill-akkumpanjament tal-mużika, però f’dan il-waqt l-akkumpanjament
Il-faċċata tal-parti tal-baritonu bil-firem ta' dawk li nterpretawha matul is-snin isir dipendenti fuq il-vjolini, permezz ta’ akkordi li jindaqqu b’sensiela ta’ noti qosra u b’dinamika baxxa. Fit-tieni nofs ta’ din it-taqsima, iż-żewġ sezzjonijiet tal-kor jingħaqdu flimkien u jaslu biex jintroduċu t-tielet taqsima b’modulazzjoni lejn ilkjavi oriġinali. Ir-raba’ taqsima hi kkaratterizzata mill-kant kontinwu tal-Alleluia, li b’temp aktar mgħaġġel u b’dinamika tassew għolja jwassal għal għeluq mimmli forza. Fuq il-faċċata ta’ wħud mill-partijiet tal-orkestra hemm imniżżlin b’linka skura l-ismijiet Notabile u Zurrico, li jfisser li għal xi żmien din l-antifona kienet tiġi esegwita wkoll fil-festi tal-Madonna talKarmnu tal-Imdina u taż-Żurrieq. Fortunatament, din l-antifona għadha tindaqq kull sena nhar ilfesta tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq. Interessanti l-opinjonijiet li xi wħud esprimew filgazzetti31 dwar l-istil il-ġdid ta’ mużika liturġika li s-Surmast Nani kien qed jippreżenta fil-knejjes. Żewġ kitbiet li dehru wara l-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1844, li bla dubju kienet tinkludi l-esekuzzjoni ta’ din l-antifona għall-ewwel darba, jgħidu hekk: Il-mużika mill-aktar storbjuża kienet ta’ Dr Paolo Nani. ... L-orkestra kbira, li kellha wisq strumenti tar-ram, m’għamlet l-ebda armonija imma taħwid sħiħ. In-numru eċċessiv ta’ vuċijiet tarrax il-widnejn u ma smajniex ħlief konfużjoni li stordiet lill-imsejkna fidili. Fil-mużika smajna valzi, kabaletti, u siltiet ta’ mużika operistika adattati sagrileġġament għall-kliem qaddis tal-aqwa misteri tar-reliġjon qaddisa tagħna. ... Is-Sur Nani li jiftaħar li hu avukat jista’ jkun m’għandux ħila jifhem it-tifsira ta’ dan il-kliem imbierek? ... Nisperaw li darba għal dejjem jitwaqqaf l-iskandlu ta’ din il-mużika.32
Minn ftit ta’ żmien ilu, meta dħalna f’xi knejjes għal xi solennità u smajna l-mużika li ndaqqet biex takkumpanja ċ-ċelebrazzjoni tar-riti sagri, ħassejna li għandna nwerżqu f’qalbna kontra l-profonazzjoni li bdiet issir! ... X’abbuż intollerabbli!33
M’għandniex xi ngħidu li bħalma kien hemm opinjonijiet negattivi għall-mużika ppreżentata mis-Surmast Nani, kien hemm ukoll dawk pożittivi, speċjalment fost il-membri tal-kleru li baqgħu jagħtuh l-appoġġ tagħhom permezz ta’
aktar kummissjonijiet. Barra minn dan, Joseph Vella Bondin jirreferi għall-bini tal-knejjes f’dak iż-żmien bħala t-teatru tal-fqar, għax kien iservi tal-lok alternattiv għal dawk l-ammiraturi talmużika operistika li ma setgħux iħallsu biex jidħlu t-teatru.34 Robert Mifsud Bonnici jinnota wkoll kemm kienet ħaġa komuni li f’dawk iż-żminijiet kont tara min fil-knisja joqgħod b’ħarstu lejn ilgallerija tal-orgni (u b’dahru lejn l-artal!) biex jisma’ u jammira l-esekuzzjonijiet li normalment kienu jsiru minn hemm fuq.35
It-Tielet Antifona: Caput Tuum (1848)36
L-uniku antifona li s-Surmast Nani kkompona f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu b’test differenti minn dak tal-Flos Carmeli hi dik li ġġib id-data tat-12 ta’ Lulju 1848. Din l-antifona hi miktuba għal kor b’erba’ vuċijiet diversi u orkestra kbira u hi ffurmata f’ħames taqsimiet (ABA1BC) li huma lkoll fuq il-kjavi tas-Si bemoll maġġuri u b’temp komuni (in quattro). Introduzzjoni strumentali kemxejn twila, b’dinamika għolja u b’temp mgħaġġel, tiżviluppa f’passaġġ qasir fuq il-vjolini li eventwalment iwassal għad-dħul enerġetiku tal-kant tal-kor bil-kliem tal-Caput tuum. Il-kant tal-kor fl-ewwel taqsima hu wieħed kontinwu sakemm eventwalment, passaġġ li jindaqq fuq l-istrumenti tal-injam iwassal għat-tieni taqsima, li hi indikata biex tiġi esegwita b’dinamika baxxa u b’temp inqas mgħaġġel. Hawn il-vjolini primi, u f’xi waqtiet anke l-istrumenti tan-nifs, idoqqu melodija ddekorata b’trilli u kkaraterizzata b’ritmu li fih sensiela ta’ żewġ noti b’valur inugwali, u li matulha l-kant tal-kor jikkonsisti biss fi frażijiet ċkejknin kantati b’sillaba maqtugħha minn oħra. It-tielet taqsima tiftaħ b’passaġġ mimli forza millkor u l-orkestra li bl-istess temp mgħaġġel tal-bidu jwassal biex jiġu ripetuti l-ewwel u t-tieni taqsima, mingħajr l-introduzzjoni strumentali u l-ewwel ftit battuti tal-kant li nsibu fl-ewwel taqsima. L-aħħar taqsima, li l-kompożitur immarka bħala Stretto, jiġifieri passaġġ li għandu jkun esegwit b’temp aktar mgħaġġel u li normalment iwassal għattmiem ta’ kompożizzjoni, hi kkaratterizzata millkant kontinwu u dinjituż tal-Alleluia, li jagħti lil din l-antifona tmiem tassew grandjuż. Jidher li l-kor li s-Surmast Nani kien ikollu miegħu fis-servizzi liturġiċi li kienu jkunu kkummissjonati lilu ma kienx ikun dejjem kompost mill-istess organiku. Uħud mill-kompożizzjonijiet kien jiktibhom għal erba’ vuċijiet diversi, filwaqt li oħrajn kien jiktibhom għal tliet vuċijiet maskili. Jidher li din l-antifona ħaseb biex jiktibha b’tali mod u manjiera li jkun possibli jesegwiha b’kwalunkwe grupp li jkollu preżenti, għax filwaqt li normalment, f’kompożizzjoni ta’ erba’ vuċijiet diversi, il-melodija prinċipali tingħata lill-vuċi tassoprani, li hija l-ogħla vuċi mill-erba’ sezzjonijiet, f’din l-antifona s-Surmast Nani taha lit-tenuri. Għall-kuntrarju, lill-vuċi tas-soprani tahom linja vokali li takkumpanja l-kant tal-melodija prinċipali, bħalma normalment ikunu wkoll dawk tal-alti u l-baxxi. Infatti, għal numru twil ta’ snin din l-antifona kienet tiġi esegwita biss bil-kant tal-linji tat-tenuri u tal-baxxi, ladarba dawk tas-soprani u tal-alti setgħu jinħassu li kienu inutli, jew aħjar, miktuba biex l-ebda sezzjoni tal-kor ma toqgħod b’ħalqha magħluq waqt l-esekuzzjoni. Din l-antifona għadha tindaqq kull sena fi tmiem it-transulazzjoni tal-festa tal-Madonna talKarmnu fis-Santwarju-Bażilika. Għal ħafna snin, sew minħabba t-tul tagħha kif ukoll minħabba r-restrizzjonijiet li l-Knisja imponiet fuq ilmużika liturġika matul is-snin,37 din l-antifona kienet bdiet tiġi esegwita f’verżjoni ridotta, li kienet mingħajr l-introduzzjoni strumentali tal-bidu kif ukoll mingħajr it-tielet u r-raba’ taqsima. Infatti l-partitura sħiħa u l-partijiet tal-kant u tal-istrumenti li jinsabu fl-arkivju talKatidral tal-Imdina jinsabu b’dawn il-biċċiet imħażża bil-lapes u l-kulur, probabbilment minn xi wieħed mid-dixxendenti tal-kompożitur,38 biex il-mużiċisti jaqbżuhom. Wara tant snin esegwita f’din il-verżjoni, lejliet il-festa tal-2019 reġgħet ġiet esegwita kif oriġinarjament inkitbet, fost l-istagħġib u l-ferħ tal-patrijiet u d-devoti Karmelitani li qatt ma semgħuha tiġi esegwita f’din il-verżjoni. Din l-antifona tiġi esegwita wkoll fi tmiem it-translazzjoni tal-festa tal-Madonna talKarmnu fil-Parroċċa tal-Balluta.
Ir-Raba’ Antifona: Flos Carmeli (1861)39
Bla dubju, l-aktar silta mużikali marbuta masSantwarju-Bażilika u l-festa tal-Madonna talKarmnu, u li hija wkoll fost l-aktar kompożizzjonijiet li s-Surmast Nani jibqa’ msemmi għalihom, hi l-antifona Flos Carmeli, iddatata 7 ta’ Lulju 1861.
Waħda mill-partijiet tal-Caput Tuum bit-tielet u r-raba' taqsima maqtugħin
Miktuba espressament għal vuċi ta’ baritonu,40 kor ta’ tliet vuċijiet maskili u orkestra kbira, din l-antifona hi ffurmata f’ħames taqsimiet (ABA1CD). Il-bidu tagħha hu fuq il-kjavi tal-Fa maġġuri u b’temp binarju nsibu introduzzjoni strumentali li għad li allegruża, m’għandiex tindaqq mgħaġġla żżejjed (allegro non tanto). Hija introduzzjoni li permezz tal-istrumenti li jipparteċipaw, kull wieħed b’sehem speċifiku u importanti, tikkrea ftuħ tassew eċitanti, bi spirtu ferrieħi u dinjituż. Mument żgħir ta’ silenzju li jqanqal spirtu ta’ kurżità jwassal għall-element ta’ sorpriża permezz ta’ passaġġ li f’forma ta’ skala jdawwar mill-ġdid il-burdata għal waħda ferriħija, waqt li jiftaħ it-triq għall-kant tal-Flos Carmeli.
Il-protagonista tal-kant fl-ewwel taqsima hu l-baritonu, li l-kompożitur jafdalu melodja tassew impenjattiva u li fiha japplikalu l-kumpass sħiħ tal-vuċi. Fi tmiem l-ewwel taqsima nsibu passaġġ strumentali li fih jispikka d-daqq ta’ ħafna noti qosra fuq l-istrumenti tal-injam, u li eventwalment iwassal sew għall-modulazzjoni tat-tonalità kif ukoll għat-temp aktar kalm tat-tieni taqsima (andante). Fit-tieni taqsima, il-kjavi tinbidel għal dik tas-Si bemoll maġġuri u t-temp jinbidel ukoll għal wieħed kwaternarju kompost41 – temp li jintuża fil-valzi u li bla dubju jgħin biex flimkien mad-dinamika baxxa u l-melodiji ħelwin inissel dak is-sens ta’ mħabba u devozzjoni profonda f’qalb kull devot tal-Madonna tal-Karmnu. Tul it-tieni taqsima, il-kant tal-baritonu jibqa’ predominanti, iżda din id-darba jidħol ikanta miegħu wkoll il-kor: l-ewwel billi jirrispondi bħal eku l-frazijiet kantati mill-baritonu u wara billi jkompli jsostnieh b’akkumpanjament korali, b’xi kliem kantati wkoll b’sillaba maqtugħha minn oħra. L-akkumpanjament tal-istrumenti l-baxxi tal-korda hu kollu fuq il-pizzicato, ħlief fi tmiem it-taqsima, meta d-devozzjoni kkreata tinbidel f’daqqa għal waħda mimlija tensjoni bid-daqq u l-kant mimli forza tal-invokazzjoni Stella maris. F’dan il-mument tibda modulazzjoni lejn il-kjavi oriġinali li ssir kompluta wara kadenza kantata a piacere mill-baritonu segwita minn passaġġ qasir fuq l-istrumenti tan-nifs. Dan il-passaġġ jagħti bidu għat-tielet taqsima, fejn jerġa’ jfeġġ l-ispirtu allegruż tal-bidu u fejn it-temp jerġa’ jsir wieħed binarju. F’dan il-mument, il-kor jieħu għal ftit illinja prinċipali tal-kant mingħand il-baritonu bilkant tal-Flos Carmeli fuq it-tieni nofs tal-ewwel taqsima, b’xi ftit modifikazzjonijiet. Il-vuċi baritonali terġa’ tieħu l-irwol prinċipali firraba’ taqsima, li hi maqsuma f’żewġ partijiet. Flewwel parti titkanta melodija bil-kliem tal-Mater mitis mill-baritonu, filwaqt li fit-tieni parti tiġi ripetuta l-istess melodija, b’xi modifikazzjonijiet, mill-kor. Dan il-kant hu akkumpanjat ukoll biddaqq ta’ ħafna noti qosra fuq il-vjolini u f’waqt minnhom anke fuq l-istrumenti tal-injam, li jdoqqu nżul ta’ skala kromatika tassew kumplimentari. Ittieni parti tar-raba’ taqsima twassal għall-bini talfinal billi f’waqt minnhom il-baritonu jingħaqad mal-kant tal-kor biex eventwalment jgħaddu flimkien għall-ħames taqsima. Din l-aħħar taqsima hi kkaraterizzata bil-kant mgħaġġel u ċelebrattiv tal-Alleluia, li joħloq final tassew fenomenali. Konklużjoni strumentali, li tinkludi d-daqq ta’ noti qosra fuq l-istrumenti tal-korda segwiti b’numbru ta’ akkordji mar-roll tat-timpani, twassal għattmiem.
Kompożizzjoni maħduma tajba tingħaraf mhux biss minn kemm tkun tal-widna jew ħelwa l-melodija, imma wkoll minn kif l-istess melodija tkun sostnuta b’armonija rikka, kumplimentata b’kontro-melodiji li jixirqu, u dekorata b’orkestrazzjoni innovattiva. Il-fatt li t-tant attività vokali u strumentali li bihom hi komposta din l-antifona jipproduċu ħoss tant tajjeb u magħqud, juri l-maestrija u l-ġenjalità mużikali bihom kien mogħni s-Surmast Nani. Ittra li dehret fuq waħda mill-gazzetti wara l-festa tal-1861 turi li l-ewwel esekuzzjoni ta’ din l-antifona kienet apprezzata ferm mill-Karmelitani Beltin:
L-inkomparabbli Maestro di Cappella Dr Paolo Nani akkumpanja b’mużika eċċellenti l-quddiesa u l-għasar. Għall-okkażjoni, il-Maestro kkompona Flos Carmeli tassew sabiħa u devota. ... Fi tmiem il-funzjonijiet tal-knisja, deputazzjoni magħżula ta’ żagħżugħ ippreżentat lil Maestro Nani b’girlanda sabiħa tal-fjuri.42
Fil-preżent, din l-antifona għadha tiġi esegwita fis-Santwarju-Bażilika waqt il-mutett43 tal-aħħar Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu,44 f’lejliet il-festa waqt il-mutett li jsir wara l-kant tal-ewwel għasar, u f’nhar il-festa bħala sekwenza waqt il-quddiesa solenni prelatizja u mad-dħul tal-proċessjoni devota li ssir fit-toroq tal-Belt Valletta. Din l-antifona tiġi esegwita wkoll lejliet u nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Parroċċa tal-Balluta.
Interessanti l-fatt li fuq il-faċċata tal-parti talbaritonu, li tinsab miżmuma fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina, hemm imħażża l-annijiet u l-firem ta’ dawk il-persuni li matul is-snin kellhom ix-xorti li jinterpretaw dan il-kapolavur tas-Surmast Nani. Iżda huwa aktar interessanti l-fatt li fost l-annijiet imniżżla hemm dawk tal-1941 u 1942 immarkati bil-kelma Blitz, li jfisser li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija mhux biss baqgħet tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Karmnu imma li din kienet anke tkun bis-sehem tal-Cappella Nani, 45 b’numru mhux
Is-Surmast Nani fi xjuħitu
żgħir ta’ kantanti u strumentalisti biex tkun tista’ tiġi esegwita din l-antifona. Xejn ma naħsbu li kienet faċli li torganizza festa fi żmien il-gwerra, bil-biża’ li minn ħin għall-ieħor jista’ jsir xi attakk mill-ajru, speċjalment fil-Belt Valletta! Dawn l-annijiet jixhdu mhux biss l-imħabba kbira li s-Sultana tal-Karmelu kienet minn dejjem tgawdi fil-Belt Valletta, speċjalment fi żminijiet iebsa, imma wkoll ir-rabta intima li din il-kompożizzjoni partikolari għandha mas-Santwarju-Bażilika u l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, tant li lanqas fi żmien il-gwerra ma tħalliet fuq l-ixkaffa! Riċentament, minħabba l-qagħda finanzjarja li l-knejjes esperjenzaw b’riżultat tal-pandemija talCovid-19, il-festi tas-sena 2020 ġew iċċelebrati fuq skala żgħira. Għalhekk, janimaw il-mużika filfesta tal-Madonna tal-Karmnu kien hemm biss issurmast fuq l-orgni, ħames strumentalisti, u ħames vuċijiet. Imħeġġa mill-istorja ta’ din l-antifona fleqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, sar sforz biex anke fid-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, l-esekuzzjoni tagħha ssir xorta waħda bl-aħjar mod possibli. Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu mingħajr l-esekuzzjoni ta’ din l-antifona ma tkunx festa kompluta!
Il-Ħames Antifona: Flos Carmeli (1894)46
Fost l-antifoni li s-Surmast Nani kkompona f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu bit-test tal-Flos Carmeli, u li jinsabu fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina, insibu tnejn għal kor ta’ tliet vuċijiet maskili u orgni, probabbilment intenzjonati biex ikunu esegwiti f’funzjonijiet li għalihom ma kienx ikun rikjest l-akkumpanjament tal-orkestra. Iżda minkejja li dawn iż-żewġ kompożizzjonijiet huma mingħajr l-akkumpanjament tal-orkestra, ilmelodiji ħelwin, l-armonija elaborata u l-metodu ta’ akkumpanjament użat xorta jaslu biex joħolqu atmosfera pjaċevoli bi spirtu allegruż. Waħda minn dawn l-antifoni ġġib id-data tad-19 ta’ April 1894, jiġifieri meta s-Surmast Nani kien wasal biex jagħlaq it-tmenin sena. Taħt il-firma tiegħu fuq il-faċċata tal-partitura sħiħa hemm nota li tgħid li dan ix-xogħol ġie miktub għall-Patrijiet Karmelitani.47 It-temp indikat għal din l-antifona hu wieħed moderament mgħaġġel u fejn f’waqtiet il-kant tal-kor huwa b’vuċi waħda, f’waqtiet oħra huwa maqsum fi tliet vuċijiet indaqs. Hi ffurmata f’erba’ taqsimiet (ABA1C), kollha b’temp komuni. L-ewwel taqsima tintroduċi l-antifona fuq ilkjavi tas-Sol maġġuri, b’introduzzjoni qasira li b’dinamika qawwija tindaqq fuq l-orgni u li eventwalment twassal għall-kant tal-kor li b’vuċi waħda jkanta tema tassew ħelwa. Wara l-kant ta’ din it-tema, il-kor jinqasam bejn tenuri u baxxi, li jibdew ikantaw frażijiet qosra wara xulxin sakemm jerġgħu jingħaqdu f’vuċi waħda mill-ġdid għall-kant tat-tema, li tagħlaq l-ewwel taqsima bil-kant qawwi u ripetut tal-kelma singularis fi tliet vuċijiet diviżi. Wara dan, passaġġ ċkejken b’dinamika baxxa fuq l-orgni iwassal għat-tieni taqsima, b’modulazzjoni lejn it-tonalità tad-Do maġġuri. F’din it-taqsima, il-kor jerġa’ jinqasam f’żewġ sezzjonijet u b’invokazzjonijiet mill-istrofa tal-Mater mitis, jerġgħu jibdew jirrispondu lil xulxin b’frażijiet imitattivi sakemm eventwalment jingħaqdu flimkien biex tingħalaq din it-taqsima. Passaġġ modulattiv u żgħir fuq l-orgni jerġa’ jwassal mill-ġdid għat-tonalità tas-Sol maġġuri u sussegwentament għall-ftuħ tat-tielet taqsima. Hawn terġa’ tiġi ripetuta l-ewwel taqsima mingħajr id-daqq tal-introduzzjoni fuq l-orgni. Ir-raba’ taqsima hi wkoll ikkaraterizzata minn frażijiet li ż-żewġ sezzjonijiet tal-kor ikantaw wara xulxin għall-kliem tal-Mater Mitis, u dan sakemm jingħaqdu biex ikataw fi tliet vuċijiet diviżi. Din l-aħħar taqsima tagħlaq bil-kant ċelebrattiv u ripetut tal-Alleluia.
Fil-preżent, din l-antifona ma tiġi esegwita mkien.
Is-Sitt Antifona: Flos Carmeli 48
It-tieni antifona għal kor ta’ tliet vuċijiet maskili u orgni, u li wkoll ma tiġi esegwita mkien, hi waħda
mingħajr data u li fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina hi kopja b’kaligrafija tassew pulita minflok dik oriġinali tas-Surmast Nani. Bħall-oħra din ukoll għandha mniżżel li ġiet miktuba għall-Patrijiet Karmelitani, però ta’ interess akbar hu hija l-kitba bl-aħmar li hemm fir-rokna t’isfel, li taqra Conventus S. Juliani. Dan ifisser li jekk is-Surmast Nani ma kitibhiex espressament għall-komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Balluta, din l-antifona kienet żgur għal xi żmien tintuża fil-festa talMadonna tal-Karmnu li kienet bdiet tiġi ċċelebrata fil-bajja tal-Balluta, San Ġiljan, fl-1896. Bħal dik tal-1894, din l-antifona hi wkoll iffurmata f’erba’ taqsimiet (ABA1C) iżda l-idjoma tagħha hi aktar modesta. L-ewwel taqsima tiftaħ il-mużika fuq il-kjavi tas-Si bemoll Maġġuri u fuq temp binarju. Fuq l-orgni, b’temp moderat, tindaqq introduzzjoni li ssemma’ t-tema li wara titkanta mill-kor bil-kliem tal-Flos Carmeli. Immedjatament wara l-kant tat-tema tindaqq b’ħeffa frażi qasira għal darbtejn u li għal kull waħda jirrispondi l-kor b’invokazzjoni differenti. L-għeluq talewwel taqsima jwassal għal modulazzjoni lejn it-tonalità tal-Fa maġġuri, li fuqha hi komposta t-tieni taqsima. Din it-taqsima tinkludi sensiela ta’ frażijiet mill-istrofa tal-Mater mitis li jitkantaw b’mod kontinwu mis-sezzjoni tat-tenuri, u li l-baxxi jkantaw magħhom darba iva u darba le. F’għeluq it-tieni taqsima jindaqq passaġġ modulattiv li hu kkaratterizzat b’acciaccatura fit-tieni taħbita ta’ kull battuta, u li eventwalment iwassal mill-ġdid fuq it-tonalità oriġinali. Fit-tielet taqsima titkanta mill-ġdid it-tema li hemm fl-ewwel taqsima, għalkemm b’żvilupp differenti, għax filwaqt li dik tal-ewwel taqsima twassal għal modulazzjoni, din tibqa’ żżomm it-tonalità oriġinali. Ir-raba’ taqsima hu kkarraterizzat mill-frażijiet imitattivi li baxx u tenur solisti jkantaw wara xulxin rispettivament bil-kliem Carmelitis da privilegia sakemm jidħol ilkor bil-kant tal-invokazzjoni Stella maris kif ukoll bil-kant tal-Alleluia fit-tmiem.
Konklużjoni
L-analiżi qasira ta’ dawn is-sitt kompożizzjonijiet li s-Surmast Paolo Nani kkompona mill-bidu nett tal-karriera mużikali tiegħu sa kważi t-tmiem ta’ ħajtu, tagħti dawl fuq kif il-mużika operistika kienet gradwalement introdotta fil-funzjonijiet liturġiċi tal-gżejjer Maltin. L-inizjattiva prinċipali kienet tas-Surmast Nani, iżda mhux mill-bidu nett. L-introduzzjoni tal-mużika operistika fil-liturġija kien esperiment li beda wettaq ftit ftit wara li beda jsir familjari mal-ambjent ekkleżjastiku, u dan permezz tal-ewwel kummissjoni tiegħu filknisja tal-Karmnu. L-iskop ta’ dan l-esperiment kien mhux biss biex joffri lill-knejjes b’mużika oriġinali u ta’ kwalità varjabbli minn dik li kienet qiegħda tkun esegwita fi żmienu, imma biex ukoll jiddistingwi lilu nnifsu mill-‘monotonija’ talmaestri di cappella l-oħra u jżid fil-kummissjonijiet li jingħata u li tant kellu bżonn għall-għixien tiegħu u ta’ familtu. U rnexxielu!
Is-Surmast Nani miet fit-22 ta’ Marzu 1904, eżattament erba’ xhur wara l-ħruġ tal-motu propju49 tal-Papa San Piju X dwar il-mużika filknejjes.50 F’Malta kienet qamet kontroversja bejn dawk li xtaqu jobdu lill-Papa billi jimxu skont innormi tal-motu propju u dawk li mill-banda l-oħra xtaqu jikkultivaw il-mużika b’tendenza operistika fil-knejjes.51 Eventwalment, numru mhux ħażin ta’ knejjes Maltin kienu għażlu li jibdlu l-maestro di cappella tagħhom52 però kien hemm oħrajn li m’għamlux hekk. Fost dawn tal-aħħar insibu s-Santwarju-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu: l-ewwel knisja li fetħet il-bibien tagħha beraħ għall-mużika tas-Surmast Nani u li sal-lum għadha tgawdi mill-kompożizzjonijiet tiegħu u taddixxendenti tiegħu. Umilment nirringrazzja lir-Rev. Pirjol u l-komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Belt Valletta li tawni sehem mill-esekużjoni tal-mużika tad-Dinastija Nani permezz tal-ħatra tiegħi bħala maestro di cappella tas-Santwarju-Bażilika fl-2019, kif ukoll lir-Rev. Kappillan u l-komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Balluta li matul din is-sena ħatruni maestro di cappella tal-Parroċċa tagħhom, li fortunatament ukoll għadha tgawdi millkompożizzjonijiet tas-Surmastrijiet Nani.
Ħajr
L-Arkivista tal-Arkivju tal-Katidral, l-Imdina.
Referenzi
1 Is-surmast responsabbli mill-kant fil-liturġija. 2 Flos Carmeli, vitis florigera, splendor caeli, Virgo puerpera singularis. Mater mitis sed viri nescia Carmelitis da privilegia Stella maris, alleluia. 3 Caput tuum ut Carmelus: et comae capitis tui, sicut purpura regis vincta canalibus, alleluia. 4 Għal lista tal-knejjes li kienu jagħmlu użu mis-servizzi mużikali tas-Surmast Paolo Nani ara Joseph Vella Bondin, “The Nani Musicians, their Music and their Cappella di Musica,” f’The Nani Composers (XVIII--XX cent.): A
Historical Assessment and a Catalogue of their Works, ed. John Azzopardi, Franco Bruni, u Joseph Vella Bondin (Collegeville, MN: Hill Monastic Manuscript Library, 2007), 29. 5 Ibid., 30. 6 Fost id-diretturi ta’ dan il-Konservatorju kien hemm uħud mill-aqwa kompożituri tal-opra Taljana u għalhekk ittagħlim mogħti fil-kompożizzjoni kien aktar dirett lejn ilmużika tat-teatru. Ara Joseph Vella Bondin, Il-Mużika ta’
Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin (Malta: Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2000), 9--10. 7 Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 25. 8 Għal iktar tagħrif fuq id-dinastija mużikali tal-familja Nani ara ibid., 19--42. 9 Saċerdot mill-Isla u maestro di cappella ta’ xi knejjes f’Malta. Ara Robert Mifsud Bonnici, Mużiċisti Kompożituri Maltin u Għawdxin tal-Bieraħ u tal-Lum (Malta: Giov. Muscat, 1951), 41--2; Joseph Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta sal-Aħħar tas-Seklu Tmintax (Malta: Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2000), 138. 10 Mifsud Bonnici jikteb kif l-inġenjalità mużikali ta’ Muscat kienet wasslitu biex jintgħażel bħala d-direttur tal-Konservatorju San Pietro a Majella f’Napli, u wara li rrifjuta din il-kariga minħabba xi ntoppi li sab, ġie lura Malta fejn sab ukoll it-tfixkil u fejn spiċċa biex miet taħt ċirkustanzi misterjużi. Ara Mifsud Bonnici, Mużiċisti
Kompożituri Maltin u Għawdxin tal-Bieraħ u tal-Lum, 110-2. 11 Ara Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 24--5. 12 Id-direttur preżenti tal-Cappella Nani huwa Dr Joseph Gatt, b’kitba privata li saret mis-Surmast Paul Nani fis-17 ta’ Ottubru 1978. 13 Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 26. 14 Fl-1840 kien responsabbli mill-mużika tal-festi ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta u tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, l-aħħar waħda ad interim sakemm Patri Giuseppe Spiteri Fremond jirritorna lura mis-safar. Ara Abraham D’Amato, “L-Antifoni li jindaqqu fil-festa ta’ ĦażŻabbar u l-Kompożituri tagħhom,” f’Leħen is-Santwarju
Madonna tal-Grazzja Ħaż-Żabbar, nru. 127 (2016): 66--7. 15 Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin, 20. 16 Ara Abraham D’Amato, “The Spirit of Liturgical Music in Malta from the Eighteenth Century. A Critical Analysis” (S.Th.L. diss., University of Malta, 2016), 23--8. 17 Arkivju tal-Katidral tal-Imdina (minn hawn ACM), Mus. ms. 1569. 18 Fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina jinsabu numru mhux ħażin ta’ kompożizzjonijiet li s-Surmast Nani kkompona bejn l-1838 u Lulju 1839, bla dubju intenzjonati għallfesta tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. 19 Minn madwar 250 kompożizzjoni li għadhom jeżistu tasSurmast Paolo Nani, 35 minnhom huma antifoni, u 11 minnhom biss mhumiex għall-użu tal-liturġija. Ara Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 29. 20 Ibid., 25. 21 Soprani, Alti, Tenuri, u Baxxi. 22 Dan hu evidenti wkoll fil-kompożizzjonijiet liturġiċi l-oħra li s-Surmast Nani kkompona fl-istess żmien. 23 Il-kant indaqs ta’ noti differenti minn diversi vuċijiet f’daqqa. 24 Flos Carmeli in Sib. Fuq il-partitura sħiħa nsibu mniżżel ukoll it-temp – ¾. 25 Bidla fit-tonalità. 26 ACM, Mus. ms. 1570. 27 Maestro di cappella tal-Katidral tal-Imdina, tal-KonKatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, u ta’ bosta knejjes f’Malta li uħud minnhom għadhom jagħmlu użu millcappella di musica u l-kompożizzjonijiet tiegħu sal-lum. Ara Robert Mifsud Bonnici, Mużiċisti Kompożituri Maltin:
Maestri di Cappella tal-Katidral (Malta: A.B.C. Fine Art Printers, 1950), 18--20; Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin, 15--6. 28 Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 25. 29 Tenuri Primi, Tenuri Sekondi, u Baxxi. 30 Antifona Flos Carmeli a piena orchestra. 31 Il-libertà tal-istampa f’Malta kienet għadha kemm ġiet introdotta fl-1839. 32 L’Osservatore Maltese, 19 ta’ Lulju 1844, ikkwotat f’Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin, 29. 33 Il Portafoglio Maltese, 7 ta’ Awwissu 1844, ikkwotat f’Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin, 29. 34 Joseph Vella Bondin, “Żvilupp il-Mużika Sagra f’Malta f’dawn l-Aħħar 50 Sena,” in L-Istitut Kattoliku: Ħamsin
Sena ta’ Ħajja u Ħidma, ed. Ġwann Galea (Malta: Istitut Kattoliku, 2010), 112. 35 Mifsud Bonnici, Mużiċisti Kompożituri Maltin: Maestri di
Cappella tal-Katidral, 7, 34--5. 36 ACM, Mus. ms. 1843. 37 Id-dokument ewlieni biex jirregola l-mużika li kienet qiegħda tindaqq fil-knejjes kien il-motu propju Tra le
Sollecitudini tal-Papa San Piju X. Ara wkoll numru 50. 38 Antonio Nani (1842--1929) jew ibnu Paul (1906--1986). 39 ACM, Mus. ms. 1571. 40 Vuċi li l-kumpass vokali tagħha hu bejn dak tat-tenur u l-baxx. 41 Fil-mużika hemm it-temp sempliċi, meta kull taħbita tinqasam fi tnejn, u t-temp kompost, meta kull taħbita tinqasam fi tlieta. 42 Il Portafoglio Maltese, 17 ta’ Lulju 1861, ikkwotat f’Vella Bondin, “The Nani Musicians,” 28. 43 Azzjoni liturġika li ħafna drabi tinkludi l-kurunella talqaddis/a, il-kant tal-antifona, u l-barka sagramentali. 44 L-Erbgħa fuq is-solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Lapsi). 45 Dak iż-żmien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Paul Nani, inneputi tal-kompożitur. 46 ACM, Mus. ms. 1572. 47 Scritta per i Reverendi Padri Carmelitani. 48 ACM, Mus. ms. 1844. 49 Dokument ippromulgat mill-Papa u li għandu forza ta’ liġi. 50 San Piju X, Motu Propju fuq il-Mużika Sagra “Tra le
Sollecitudini” (22 ta’ Novembru 1903), verżjoni bl-ingliż fuq https://adoremus.org/1903/11/tra-le-sollecitudini/ 51 Ara Vella Bondin, Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u
Għoxrin, 110--1. 52 Ara ibid., 120--1.