9 minute read

It-Tribuna Papali ta' Cellini

Min kien Pio Cellini?

Giovanni Bonello

Advertisement

Ex Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-għoti tattitolu ta’ Bażilika lis-Santwarju tal-Madonna talKarmnu fil-Belt Valletta, deherli xieraq li nfittex nitfa’ ftit dawl fuq wieħed mis-simboli li l-aktar jolqtu l-għajn fil-knejjes bażilikali - it-tribuna fuq l-altar maġġur - u fuq min ikkrea l-arti tagħha. Ftit jistgħu ma jammirawx is-sbuħija artistika tattribuna tal-Karmnu. Hija waħda mill-isbaħ nett li hawn fil-gżejjer Maltin. Xi wħud forsi semgħu li hija frott il-moħħ kreattiv ta’ skultur Taljan Pio Cellini. Imma ftit li xejn jafu fuqu. Għalkemm għex Malta u ħadem ġmielu fi gżiritna, it-tagħrif dwar dan l-artist tassew kapaċi huwa nieqes ferm. Ma hemm ebda studju wiesa’ dwaru, barra xi tnietef ’l hawn u ’l hemm. Ippruvajt niġbor aktar tagħrif fuqu, u ma kienx faċli. Pio Cellini kien ġej min familja ta’ artisti ta’ ċertu isem. Inwarrbu l-fatt jew il-leġġenda li kien dixxendent ta’ wieħed mill-akbar skulturi u ħaddiema fid-deheb tar-rinaxximent Taljan, Benvenuto Cellini. Li huwa żgur hu li twieled Ruma fit-8 ta’ Novembru 1863 mill-pittur u minjaturista Annibale u martu Adelaide Severini, bint il-perit imlaħħaq Valentino Severini. Ħuh il-kbir kien ilpittur Giuseppe Cellini, imfaħħar sal-lum għaxxogħol dekorattiv fil-Galleria Sciarra, f’Ruma, ħdejn il-Funtana ta’ Trevi. L-arti kienet f’demmu minn twelidu.

Pio beda jdur l-Ewropa - Franza, Spanja, ilPortugall u l-Ingilterra - jaħdem u jgħallem. Fl1906, jew forsi qabel, ġie joqgħod Malta fejn baqa’ għal żmien twil. Telaq minn Malta wara xi tlettaxil sena, u miet Ruma fl-1 ta’ Novembru 1930. Ma nafux kienx miżżewweġ jew kellux tfal, min kienu ħbiebu u anqas fejn kien joqgħod. Sors wieħed jgħid li aktarx kien joqgħod 23, Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara1, imma ma stajtx insib konferma. Naf b’ritratt wieħed biss tiegħu, f’serje ta’ artisti ta’ Malta f’sett ta’ kupuni tas-sigaretti, iżda fl-1982 ilknisja tan-Nadur ordnat pittura taż-żejt bix-xbieha tiegħu. Gazzetta Maltija ddeskriviet lil Cellini bħala bniedem umli, riservat u dħuli.2

Anqas nafu kif sab ruħhu Malta. Dak iż-żmien numru ġmielu ta’ pitturi u skulturi Taljani kienu jiġu mqabbdin xogħol għal Malta, l-aktar fil-knejjes. Fost l-iskulturi Taljani ewlenin li ġew jgħixu Malta nsemmu lil Giuseppe Valenti, Vincenzo Cardona u Giulio Moschetti, kollha, bħal Cellini, professjonisti ta’ ħila li ħallew bosta opri mill-isbaħ fil-gżejjer Maltin. Għal Malta Cellini ħadem xogħlijiet

Pittura ta' Pio Cellini mill-artist Pawlu Camilleri Cauchi (Ritratt: Martin Attard)

importanti, l-akbar tnejn fosthom it-Tribuna talKarmnu u l-bibien tal-bronż tal-parroċċa tanNaxxar.

It-tribuna, jew baldakkin, tal-Karmnu hija opra spettakolari. Meta, fl-1895, is-santwarju ġie elevat għal bażilika, l-istruzzjonjiet minn Ruma kienu li l-altar maġġur kellu jiġi mibdul għal wieħed papali, mogħni b’baldakkin. Ruma stqarret “Minflok l-altar maġġur li hemm bħalissa, jitqiegħed ieħor ta’ għamla orjentali li jħares lejn in-nies. Isebbħuh erba’ kolonni li fuqhom jitwaqqaf il-baldakkin jew saqaf, jiġifieri t-tribuna, l-istess bħalma hemm fl-erba’ bażiliċi minuri ta’ Ruma, għax il-magħruf Santwarju tal-Karmnu bħalhom ġie mgħolli għallBazilika”.3 (F’Ruma hemm erba’ bażiliċi maġġuri, imma wisq aktar minn erba’ bażiliċi minuri antiki). Dawn it-tibdiliet ordnati minn Ruma ħadu xi żmien u qamu ħafna flus. Fil-bidu iċ-ċelu tat-tribuna kien xort’oħra, u fuq kolonni tal-injam. It-tribuna kollha kemm hi wkoll kienet anqas imżejna. Wara li l-ewwel kuntratt tax-xogħlijiet ġie maħlul u sar kuntratt ġdid, il-baldakkin ġie issa fdat lil Pio Cellini li, milli jidher seta’ kien ġa magħruf għal xi xogħlijiet f’Malta. Għall-ispiża daħal benefattur għani u ġeneruż, Lawrenz Gasan, li ismu jidher imnaqqax fuq innaħa ta’ wara taċ-ċelu. Il-fatt li isem Gasan ġie skolpit fit-tribuna qajjem l-għira u t-tgergir. Kif Gasan biss u l-benefatturi l-oħra xejn, ilmentaw fil-gazzetti?4 Dan ix-xogħol (it-tieni tribuna) sar fl-1906; ħdax-il sena kienu għaddew mindu talKarmnu saret Bażilika.

Għalkemm id-disinn tal-altar u tal-kolonni ma jidhirx li huma ta’ Cellini, il-parti għolja talbaldakkin hija xogħlu żgur: kemm id-disinn kif ukoll l-iskultura tal-anġli u tat-travi ttundjati li jżommu s-salib ċentrali, kollha funduti fil-bronż skolpit, biċċa indurat bin-nar u biċċa mħolli filkulur naturali skur tiegħu. Dawn il-kuntrasti fittonalità tal-bronż jagħmlu l-insjem aktar ħafif u jiġbed l-għajn. Cellini għażel stil tard-barokk, li kien għadda żmienu, imma li kien jintona b’armonija sħiħa mal-bqija tal-arkitettura talambjent. Huwa wera l-ħila tiegħu, mhux biss bħala dekoratur fin, imma bħala skultur tassew ta’ sengħa kbira fid-dehra tal-anġli, eleganti, perfettament proporzjonati u mistiċi. It-tribuna kienet tiżżewweġ tajjeb mal-knisja l-qadima, imma baqgħet flokha anke fil-knisja l-ġdida, qisha ġiet iddisinjata għaliha. Gazzetta bit-Taljan ta’ dak iż-żmien kitbet fit-tul fuq it-tribuna ta’ Cellini meta din inkixfet f’April 1906. Sejħitilha “xogħol splendidu”, “ottima” “perfetta” “meraviljuża”. Il-baldakkin ma kienx qiesu bronż, imma drapp irrakkmat, bizzilla.5

Wara li wasal Malta Cellini beda jieħu sehem filwirja tal-artisti ta’ Malta, Il-Malta Amateur Art Association, li kienet issr f’Palazzo Carafa, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta. Għalkemm l-isem jagħti x’jifhem li din il-wirja kienet miftuħa għaddilettanti biss, kienu jieħdu sehem fiha artisti ta’ kull għamla, anke dawk professjonisti, bħal Giuseppe Calì, Lazzaro Pisani, Edward u Robert Caruana Dingli. Ix-xogħol ta’ Cellini ġie mfaħħar ġmielu. Fil-wirja tal-1908, “l-iskultura tas-Sur Sciortino (Francesco Saverio?) u x-xogħol filmetall tas-Sur Pio Cellini, it-tnejn professjonisti, qanqlu ammirazzjoni kbira”.6

U l-istess għat-tieni wirja, dik tal-1910: “Is-Sinjuri Carmelo Borg, Agostino Matrenza, (wieħed milfundaturi tal-Partit tal-Ħaddiema) u Pio Cellini urew xogħol sabiħ f’dak li jispeċjalizzaw fih”.7

Wara li nkixfet it-tribuna tal-Karmnu, fl-1910, Cellini jissemma għal xogħol li għamel fil-ġilandra tal-fidda għall-festa ta’ Corpus, tal-knisja ta’ San Pawl, ir-Rabat. Ir-reġistri juru li huwa tħallas £10. 7s. 10d. għar-“rimontatura ed accomodatura” tal-

Il-bieb tal-knisja ta' Marija Bambina fin-Naxxar

Valletta 2021 45Dettall mit-Tribuna li nsibu fis-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu

Il-kappella tal-Konfraternità ta’ San Mikiel Arkanġlu fil-

Knisja ta' San Pawl Nawfragu, Il-Belt Valletta ġilandra li kienet għadha kemm tlestiet fuq disinn ta’ G. Galdes (aktarx Giovanni, li kien jgħallem iddisinn) b’xi skultura ta’ Francesco Saverio Sciortino. Il-prezz tagħha tħallas lill-aħwa Busuttil, aġenti importaturi, f’Diċembru 1907. Mhux magħruf x’xogħol għamel fiha Cellini, u għala ġilandra ġdida kellha bżonn l-intervent tiegħu daqshekk malajr. Jista’ jkun li Cellini kien ħadimha f’Ruma jew Malta, u imbagħad għamel xi xogħol ieħor fiha wara li ġiet ikkunsinnata.8

Filwaqt li t-tribuna tal-Karmnu forsi tgħodd bħala l-aqwa xogħol ta’ Cellini fil-gżejjer Maltin, hemm ħafna opri oħra mill-isbaħ, jew tiegħu jew fuq disinji tiegħu. Ħa nsemmi dawk li naf bihom jien. Nibdew bil-bieb tal-knisja tan-Naxxar. Dan huwa l-ewwel bieb tal-bronż li qatt sar Malta, u għal ħafna żmien ma kienx hawn ieħor. Huwa wkoll fost l-isbaħ nett. Bibien tal-bronż huma kkunsidrati lussu, u l-oħrajn kienu kollha tal-injam. Dan iġib iddata 1913, u fih erba’ panewijiet kbar bl-armi talMadonna patruna tal-villaġġ, tan-Naxxar, tal-Papa Piju X u tal-Kanonku J. Zammit li ħareġ l-ispejjeż minn butu. Il-panewijiet il-kbar huma imdawrin b’24 panew iżgħar tal-metall, iddekorati b’gost fin – b’kollox xi 750 biċċa tal-bronż armati fuq ilbieb tal-injam li kien hemm fil-faċċata l-antika talknisja qabel din tbiddlet. Fil-fatt, Cellini uża l-bieb qadim bħala l-bażi tal-injam biex fuqu waħħal illamelli tal-bronż immudellati minnu. L-artista ħalla wkoll il-firma tiegħu mqabbża: ‘Pio Cellini minn Ruma għamel id-disinn u skolpixxa dan. Malta, 1913’. Fl-istess sena, is-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ dehrilha li kellha tibgħat ittra ta’ tifġir lill-iskultur għall-bieb tal-bronż tanNaxxar.

Bħall-bieb tal-parroċċa tan-Naxxar, hemm opra oħra ta’ Cellini ddedikata lit-twelid tal-Beata Verġni Marija. Dan huwa l-pedestall tal-vara talknisja tax-Xagħra, Għawdex li sar fuq disinn ta’ Francesco Saverio Sciortino imma ġie maħdum fil-bronż minn Cellini. Iżżanżan fl-1913. Ġie jiswa £130 sterlina.

Il-bronz tal-pedestall ġie in parti indurat, u in parti bbanjat bil-fidda. Għandu erba’ medaljuni tal-erojini tal-antik testament: Ġuditta, Rut, Ester u Abigajl, kif ukoll l-armi araldiċi tal-Papa Piju X, tal-isqof t’Għawdex Giovanni Maria Camilleri, tal-gżira ta’ Għawdex u tar-raħal tax-Xagħra. Ixxogħol ta’ Cellini huwa mill-ifjen nett. Meta rah, Sciortino esklama “Inneħħulu l-kappell għax huwa artist perfett, ġej minn razza ta’ artisti; lilu qatt ma nqimuh biżżejjed”. Cellini qabbad bħala funditur tal-mudell tal-pedestall skolpit minnu, lil Ċensu Sammut minn Birkirkara li kien jaħdem fi Triq il-Wied.9 Għalkemm nafu b’xogħlijiet oħra ta’ Sammut, fosthom qniepen, ma jidhirx li s’issa ġie studjat jew huwa magħruf biżżejjed.10 Cellini naqqax ismu u ħalla d-data fuq il-bażi tal-pedestall.

Il-pedistall ta' Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex

Id-dekorazzjonijiet tas-saqaf tal-knisja parrokkjali tanNadur, maħdumin bl-istukko, biex idawru u jsebbħu l-pitturi ta’ Lazzaro Pisani. (Ritratt: Martin Attard)

Sena wara l-pedestall tax-Xagħra Cellini ddisinja l-lapida tal-irħam tal-Prim Imħallef Giuseppe Carbone, fi stil neo-gotiku, imwaħħla wieqfa flatrju taċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Jeżisti d-disinn oriġinali tagħha ffirmat mill-artist. Jidher li hemm xogħlijiet oħra tiegħu fl-istess ċimiterju. F’Għawdex Cellini ħalla xogħol ieħor. Huma tiegħu d-dekorazzjonijiet tas-saqaf tal-knisja parrokkjali tan-Nadur, maħdumin bl-istukko, biex idawru u jsebbħu l-pitturi ta’ Lazzaro Pisani. L-assistant tiegħu kien Giovanni Bonello li ftit li xejn nafu dwaru.11 Fin-Nadur, kif kien jixraq, semmew triq għall-iskultur: Triq Piju Cellini. Fost l-aktar opri għonja ta’ Cellini f’Malta hemm dawk li ħoloq u ħadem għall-knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. Huma tiegħu s-slaleb talkonsagrazzjoni tal-bronż indurat fuq il-kolonni talkorsija. Fl-ewwel proġett ta’ Cellini, dawn is-slaleb kellhom jitwaħħlu fuq is-sottoark tal-kappelli, imma spiċċa li twahhlu fuq il-kolonni prinċipali.12 Wisq aktar min hekk, hija tiegħu d-dekorazzjoni splendida tal-kappella tal-Konfraternità ta’ San Mikiel Arkanġlu, fost l-isbaħ kappelli li hawn Malta – irħamijiet ikkuluriti mil-aktar fini u prezzjużi, bronż indurat, mużajċi, interzjar. F’din il-kappella, il-frott tal-ġenju kreattiv ta’ Cellini huwa tassew spettakolari. Ħasra li l-ambjent huwa naqra mudlam u dawk it-teżori ftit jitgawdew. Fid-Domus Pauli, il-mużew tal-knisja, għadhom preservati xi disinji oriġinali ffirmati minn Cellini, xi forom tal-ġibs li uża biex jiġi fondut il-bronż u xi profili tal-metall maħdumin minnu. Kif ħadem għal San Pawl Nawfragu, Cellini sebbaħ ukoll il-knisja ta’ Porto Salvo, San Duminku, il-Belt Valletta. Għall-kappella tas-Sagrament, Francesco Saverio Sciortino skolpixxa żewġ anġli tal-irħam abjad li jżommu f’idejhom żewġ kandelabri talbronż “xogħol mill-isbaħ iddisinjat u skolpit millProfessur Pio Cellini”.13

Meta nkixef l-ewwel xogħol kbir ta’ Cellini f’Malta fl-1906, gazzetta kienet ferħet bil-miġja tiegħu minn Ruma meta ma kien jafu ħadd, “u kien jibqa’ mhu magħruf minn ħadd, kieku l-arti tiegħu ma xandritux”.14

Ħajr: Grazzi lil Aaron Attard-Hili, Martin Attard, Paul Borg Olivier, Leonard Callus, Maroma Camilleri, Robert Cassar, Kenneth Cauchi, Jeremy Debono, James Licari, Christian Pace, Theresa Vella għallgħajnuna li tawni. Il-ktieb ta’ Albert Ganado u Antonio Espinosa Rodriguez, An Encyclopaedia of Artists with a Malta Connection, Malta, 2018, kien ta’ siwi kbir.

Referenzi

1 Aaron Attard-Hili, “Mitt sena fuq il-pedestall tagħna”,

Xagħra, Għawdex, 2013, p. 85. 2 “Per l’Arte” fil-Malta, 7 ta’ Mejju 1906, p. 2. 3 Christian Pace, “L-altar maġġur u t-tribuna …” fil-Programm tal-Festi Solenni, Madonna tal-Karmnu, 2017, p. 127. 4 “Opra mill- isbaħ”, f’Malta Tagħna, 9 ta’ Ġunju 1906, p. 2. 5 Malta, 7 ta’ Mejju, 1906, p. 2. 6 Daily Malta Chronicle, 18 ta’ Frar, 1908, p. 3. 7 Ibid., 18 ta’ April, 1910, p. 4. 8 Ġwann Azzopardi, “Il-Ġilandra tal-Fidda ta’ Corpus” f’Il-

Festi Tagħna, San Pawl, Rabat, 2013, pp. 39 – 71. 9 Attard-Hili, op. cit. 10 Skambju personali ta’ emails ma’ Kenneth Cauchi. 11 Mario Buhagiar, “The Nadur Basilica” f’Treasures of Malta, nru. 76, Milied 2019, Vol. XXVII, nru. 1, p. 16. 12 Robert Cassar “Il-kolonni fil-korsija tal-Kolleġġjata” fil-

Festa tan-Nawfragju ta’ San Pawl, Valletta, 2017, pp. 2427. 13 Malta Tagħna, 29 ta’ Lulju, 1909, p. 2. 14 Malta, 7 ta’ Mejju, 1906, p. 2.

This article is from: