2 minute read

Marija Verġni, Omm il-Karmelu

Patri Joseph Saliba O. Carm Pirjol Provinċjali

“Marija, imdella mill-Ispirtu ta’ Alla, hija l-Verġni ta’ qalb ġdida, li tagħti wiċċ uman lill-Kelma magħmula bniedem. Hija l-Verġni li tisma’ bilgħaqal u tikkontempla, li tgħożż u taħseb f’qalbha fuq il-ġrajjiet u l-kliem tal-Mulej.” Dan huwa l-ħsieb li nsibu f’wieħed mid-dokumenti importanti tal-Ordni.

Advertisement

Kull Karmelitan li għandu għal qalbu l-Verġni Marija tal-Karmnu u li huwa membru tal-Familja Karmelitana, sew jekk inhu reliġjuż/a, ta’ ħajja tal-klawsura jew appostolika, terzjarju/a, devot tal-Madonna talKarmnu u tal-Labtu tal-Karmnu, irid jagħraf x’inhi s-sejħa tiegħu. Marija turina kif: billi niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla u naraw Alla x’qed jitlob minna llum, fil-ġrajjiet li għaddejjin minnhom.

Il-Verġni Marija hija Omm il-Mulej, hija d-dixxiplu perfett ta’ Ġesù, l-Għerf ta’ Alla. Meta Alla xeħet iddell tiegħu fuqha, lil Marija, għallimha u ffurmaha bl-Ispirtu qaddis tiegħu biex taqra l-ħwejjeġ kbar li għamel magħha biex iġġib il-ħelsien lill-umli u lill-foqra. Marija hija l-mara tal-fidi. Hija timxi wara Ġesù flimkien mad-dixxipli u taqsam magħhom il-ferħ, id-diffikultajiet u d-dedikazzjoni ta’ din il-mixja li titlob imħabba u qadi ta’ xulxin. Hija baqgħet maġenb Ġesù sal-aħħar u kienet malewwel komunità nisranija meta rċevew l-Ispirtu s-Santu u mtlew b’ħeġġa appostolika.

Marija hija dik li ġġorr l-Aħbar it-Tajba tassalvazzjoni lill-bnedmin kollha. Hija l-mara li ġġib l-għaqda kemm fost id-dixxipli u kemm fost il-bnedmin l-oħra: ma’ Eliżabbetta, mal-għarajjes ta’ Kana, man-nisa l-oħra u malaħwa ta’ Ġesù.

F’Marija Verġni, Omm Alla u xbieha tal-Knisja, ilKarmelitani jsibu “x-xbieha perfetta ta’ dak kollu li jixtiequ u jittamaw li jkunu fil-Knisja.” Huwa għalhekk li l-Karmelitani minn dejjem ħarsu lejn il-Madonna bħala l-Patruna tal-Ordni. Il-Karmelitani jsejħulha wkoll Omm u Ġmiel, għax dejjem żammew li l-Marija hija “l-Verġni l-aktar safja.”

Marija hija eżempju mill-aqwa għall-Karmelitani li jagħrfu li Marija tgħix f’nofshom bħala omm u oħt, attenta għall-ħtiġijiet, tistenna u tittama, tbati u tifraħ. Minnha jitgħallmu jgħixu flimkien malaħwa fil-preżenza ta’ Alla.

Ommna Marija tal-Karmnu tkebbisna fil-fidi u tħarisna, timlina bit-tama u ssaħħaħna bl-imħabba. Jalla l-festa għażiża ta’ Ommna Marija tal-Karmnu nhar is-16 ta’ Lulju tkun waħda devota bħal dejjem u ssaħħaħ fina r-rabta ma’ din l-Omm għażiża tagħna biex narawha bħala dik li takkumpanjana fil-mixja tagħna, tħarisna u tressaqna lejn Binha Ġesù. Nawgura l-festa t-tajba lill-grupp tal-armar tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, l-Belt Valletta u nħeġġiġhom jaħdmu flimkien filħidma biex jorganizzaw il-festa esterna, ukoll jekk din is-sena, għal darb’oħra ma jistgħux isiru festi esterni.

Il-festa t-tajba lil kulħadd.

This article is from: