6 minute read

Sena diffiċli imma b'ħidma kbira mill-qalb

John Farrugia

Segretarju Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu Is-sena 2020 kienet sena li ġabet magħha sfidi ġodda imma għall-grazzja t’Alla konna xxurtjati li meta ġie Lulju stajna niccelebraw il-Festa. Għalkemm il-festa ma saritx bl-istess mod kif isir is-soltu xorta ġiet iċċelebrata b’devozzjoni kbira u flimkien bħala poplu rringrazzjana lill-Madonna tal-Karmnu li kienet magħna u pproteġietna speċjalment fl-eqqel tal-pandemija. Din is-sena komplena naqdfu u nagħmlu l-almu tagħna għalkemm lanqas din is-sena ma kinet sena faċli biss il-ħidma tal-Għaqda tagħna tista' tgħid ma waqfet qatt xorta. Wara l-festa tas-sena l-oħra kien wasal fi tmiemu t-terminu ta’ sentejn tal-kumitat li kien hem preżenti allura bdiet ħidma biex tissejjaħ Laqgħa Ġenerali f’Settembru u jissejħu l-membri biex jilħaq kumitat ġdid. Il-Laqgħa Ġenerali saret ilĦadd 13 ta’ Settembru fil-kunvent tal-Karmelitani u saret skont il-mizuri mitluba mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Il-Kumitat ġie konfermat mill-Pirjol dakinhar wara li fil-Ħmistax ta’ qabel kienu miftuħin in-nomini. Fil-laqgħa ġenerali wkoll ingħata rendikont tas-sena ħidma u rendikont finanzjarju, kienet opportunita biex nisimgħu lil membri tagħna u minn hem xammarna l-kmiem biex nibdew naħdmu għal festa ta’ din is-sena. Kienet sena li kellna inċertezza kbira ta’ se jsir minħabba li l-pandemija għadha fostna u hem miżuri li jillimitawna x’jista' jsir. Il-kumitat ħadem fuq iktar minn pjan wieħed tal-Festa u nimxu skont dak li nkunu nistgħu norganizzaw skont il-miżuri li jkun hemm dak iż-żmien. Il-pandemija żammitna lura milli norganizzaw attivitajiet li fihom jinġabru ħafna nies imma grazzi għal tim ħabrieki li għaqda għandha xorta saru diversi attivitajiet differenti fosthom: ġurnata għall-annimali domestiċi fejn wieħed seta' jġib l-annimal domestiku biex jarah Veterinarju u Groomer, bejgħ ta' diversi ħelu skont il-festi li nkunu qed niċċelebraw, bejgħ ta’ punzjetti u kaxxi speċjali għal Jum l-Omm u Jum il-Missier u kull nhar ta’ Ġimgħa minn Awwissu sa Ottubru kienet issir tombla fiċ-ċentru tal-għaqda. Il-kuntatt malmembri kien wieħed limitat, imma l-Għaqda ħadet ħsieb li f’żewġ okkażjonijiet tibgħat newsletter biex tinforma lill-membri bil-ħidma li tkun għaddejja u bl-attivitajiet li ġejjin. Għalkemm il-kuntatt kien limitat xorta waħda huwa ta’ importanza kbira għalina li nibqgħu f’kuntat mal-membri u l-voluntiera tagħna. Din is-sena, għat-tieni sena konsekuttiva ġejna mqabbdin mill-Valletta Cultural Agency biex fix-xhur tas-sajf, flimkien mal-festi l-oħra talBelt narmaw xi toroq prinċipali u pjazez fil-Belt b’pavaljuni u bandalori. Dan qed isir biex fil-fest ikun hemm atmosfera festiva wara xhur iebsin li għaddejna minnhom minħabba l-pandemija. Ixxahar ta’ Lulju huwa x-xahar li jiġi assenjat lillFesta tagħna ovvjament għax huwa x-xahar talfesta u anki f’dawn iċ-ċirkostani diffiċli xorta jkun hawn atmosfera sabiħa b’mod speċjali fil-ġranet ta’ Festa. Fil-ġimgħa tal-Festa se nkunu qed narmaw ukoll it-Triq tal-Knisja. Għal sena oħra l-Għaqda tagħna fir-Randan organizzat l-eserċizzji, dis-sena fis-santwarju minħabba d-distanza soċjali. Dawn sar minn Patri Ramon Farrugia OFM u animaw bil-kant il-grupp Echoes. Matul dawn it-tlett ijiem minn ġie jew

Advertisement

segwa minn fuq facebook seta' jieqaf mill-ġenn talħajja ta’ kuljum għal ftit sigħat u jirrifletti u anki jipprepara ruħu għaż-żmien qaddis tal-Għid ilkbir. Grazzi kbira tmur għal Fr Ramon li għat-tliet snin mexxa dawn l-eżerċizzji u dejjem sibnih ta’ għajnuna. Il-Kumitat din is-sena ħaseb biex ifakkar Jum ilFondazzjoni tal-Għaqda tagħna li minn din issena bdiet tiġi ċċelebrata nhar it-13 ta’ Mejju, flistess Jum li jiġi imfakkar Jum il-Bażilka. Għal din l-okkażjoni kienet organizzata quddiesa kantata bis-sehem tal-Għaqda u s-sezzjonijiet fi ħdanha. Wara l-quddiesa rappreżentanti mill-Kumitat u s-Sezzjonijiet ippreżentaw bukkett Fjuri lisSantwarju, bħala ringrazzjament lil Madonna. Din is-sena għall-ewwel darba fl-okkażjoni tal-Aħħar Erbgħa ġiet organizzata mixegħla devozzjonali quddiem ix-xbieha tal-Karmnu, maġenb isSantwarju. Tul is-sebgħa ġimgħat tal-Erbgħat inġabru flus għax-xemgħa li inxtegħlu għallfunzjoni tal-Aħħar Erbgha. Ix-xogħol fil-maħżen xorta waħda ma waqafx grazzi għall-voluntiera qalbiena tagħna li xorta baqgħu jiġu l-maħżen biex la jkollna l-okkażjoni nerġgħu insebbħu l-Belt tagħna bl-armar inkunu lesti biex narmaw bl-aqwa u l-isbaħ armar. Għandna diversi opri li qegħdin fuq ix-xwiek lesti biex inżanżnuhom, nitolbu lill-Madonna tal-Karmnu li ma jdumux ma jerġgħu jiġu żminijiet aħjar ħalli niċċelebraw kif xieraq u nżejnu biex inkomplu inkabbru u nxferru d-devozzjoni Karmelitana. Fost ix-xogħol fl-armar din is-sena sar:

• Kompla x-xogħol fuq l-istatwa tal-Bażilka • Ġew sfumati 5 bnadar oħra ta’ Triq Marsamxett • Sar żewġ bandalori oħra ġodda lesti millisfumar fi Triq il-Punent • Bidu tax-xogħol fuq 13-il arma tat-trofej fi Triq il-Punent • Tlestew żewġ pavaljuni oħra mill-isfumar fi Triq Zekka bil-pumi b’kollox • Tlesta Pavaljun iehor ta’ Triq l-Ifran bil pumi b’kollox • Drapp ghal mal-kuruni tal-liedna • Lieda gdida fi Triq l-ifran. • Fi Triq ir-Repubblika tlestew mill-irħamr zewġ kolonni oħra tas-sett tal-Angli ta’ Karlu Darmanin • Tkomplija tal-iskultura tal-pedistall il-kbir ta’ quddiem il-qorti • Tlestija tal-istatwa mis-sett ta’ Pjazza San Ġorġ • Tlestija tal-iskultura tal-Pedistal tal-istatwa tal-Bażilka

Apparti l-ħidma restawr ta’ Armar antik u ħidma fuq armar ġdid, minn wara l-festa tas-sena l-oħra sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni fil- Maħzen talarmar li kien bżonnu u anki jiffaċilita x-xogħol filmaħżen. Fost ix-xogħol li sar kien hemm: • Il-bank tax-xogħol • Membrain fuq il-Bejt tal-Maħżen • Tindif u tiswija tal-katusa • Raff għall-affarijiet tal-fundrasing • Karru għal biex jintuża għall-bejgh ta’ ħelu u affarijiet oħra • Bank żgħir għal kitchenette • TIbjid • Televixin fis-sular t'isfel • Stivar aħjar tal-armar biex jintrebah l-ispazju

Messaġġ mis-Sezzjoni Żgħażagħ

Is-sena 2020/21 ġabet kull ostaklu u kull diffikultà magħha, il-festa tas-sena 2020 ma saritx kif is-soltu niċċelebrawha is-sezzjoni Żagħżagħ Karmelitani Beltin xorta waħda baqgħet taħdem. Il-ħidma tassezzjoni żgħażagħ baqgħet taħdem kontra kull ostaklu li is-sena 2021 ġabet magħha. Għalkemm is-sitwazzjoni ma tippermettix, is-sezzjoni iżżgħażagħ sabu kull tip ta metodi ieħor biex jibqgħu jorganizzaw l-attivitajiet, iferrħu u jiltaqgħu mannies b`distanza u biex ikomplu inkabbru l-għaqda ta` bejniethom u tal-madwar. Numru ta’ laqghat matul is-sena tkomplew, b`differenza ta distanza soċjali u kif ukoll `online`, li permezz tagħhom itellgħu ħames attivitajiet. Kull attività li saret kienet, sempliċi imma fl-istess hin li tolqot lil kullhadd. Bħat tqassim ta' rigali lit-tfal waqt il-festi tal-Milied, deliveries tal-ikel f`Jannar u kif ukoll tqassim ta` ward lil maħbubin fix-xahar ta` Frar. F`Ġunju komplejna bl-aħħar żewġ attivitajiet oħra li kienu l-carwash u logħba relatata malKompetizjoni ta’ Futbol, Euro 2021. Tul dawn is-sentejn komplejna bil-ħidma fuq proġett li is-sezzjoni żagħżagħ qiegħda tippjana u titgawda minn kullħadd għal waqt il-ġranet talfesta. Dan ukoll biex juru d-devozzjoni tagħhom fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu

Konklużjoni

Is-sena li għaddiet ittamajna li din is-sena se nerġgħu niċċelebraw il-festa kif konna niċċelebraw qabel il-pandemija, sfortunatament dan ma kellux ikun. Żġur imma li Lulju xorta ħa jfakkarna filpadruna ħelwa tagħna, żġur li ġo fina se nħossu l-imħabba lejHa u żġur li b’xi mod jew ieħor ħa niċċelebraw lil Madonna tal-Karmnu u se nuru iddevozzjoni li għandna lejha. F’isem il-Kumitat ċentrali u s-sezzjonijiet fi ħdan l-Għaqda nirringrazzja lil membri u l-voluntiera li matul is-sena jgħinu kif jistgħu lil Għaqda u anki meta nsejħulhom dejjem insibuhom hemm. Nawguraw l-Festa t-tajba u devota lil kull membru, voluntiera u Karmelitan, b’mod speċjali dawk Beltin. Jalla din il-festa li ħa niċċelebraw b’mod differneti mis-soltu tkun festa li fiha nuru l-imħabba vera tagħna lejn Ommna Marija taħt it-titlu tal-Karmelu u nkompu nxerdu din id-devozzjoni mhux biss fissittax ta’ Lulju imma matul is-sena kollha. Viva is-16 ta’ Lulju! Viva l-Madonna tal-Karmnu!

This article is from: