Kurrenti

Page 1

KURRENTI ::: Ħarġa № 15 DIĊEMBRU 2010

ARTIKLI ĠODDA F’DIN IL-ĦARĠA... Aqra aktar f’paġna 9 >>>

Editorjal Hello ħbieb, wasalna għal ħarġa oħra ta' Kurrenti. L-aħħar waħda għal din is-sena! Bħal dejjem ħarġa mimlija b'artikli li jolqtu il-gosti ta' kulħadd. Nixtieq nieħu din lopportunità biex nirringrazzja lil dawk kollha li matul din is-sena taw il-kontribut tagħhom biex Kurrenti jibqa' jinforma lilkom il-membri ta' ĊAMYouths b'dak kollu li għaddej, fosthom lil kull min jikteb l-artikli, il-qarrejja tal-provi u lil sħabi t-tim ta' Konnekxins inkluż ilmembru ġdid tagħna Clifton Azzopardi (Crossroads). F'isem ittim kollu tagħna nixtiqilkom ilkoll Milied ħieni u Sena ġdida mimlija b'dak kollu li tixtieq qalbkom! Awguri! Geraldine xxx KURRENTI

F’din il-ħarġa ..... LC : il-Komunitajiet tagħna

Aqra aktar f’paġna 13 >>>

ST : Żmien ta’ l-Ħidma MSSP Il-Kebbies : is-Sens talMilied

ĊAMYouths’ Got Talent WYD 2011 :

Aqra aktar f’paġna 17 >>>

l-Aħħar aħbarijiet

Maligayang Pasko EU : Proġett ta’ Asif town Iż-Żagħżugħ tas-Sena REEL Time Konnekxins : Ħarsa lejn il-Passat, Preżent u lFutur

Aqra aktar f’paġna 20 >>>

ritrattRAKKONT paġna 1


KURRENTI

Jiktbu Audrey, Doreen, Adrian, Etienne u Fr.Karm

LEADERSHIP COMMITTEE

Dan

l-aħħar aħna bdejna nduru l-komunitajiet kollha fi ħdan ĊAMYouths. Din qed tkun esperjenza sabiħa ferm, li lilna qed ittina fuq xiex naħsbu imma ukoll qed inkomplu nagħrfu kemm hemm sabiħ fil-komunitajiet u l-membri tagħna, kif ukoll f’dak kollu li nagħmlu. Waħda mill-mistoqsijiet li qed ikollna f’dawn il-laqgħat hija t-talba biex nagħtu definizzjoni ta’ ĊAMYouths u dak li jsir fi ħdan ĊAMYouths. Il-problema tiġi għax kif ħa tispjega eżatt dak kollu li jiġri fil-ħajja tal-komunità u fil-ħajja ta’ ĊAMYouths speċjalment mad-dinja ta’ barra? Ilmistoqsija hija interessanti ukoll għax turi li hemm tfittxija ta’ indentità partikolari. Tweġiba għal din il-mistoqsija m’hiex faċli għax diffiċli tispjega fi ftit kliem dak kollu li hu ĊAMYouths. Post tajjeb minn fejn wieħed jibda jfittex hu l-istatut li sa mill-ewwel paragrafu jiddeskrivi fit-tul x’inhu ĊAMYouths. Għalkemm ĊAMYouths għandu għan preċiż li jħaddan nies li jitrawmu fi tfittxija ta’ għixien komunitarju, spiritwali u ta’ servizz lill-fqir, il-mod kif jitħaddnu dawn il-valuri huwa differenti għal kull komunità. Nixtiequ hawn infakkru kemm hu sabiħ li ĊAMYouths jibqa jkun post fejn nies differenti u diversi jiltaqgħu, jgħixu, jitolbu, jaħdmu u jaqsmu flimkien. Kemm hu sabiħ li aħna komunitajiet li ma nibżgħux nistaqsu u li nfittxu l-verità, li aħna nies li ma naċċettawx laffarijiet b’mod faċli imma nkunu rridu mmorru iktar fil-qiegħ biex verament ngħixu dak li jkunu qed iwaslulna l-komunitajiet tagħna. Kemm hu sabiħ, għalkemm diffiċli, li kull komunità ssib ilmod tagħha kif tgħix il-ħajja spiritwali, komunitarja u ta’ servizz mingħajr ma hemm mod wieħed li jista’ joħnoq iktar milli jagħti spazju. Ejja ħalli nkomplu ngħixu din l-isbuħija li xi kultant hi diffiċli li tiddefinixxiha. Nixtiequ il-Milied hieni u s-Sena l-Ġdida mill-isbaħ lil kulħadd!

KURRENTI

paġna 2


KURRENTI

tikteb Sharon Vassallo

SUPPORT TEAM

Għeżież ħbieb tiegħi, Bħala membru f’Support Team dan hu l-ewwel artiklu tiegħi għal fuq Kurrenti. Biex nintroduċi naqra lili nnifsi għal dawk li forsi ma jafunix, jien nagħmel parti mill-komunita` Amistad u għandi 28 sena. Ili nagħmel parti minn ĊAMYouths għal dawn l-aħħar 4 snin issa, fejn il-ħajra prinċipali li kelli biex inkun parti minn komunita’ f’ĊAMYouths bdiet permezz ta’ esperjenzi ta’ volontarjat li għamilt ġewwa Napli fl-2005 u fl-2006 fejn apprezzajt il-ħajja f’komunita’. Support Team bħalissa għaddej bil-ħidma tiegħu fuq fejn jidħlu outreaches, u attivitajiet oħra fejn flimkien ma’ l-Activity Team qed jiġu diskussi l-opportunitajiet. Ġiet organizzata attivita’ bejn Support Team u Activity Team bħala team building fejn morna bi ħġarna ghand Puttinu Cares inżejnu l-ward tagħhom. Kienet esperjenza sabiħa fejn kulħadd għamel l-għalmu tiegħu biex din l-attivita’ tkun suċċess. Filfatt, għas-sena 2011, għandna ħsieb biex aktar attivitajiet simili jiġu organizzati ma' organizzazzjonijiet oħra u jkunu miftuħa għal ĊAMYouths kollu, biex b'hekk nżommu ukoll mat-tema ta' ĊAMKamp 2010 "Crossing Bridges". Ma nistax ma nsemmix il-Carol singing li sar fl-isptar Mater Dei fejn din l-okkażjoni kienet miftuħa għal membri ta’ ĊAMYouths. Ma ninsewx ukoll il-quddies tal-Milied li ħa ssir ġewwa il-kappella Depiro, r-Rabat, fl-10.30pm. Wara lquddiesa ħa jsir party bit-tema "Don't save it all for Christmas Day" fil-canteen tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. Permezz ta’ dawn it-tliet attivitajiet, f'dawn iż-żminijiet tal-Milied ħa nkunu qed nesperjenzaw ukoll it-tliet valuri prinċipali ta' ĊAMYouths li huma Missjoni, Spiritwalita’ u Komunita’. F’dan iż-żmien tal-Milied kulħadd ikun impenjat u kulħadd ikun għaddej b’ħafna attivitajiet. Għalija dan iż-żmien hu żmien ta’ ferħ u għaqda. Nżommu f’moħħna wkoll lil dawk in-nies li forsi għalihom ma jkunx tant żmien sabiħ u għalhekk għandna niftakru naqra fihom ukoll. Nixtieq infakkarkom li jekk hemm xi ħadd li hu interessat li jagħmel parti mill-Activity Team, il-bibien huma dejjem miftuħin għal kulħadd. Kull ma tridu tagħmlu huwa li tavviċinaw lil Lisa Camilleri tal-Crossroads! Sadanittant, jien min-naħa tiegħi nsellmilkom u nawguralkom ilfesti it-tajba u dak kollu li tixtieq qalbkom għas-sena li ġejja! KURRENTI

paġna 3


KURRENTI

MSSP

Fid-19 ta' Jannar 1973, is-Soċjeta' Missjunarja ta' San Pawl tiġi magħrufa uffiċjalment mill-Vatikan bħala

Ordni

Reliġjuż

Pontifiċju.

KURRENTI

paġna 4


KURRENTI

jikteb Fr.Karm Debattista mssp

IL-KEBBIES

Kull sena nissuspetta li l-Milied qed jibda aktar kmieni missoltu, isir dejjem aktar kummerċjali u dejjem anqas reliġjuż. Jidher li qed jitlef is-sens vera tiegħu. Allura x’nagħmlu? Inneħħuh la ma jistax jerġa' jmur lura għal li kien? Ngħidu li aħjar il-flus li naħlu fir-rigali u d-divertiment nagħtuhom ilfoqra, u hekk noħorġu aktar sens fil-Milied? Imma rridu noqgħodu attenti biex ma nagħmlux dak li l-Ingliżi jgħidu: to throw out the baby with the bath water – kważi b’mod litterali. Għaliex għalkemm m'għadhiex festa daqshekk reliġjuża xorta hi festa b’ħafna aspetti pożittivi u jekk inkunu għaqlin nistgħu nagħtuhom aktar sens. U għalfejn għandna nagħmlu dan? Għas-sempliċi raġuni li aħna bħala bnedmin għandna niċċelebraw, nifirħu, u jkolli ngħid nitbellħu xi ftit kultant; li nerġgħu niskopru li għandna naqsmu l-ferħ mal-oħrajn aktar milli nibqgħu bierda magħhom. Hemm żminijiet fis-sena li huma hemm għall-ferħ, għallfamilja, għall-ħbieb, għat-tiżjin, għal ikla tajba, u jkolli ngħid ukoll: għal naqra ħela – anke Ġesù jċanfar l-appostli għax skandalizzaw ruħhom bil-mara li ħliet il-fwieħa fuq riġlejh u bisithomlu. U jgħidilhom: "il-fqar dejjem magħkom", imma llum mument li niċċelebraw. Il-Milied hu dan iż-żmien ta’ festa. Il-Milied hu ċelebrazzjoni festiva, ċelebrazzjoni ta’ fidi u tama. Li tiċċelebra l-Milied b’ħafna tiżjin, u dawl, u ferħ u enerġija hu, ppermettili ngħid, att profetiku. Hu espressjoni ta’ fidi u tama. Għax għalkemm jidher li tlifna s-sens oriġinali talMilied, min jiċċelebra, jorganizza parties, jagħti r-rigali, jiekol id-dundjan, u jdoqq il-carols, u kull tip ta’ festività, qiegħed jgħid li aħna mhux qegħdin hawn f’din id-dinja ta’ mrar jew wied ta’ dmugħ għal dejjem. Ser jiġi żmien li ser niċċelebraw hekk għal eternità sħiħa u allura f’dan iż-żmien infakkru ’l xulxin li għad jiġi dan iż-żmien li għalissa niċċelebrawh biss għal żmien qasir. Kull ċelebrazzjoni hi espressjoni ta’ fidi u tama għal dak li Alla ħejjielna għall-kumplament tal-eżistenza tagħna. U l-Milied hu profetiku anke' bħala żmien ta’ divertiment biss.

KURRENTI

paġna 5


KURRENTI

jiktbu ROWENA u DORIANNE

Mark Anthony Sammut Atleta Meta

“Il-ħolma tiegħi hija li fis-26 ta’ Frar 2012, f’għeluq is-26 sena tiegħi, niġri l-full Malta Marathon, distanza ta’ 26.2 mil. Wara dik min jaf xi jkun imiss...għad-differenza mittlielaq, fil-ħolm ”there is no finish line.”

KURRENTI

qaluli biex nikteb fuq “it-talent tiegħek tal-ġiri”, lewwel reazzjoni tiegħi kienet: “Imma dan mhux talent!” Jekk talent tifhimha bħala don li twelidt bih, dan żgur li mhux ilkaż. Sa Novembru tas-sena l-oħra, apparti ż-żmien li għamilt nitrenja l-football, l-unika ġirja li kont għamilt f’ħajti kienet 1500m fi Sports Day tas-sekondarja, u kien minn għalija li dik kienet long run. Minħabba li kont qed nagħmel il-President’s Award is-sena loħra, ridt nibda nipprattika xi sports darba fil-ġimgħa, u jien u ħabib tiegħi ddeċidejna li nibdew immorru niġru u nippreparaw għall-ġirja mal-President għall-Istrina tas-sena loħra. L-ewwel darba għamilna jog ta’ 4km, u konna ħa mmutu. Però bil-mod il-mod bdejna nżidu d-distanza, ntejbu l-ħin, u nistaqsu ‘l hawn u nfittxu ‘l hemm għamilna speċi ta’ programm ta’ taħriġ, u dil-ġirja għamilnieha. U minn hemm nista’ ngħid li dan l-isport xorobna u sirt ma ngħaddix mingħajru. Fis-sajf tħajjart nipprova t-triathlon, minħabba li l-ġiri jonqos fis-sħana u tlielaq ma jkunx hemm. L-għawm kienet sfida. Ma kelli l-ebda idea tat-teknika u l-ewwel darba li mort ilpool kont nieqaf nistrieħ ma’ kull 25m wara li nkun blajt xebgħa ilma. Sal-aħħar tas-sajf irnexxieli nieħu sehem fi Sprint Triathlon. F’Novembru li għadda, sena eżatt wara li bdejt, ħadt sehem f’nofs maratona u ftit wara fil-Malta International Marathon Challenge, li kienet esperjenza talġenn fejn tagħmel 3 ijiem tiltaqa’ mal-istess atleti, kulħadd bit-tir li jtejjeb lilu nnifsu, jegħleb l-uġiegħ, u jegħleb ġisem li jibda jokrob biex jieqaf. Nittrenja mal-ħames darbiet fil-ġimgħa; kuljum jekk tkun ġejja triathlon minħabba li trid tipprepara għal tliet sports differenti: għawm, rota u ġiri. Nimxi mal-programm li nagħmel għalija nnifsi jkun xi jkun, xita u sħana, ankè jekk ġieli jkolli nqum fil-5.30am biex indaħlu fil-ġurnata tiegħi li normalment tkun pjuttost mimlija. Għalija l-ħin li noħroġ niġri sar il-ħin tal-ġurnata fejn nieqaf, nimmedita u nirrefletti fuq dak li nkun għaddej minnu, il-ħin li jfejjaqni minn ċertu ħsibijiet negattivi, li jlaqqagħni man-natura, il-ħin fejn nitlob u niltaqa’ miegħi nnifsi għal kwiet, mingħajr mobiles xi jtellfuni jew emails x’nirrispondi. paġna 6


KURRENTI

Renzo Kerr Cumbo  Kowċ Jekk

għandi naħseb għaliex ninsab hawn illum il-ġurnata, ikolli nħares ħafna lura u niftakar ħafna memorji zgħar li għamlu d-differenza. Tinstema’ tad-daħq imma l-kartuns famuż Holly e Benji kellu impatt tant kbir fuqi; li ta' madwar disa’ snin, f'familja li ma tafx tispelli l-kelma sport, għażilt li nibda nittrejnja l-futbol. Minn hemm, għamilt għaxar snin nilgħab dan l-isport, b'sodisfazzjon li anke wassalni għaltrial man-nazzjonal tal-taħt it-tmintax-il sena u anke ddebuttajt fit-tielet diviżjoni ta' ħmistax-il sena. Barra lfutbol lgħabt diversi sports fuq livell kompetittiv. Hawn niftakar lill-mibki Michael Aquilina, li ntroduċieni għalllogħba tal-handball fl-età ta' tlettax-il sena, f'liema sport, f'sentejn biss spiċċajt, mingħajr naf kif, man-nazzjonal talkbar. Dan l-isport wassalni biex inwaqqaf kull sport ieħor u għalhekk ta' dsatax-il sena bdejt nikkowċja l-futbol billi kont waqaft nilgħab propju dik is-sena biex nikkonċentra fuq ilhandball. Minn hemm ikkowċjajt ma’ diversi nurseries filwaqt li komplejt nilgħab handball sal-età ta’ 26 sena. L-injury u nnuqqas ta' motivazzjoni li nerġa’ lura lejn il-logħba talhandball, impenji bħad- degree, l-LC, id-drama u oħrajn kienu qed jieħdu preċedenza fuq il-handball; u anke fuq ilkowċing. Is-sena 2008 donnu kienet sinjal li jien għandi nerġa’ nibda nikkowċja. Head coach ta' nursery lokali talabni nibda nikkowċja l-Under 15's tal-istess nursery filwaqt li l-ħabib tagħna Kenneth Fiteni talabni nibda nikkowċja Trampi FC. Dħalt għat-tnejn li huma b'serjetà kbira. Fl-istess sena, waqt li kont qed nikkonsidra nibdiex ilMasters, nirrealizza li f'Università fl-Ingilterra joffru Masters fil-kowċing u għażilt li nidħol għalih. Tgħiduli, dan mhux qed titkellem fuq it-talent, imma fuq l-istorja ta' ħajtek. Filfatt dak hu propju l-punt. Jien ma naħsibx li tabib isir tabib għaliex jagħraf li għandu talent, imma għax iċċirkustanzi u l-għażliet tiegħu iwassluħ hemm. Iċċirkustanzi ta' ħajti, l-għażliet li għamilt wassluni biex illum il-ġurnata qed ninvesti bil-kbir fil-kowċing u nammetti il bħalissa naraha bhala l-professjoni li nixtieq ngħix fiha. Dan l-aħħar wara li spiċċajt eżami, plejer minn tiegħi saqsieni kif mort. Ir-risposta kienet sempliċi u reali: “Ma nafx ħabib. Naf ħaġa waħda. Jekk ma ngħaddix minn dan l-eżami, għażilt il-professjoni l-ħażinà.” Mhux l-istess jgħid l-istudent tal-mediċina jekk jeħel fl-ewwel sena tiegħu? Ikolli nammetti li jien minix iktar minn kowċ fl-ewwel sena tiegħi. Li naf hu essenzjali, imma dak li ma nafx hu bil-wisq iktar importanti. Għalhekk, l-għan huwa wiehed: dak li nitgħallem iktar u naħdem bis-serjetà. Iċ-ċirkustanzi u d-deċiżjonijiet tal-futur biss ser jgħiduli finalment din il-professjoni hix talent ukoll. Għalissa hija biss għażla. KURRENTI

Paġna 7


KURRENTI

JEKK TRID TKUN TAF MUR F’PAĠNA 21 >>> paġna 8


KURRENTI

Jiktbu Fr.Stephen Mifsud u Br.Bernard Falzon

ESPERJENZI

Dan il-Milied huwa t-tieni wieħed tiegħi fil-

Il-Milied

Filippini. L-ewwel wieħed kien fis-sena 2000 u nassigurakom li ma kinetx esperjenza faċli. Għalkemm it-tiżjin ma jonqosx u l-kant tal-Milied tibda tisimgħu sa mill-1 ta’ Settembru, għall-missjunarju il-Milied hu żmien iebes biex tgħixu, speċjalment jekk tkun fil-bidu, il-bogħod mill-familja u l-ħbieb, u fi sħana sajfija. Fl-istess ħin inħoss li jista’ jkun speċjali kif kien speċjali t-twelid ta’ Ġesu. Għal Marija u Ġużeppi, it-twelid tattarbija tagħhom żgur ma kienx faċli … ilbogħod mir-raħal tagħhom ta’ Nazareth, ilbogħod mill-familja u l-ħbieb f’mument tant delikat. U dan li qed nitlob f’dan it-tieni Milied tiegħi: li din il-festa li tfakkar twelid hekk umli u diffiċli imma fl-istess ħin speċjali, tkun għalija żmien fejn nesperjenza il-veru sens tal-Milied… it-tama u l-ferħ fil-Mulej Ġesu, Alla magħna. Għal grazzja t’Alla din issena minix waħdi għax hawn komunita’ ħajja u żagħżugħa.

Tradizzjoni fost il-Filipinos fi żmien il Milied hija li għal 9 ijiem qabel il-Milied tiġi ċċelebrata quddiesa speċjali filgħodu kmieni. Jissejħu Simbang Gabi (dawn mass) u jibdew għal madwar l-4:00am. IlMilied li għadda, bejn b’kurżita u bejn għax stedinni ħabib, għamilt sforz u qomt kmieni. Ltqajt miegħu xi siegħa qabel għax qalli li ma nsibux siġġu … kellu raġun għax konna minm tal-aħħar li sibna post bilqiegħda. Il-knisja kompliet timtela … kulħadd poġġa fejn seta’, u min ma setax baqa’ bil-wieqfa. Nies millisquatters, morda, sinjuri, tfal, familji. Qatt ma kont rajt il-knisja mimlija daqshekk, l-anqas fil-Ħdud! Forsi għal ħafna hija biss tradizzjoni, biss forsi tfisser aktar min hekk … tal-anqas għalija, qalb ir-rassa flerbgħa ta’ filgħodu, fissret ħafna.

FR.STEPHEN MIFSUD mssp

fil-Filippini … jibda f’Settembru u ma jispiċċa qatt! Nixtieq naqsam magħkom żewġ esperjenzi żagħar.

Il-festa tal Milied, ta’ Ġesu bambin, mhux ċċelebrata biss fil-25 ta Diċembru. Tissejjaħ bħala d-devozzjoni lejn Santo Niño, devozzjoni impurtata milmissjunarji ewropej fis-seklu sittax. Personalment ma jolqtunix ħafna d-devozzjonijiet … qatt ma kienu parti mill-mod kif nesprimi l-fidi tiegħi. Pjuttost forsi inħares lejn id-devozzjonijiet bħala prodott ta’ fidi sempliċi, tat-tfal - xi ħaġa li kbirt minnha! Iżda Santo Niño wrieni li kont żbaljat. Tgħallimt li l-fidi sempliċi ta’ ħafna Filippinos, espressa b’devozzjonijiet bħal dik lejn Santo Niño, mhix fidi tat-tfal! Waqt esperjenza li għamilt ġo sptar għal-fqar kont niltaqa’ ta’ kuljum ma’ morda li la jafu jekk humiex se jfiequ, u lanqas kif ser iħallsu l-kont tal-mediċina. Kont nibqa’ mistgħaġeb bil-mod kif il-fidi tagħhom, f’Santo Niño, hija sors ta’ tama u kuraġġ. Forsi f’mumenti diffiċli, Ġesu bambin, fqir, żgħir, fraġli, jixbah ħafna lilhom. BR.BERNARD FALZON mssp

KURRENTI

paġna 9



KURRENTI

jiktbu Elaine Sultana u Mark Anthony Sammut

ESPERJENZI

Tmien

xhur oħra u nkunu fi triqitna lejn Spanja biex ningħaqdu mal-pellegrini l-oħra fiċċelebrazzjoni ta’ Jum iż-Żgħażagħ. Mix-xahar li għadda l-KDŻ bdew jiġbru d-deposits ta’ dawk li huma interessati jattendu għal din l-attivita’ u kull min hu interessat għadu fiċ-ċans li jagħmel iddeposit tiegħu. Il-preparamenti għaddejin ġmielhom u dawk l-affarijiet li jistgħu jitqiesu bħala lingredjenti essenzjali tal-WYD qiegħdin jieħdu l-forma tagħhom ukoll. Ma jistgħax jonqos li avveniment bħal ma huwa l-WYD ikollu l-innu tiegħu, iżda b’differenza għal avvenimenti oħra, kull WYD ikollha innu assoċjat magħha, skond it-tema ta’ dik is-sena. L-innu għall-WYD 2011 jismu “Firmes en la fe” li tfisser Saħħa fil-fidi. Huwa innu lil Kristu Ġesu’, bi kliem ta’ tifħir u b’messaġġ sabiħ ħafna. Firmes en la fe huwa minnu nnifsu talba lil Sidna Ġesu’ biex jgħinna fit-triq tal-fidi u jsaħħaħ l-għeruq tagħna fil-Kristjaneżmu. L-innu tal-WYD 2011 tistgħu ssibuh faċilment fuq il-website uffiċjali tal-WYD, kif ukoll tistgħu ssegwu l-kliem minn dan il-link: http://www.madrid11.com/images/stories/descargar/himno/english_version.pdf. Min-naħa tagħna, bħala CAMYouths, qegħdin nistennew b’ħeġġa kbira li jasal Awissu, biex niċċelebraw flimkien, għall-ewwel darba dan l-avveniment. Mix-xahar id-dieħel il-KDŻ jibda jifformola l-iskeda tal-vjaġġ lejn Spanja u bħala CAMYouths ser ikollna s-sehem tagħna filpjanijiet għall-vjaġġ. Aħna nkomplu naġġornawkom filwaqt li nħeġġukom tibagħtu l-ideat tagħkom fuq wyd@camyouths.com Tislijiet

KURRENTI

paġna 11


KURRENTI

EU OPPORTUNITIES

jikteb Etienne Micallef

Il-Proġett ta' ĊAMYouths u l-MSSP filPakistan

F'din il-ħarġa xtaqt inwassal aħbarijiet dwar il-proġett li għaddej bih ĊAMYouths flimkien mas-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl (MSSP) fil-Pakistan. Kif ħafna minnkom jafu ĊAMYouths qed jgħin lill-MSSP fil-Pakistan permezz ta' fondi li ngħataw mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta' Malta biex titkabbar l-iskola De Piro fir-raħal li jismu Asif Town 2 li jagħmel parti mill-belt kbira ta' Lahore filPakistan. Kif tistgħu taraw fir-ritratti li hawn, il-binja qed tieħu forma u x-xogħol miexi. Bagħtulna dawn ir-ritratti u informazzjoni dwar x'qed jiġri, kemm Fr. Pierre, li hu sSuperjur tal-MSSP fil-Pakistan u kif ukoll Fr. Gerald; li wara li ħalla Malta issa qiegħed ilPakistan u qed jieħu ħsieb l-iskola De Piro. Ilbini l-ġdid li qed jinbena permezz tal-fondi li bgħatna aħna ħa jintuża għal proġett ta' tagħlim ta' tfajliet żgħażagħ li ma jistawx imorru l-iskola aktar filgħodu, minħabba li jkunu qed irabbu lil trabi u tfal żgħar filfamilji tagħhom. F'din il-binja l-ġdida ħa jkun hemm klassijiet biex isiru lezzjonijiet għal dawn it-tfajliet u ċentru ta’ kura għat-tfal fejn jinżammu t-tfal li jkunu qed jieħdu ħsieb ittfajliet li jiġu. Fi kliem Fr. Gerald, din il-binja issa qed isejħulha ĊAMYouths Block u wasal biex jitlesta x-xogħol tal-bini. Qalilna wkoll li għal nofs Frar il-kuntrattur intrabat li jagħti ċċwievet tal-post b'kollox lest ġewwa fih. Irritratti li qed taraw juru l-proċess mill-bidu tax-xogħlijiet sa xi ħames ġimgħat ilu. Sliem KURRENTI

paġna 12


KURRENTI

jikteb Henry-Franz Gauci

ESPERJENZI

Fit-28 ta’ Novembru 2010, Sarah Borg ġiet ippremjata bl-unur ta’ Żagħżugħa tas-Sena, premju mogħti mill-Fondazzjoni OASI. Għal dan l-unur Sarah ġiet innominata mill-Grupp Flimkien Naslu għax-xogħol volontarju li tagħmel ma’ persuni b’diżabilita. Hija rebħet dan l-unur minn fost 9 nominati għall-fatt li mhux biss tgħin lil dawn il-persuni fl-attivitajiet ta’ kuljum imma ukoll għaliex taħdem ħafna u tinkoraġġihom biex jemmnu fihom infushom u jkunu parti mis-soċjetà. Bħala eks-membru taċĊAMYouths fil-komunità tal-NRG ħadna din l-opportunità biex nintervistaw lil Sarah u taqsam magħna din l-esperjenza. Henry: Sarah, l-ewwelnett nixtieq nifraħlek għall-unur li għadek kif ġejt mogħtija. Kemm ili nafek dejjem kont involuta u għaddejja minn xogħol volontarju għall-ieħor: ma’ persuni b’diżabilità intelletwali, mar-refuġjati jew ma’ persuni bi problemi soċjali. X’beda jħajjrek tagħmel dan ix-xogħol volontarju? Sarah: Grazzi tal-kummenti tiegħek. Bdejt nagħmel xogħol volontarju meta bdejt listudji tiegħi fl-Università. Minn dejjem kont nipprova nagħmel ħilti fl-istudju u kont inqatta’ ħafna ħin nistudja iżda dejjem xtaqt nagħmel xi ħaġa li togħġob lili u li tagħtini sodisfazzjon. Waħda minn sħabi li kienet ftit ikbar minni fl-età u li diġa kellha esperjenza f’dan il-qasam kienet kellmitni fuq grupp ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Bilmod il-mod jien bdejt niltaqa ma’ dawn il-persuni u fi żmien qasir malajr drajna lil xulxin. Blgħajnuna ta’ sħabi, bdejna norganizzaw avvenimenti biex ngħinu lil dawn il-persuni jintegraw fis-soċjetà permezz ta’ opportunitajiet differenti. Ma’ żmien mhux biss kibret il-ħbiberija tagħna iżda ukoll bdejt nitgħallem ħafna affarijiet li stajt nirranġa sabiex ngħin lil dawn il-persuni aħjar fil-ħajja tagħhom.

KURRENTI

paġna 13


KURRENTI

Henry: Xi jfisser għalik dan l-unur li ngħatajt? Sarah: Nemmen li ħadd ma jistenna xejn lura meta wieħed jagħmel xogħol volontarju iżda ma nistax ngħid li ma ħadtx gost b’dan l-unur. Għalija kienet esperjenza ġdida f’ħajti u ħadt gost li din l-organizzazzjoni qed tagħti din l-opportunità liż-żgħazagħ bħali. Jien ċerta li hawn ħafna żgħażagħ li jagħmlu ħafna xogħol volontarju u jgħinu fis-socjetà allura importanti li napprezzaw u nirrikonoxu dan il-valur fiż-żgħażagħ ħalli mhux dejjem nisimgħu affarijiet ħżiena biss.

Henry: X’inhu x-xogħol li tagħmel mal-Grupp Flimkien Naslu u l-persuni b’diżabilità? Sarah: Jiena parti mis-Supporters Grupp u Coordinator fil-Grupp Flimkien Naslu. Bħala coordinator, jien flimkien ma’ żewġ coordinators oħra niltaqgħu mal-membri tal-kumitat talGrupp Flimkien Naslu u flimkien ikollna laqgħa kull erba’ ġimgħat. F’dawn il-laqgħat jiġu diskussi ħafna affarijiet differenti bħal attivitajiet li jkunu għaddejin f’dak il-perjodu, proġetti, attivitajiet u proġetti għall-futur, problemi etc.... Peress li aħna qegħdin tlett coordinators ixxogħol jinqasam iktar faċilment. Ġeneralment jien nieħu ħsieb l-attivitajiet tal-grupp, kemm dawk soċjali kif ukoll dawk li fihom isir xi ġbir ta’ fondi. Ġewwa l-Grupp Flimkien Naslu issib ukoll is-Supporters Grupp li huwa magħmul minn xi tmien tfajliet li jagħtu l-għajnuna tagħhom fuq bażi volontarju ukoll. Wara li l-affarijiet ikunu ġew diskussi mal-membri tal- kumitat, isSupporters Grupp iħejju laqgħa biex jaraw kif jistgħu jgħinu lill-membri tal- Grupp Flimkien Naslu u fl-istess ħin jagħtuhom l-għajnuna xierqa mingħajr indħil żejjed. Għalkemm ippruvajt nispjega x-xogħol tiegħi f’dan il-grupp, ma nistax ngħid eżattament x’inhu l-irwol jew xogħol tiegħi għax dan ivarja skond il-bżonnijiet li jkun hemm fil-grupp. Henry: Kif sibt ruħek tgħin f’dan il-grupp? Sarah: Xi seba’ snin ilu, ħabiba tiegħi li hija psikologa u li kienet taħdem fis-settur mal-persuni b’diżabiltà, kienet laqatni ma’ xi membri tal-kumitat tal-Grupp Flimkien Naslu u minn dakinhar bdejt nagħmel xogħol volontarju ma’ dan il-grupp. Bi żmien bdejt insir nafhom sew, bdejt nidra xi affarijiet u l-esperjenza bdiet tgħini sabiex inkun nista ngħin iktar lil dan il-grupp. KURRENTI

paġna 14


KURRENTI

Henry: X’kien l-ewwel xogħol volontarju li għamilt? Sarah: L-ewwel xogħol volontarju kien ukoll ma’ persuni b’diżabiltà. Kont mort ngħin lil ħabibti f’ċentru għall-persuni b’diżabiltà li kienu qed jippreparaw żifna għal xi lejla speċjali fillokalità tagħhom. Henry: Kif jaffettwalek il-ħajja tiegħek il-volontarjat? Sarah: Jien naħseb li fil-ħajja importanti li dak li tkun qed tagħmel dejjem tagħmlu minn qalbek u mhux biex in-nies jgħidulek prosit. Jien dejjem nagħti l-100 % tiegħi kemm fuq ix-xogħol u kemm f’affarijiet oħra li fil-ħajja jagħmluni kompluta bħal ma hu l-volontarjat. Meta nkun qed nipprepara xi ħaga jew nippjana xi ħaga vera nkun qed nieħu interess u nkun irrid nagħti l-aħjar possibli għax ovvjament irrid li dawn in-nies li nkun qed ngħin jkollhom l-aħjar f’ħajjithom. Jien ma nqisx ruħi bħala Coordinator jew Supporter biss fil-gruppijiet li ilni nafhom bħal ma hu lGrupp Flimkien Naslu iżda issa li ilna snin nafu lil xulxin inqishom bħala ħbieb tiegħi u dejjem nħossni ferħana li ħa niltaqa’ magħhom. Henry: Kemm hija diffiċli, bl-istil ta’ ħajja li aħna mdawwrin biha, li xorta ssib il-ħin u l-ħeġġa biex tagħmel volontarjat? Sarah: Diffiċli immens. Filfatt jien l-unika ħaġa li iżżomni lura milli nagħmel xi affarijiet bħal attivitajiet jew proġetti oħra apparti l-flus huwa l-ħin. Meta norganizzaw xi ħaga irridu nibdew naħsbu minn ħafna qabel u l-preparamenti jieħu ħafna ħin speċjalment meta qegħda taħdem ma’ persuni b’diżabiltà għax kull persuna li għandha diżabilta’ għanda ukoll il-bżonnijiet tagħha li jvarjaw minn tal-oħrajn. Issib xi diffikultajiet meta tkun ħa tagħmel, jew tkun qed tagħmel xogħol volontarju? Jekk iva, xi jkunu dawn id-diffikultajiet u kif tegħlibhom? Peress li l-grupp huwa grupp volontarju hemm id-diffikultà tal-flus. Il-persuni b’diżabiltà għandhom ħafna xewqat u jixtiequ jesperjenzaw l-affarijiet li anke aħna nieħdu pjaċir nagħmlu bħal ma hu s-safar. Ħafna minnhom li għadhom żgħażagħ huma mċaħħdin minn ħafna affarijiet li jaraw liż-żgħażagħ jagħmlu. Diffikulta oħra li nsib huwa l-ħin li s-supporters jkollhom disponnibli mill-ħin liberu tagħhom. Id-diffikultajiet negħlubhom flimkien billi ngħinu lil xuxlin, infittxu min jista jgħina, nispjegaw lil membri tal-grupp xi jkun għaddej u nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex nkomplu ngħinu lil dan ilgrupp.

KURRENTI

paġna 15


KURRENTI

Għal xi żmien kont parti minn ĊAMYouths. Wieħed mis-sisien ta’ ĊAMYouths hija l-Missjoni. Taħseb li dan iż-żmien fiċ-ĊAMYouths affetwak biex tagħmel il-volontarjat? Iva ħafna. Filfatt wara l-ewwel esperjenza tiegħi fil-volontarjat f’Malta jien kont mort Napli , żewġt is-sjuf wara xulxin mas-sorijiet ta’ Madre Tereża. Għalkemm kont għadni żgħira u immatura, ċerta li din lesperjenza u s-snin li għamilt jien f’ĊAMYouths għenuni ħafna nikber . Ħa nkun daqxejn l-avukat tax-xitan! Iż-żgħażagħ Maltin magħrufin li, speċjalment fix-xhur tas-Sajf, numru kbir minnhom jagħtu ħinhom għaxxogħol volontarju. Iżda hawn min jistaqsi għaliex għandu jipparteċipa f’xogħol volontarju meta din l-għajnuna għandha tiġi minn xi awtoritajiet bħal Gvern jew organizzazzjonijiet oħra u mhux toqgħod tistenna li jkun hemm nies li jagħmlu dan b’mod volontraju. Oħrajn jaħsbu li iktar ma nagħtu għajnuna, speċjalment f’volontarjat barra mill-pajjiż, iktar qed inġibu lil dawn in-nies jiddependu fuqna. X’taħseb inti fuq dawn ilkummenti? Ma naħsibx li għax xi ħadd jagħti l-għajnuna lil xi ħadd ieħor dan ħa jiġi dipendenti fuq il-voluntiera. Hemm xi nies neqsin mis-social skills u tagħlim bażiku fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum allura huwa importanti li nies bħal ma huma l-voluntiera jgħallmu lil dawn in-nies sabiex imbagħad jkunu jistgħu jibdew jfendu għal rashom. Apparti minn hekk, jien naħseb li tajjeb li l-Gvern u organizzazzjonijiet oħra jagħtu l-għajnuna xierqa fejn hemm bżonn iżda jekk possibli, tajjeb ukoll li ż-żgħażagħ jesperjenzaw ilvolontarjat f’ħajjithom għax ħafna żgħażagħ jgħixu f’ħajja materjali wisq u mimlija b’enerġija negattiva waqt li l-volontarjat jista jgħin b’ħafna modi. Kemm il-darba nisimgħu lil min jgħid ‘meta tagħmel xogħol volontarju iktar tirċievi milli tagħti’. X’taħseb inti fuq dan? Naqbel ħafna. Ħadd mill-voluntiera ma jagħmel il-volontarjat bl-għan li ħa jieħu xi ħaġa lura iżda meta int qed taħdem ma’ persuni, qed tagħti u taħdem b’imħabba kbira, ċerta li għal dawn il-persuni int tkun qed tagħtihom id-dinja u b’hekk huma ħa jtuk mill-ftit li jistgħu jagħtu, li hija latt ta’ imħabba li tissupera kull ħaġa materjali li xi ħadd jista’ jtik. Hemm xi episodju fix-xogħol volontarju tiegħek li tibqa’ tiftakar? Meta l-persuni b’diżabiltà jgħidulek ‘Inħobbok’ u taf li jfissruha. Min irid jgħin fil-Grupp Flimkien Naslu kif jista’ jagħmel dan? L-għajnuna fil-Grupp Flimkien Naslu tista’ tkun varja minn għajnuna finanzarja peress li issa qed nibdew naħsbu biex ikollhom post fejn dan ilgrupp jista’ jiltaqa’ kif ukoll attivitajiet fejn dawn il-persuni b’diżabiltà jkunu mistiedna. Wieħed jkun jista’jikkuntattjani fuq sarahborg85@gmail.com. KURRENTI

paġna 16


KURRENTI

Jikteb Clifton Azzopardi

INFORMAZZJONI

Alien

huwa film tal-fantaxjenza u l-orrur li ħareġ fl-1979. Iddirettur tal-film Ridley Scott dak iż-żmien kien għaddej minn perijodu ferm produttiv f’dan il-qasam ċinematografiku għaliex barra Alien, tliet snin wara, idderieġa wkoll Blade Runner. Ittnejn huma kkunsidrati bħala passi ta’ ġgant fl-istorja taċċinema. Dan għaliex it-temi li jesploraw, l-istil ta‘ filming u aspetti oħra li nsibu fihom, influwenzaw ħafna films li ġew warajhom. Għalkemm dak iż-żmien, it-teknoloġija ma kinitx avvanzata daqs tal-lum, ma tistax ma tammirax il-fatt kif dawn in-nies li ħadmu films bħal Alien u użaw l-għodda li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom bl-aħjar mod biex ħolqu dinjiet, vetturi u ħlejjaq li filfilm jidhru reali. Ħafna drabi kien ikollhom jużaw pupazzi jew inkella atturi stess li jiksuhom bil-mejkap u kostumi għall-film. Illum sirna naraw ħafna films fejn mostri u ħlejjaq oħra jinħolqu bil-kompjuter u jidhru veru foloz. Infatti, ħafna diretturi tal-films, bħal Guillermo Del Toro, dejjem emmnu li biex iżommu lkredibilità għandhom jużaw mejkap u kostumi, u CGI mill-anqas. Il-mużika u n-nuqqas tagħha f’ċertu partijiet hija wkoll kruċjali biex toħloq it-tensjoni f’Alien. Is-soundtrack qatt ma tieħu post lazzjoni jew dak li jkun għaddej mill-plot. Ċertu mumenti ta’ skiet ikexkxuk aktar milli kieku kien hemm xi melodija fl-isfond li tissuġġerixxi mument t’orrur. Alien jeħodna fuq vettura spazjali bl-isem ta’ Nostromo, għaddejja fl-ispazju waqt li ġġorr ammont kbir ta’ ġebel b’metall u minerali oħra mhux maħduma , fi triqitha lejn id-dinja minn pjaneta oħra jisimha Thedus. Fil-vettura jkun hemm ekwipaġġ ta’ seba’ min-nies li kollha jkollhom xi rwol partikulari x’jaqdu. Insiru nafu li din il-vettura jinqalgħulha problemi tekniċi u l-ekwipaġġ jkollu jniżżilha fuq pjaneta oħra fil-qrib biex isirulha xi tiswijiet. Fuq din il-pjaneta jsibu vettura oħra hekk kif parti mill-ekwipaġġ joħroġ jagħmel spedizzjoni. Jidħlu f’din il-vettura u wieħed minnhom isib għadd ta’ bajd kbir aljen. Bid-dawl tat-torċ li jkollu f’idejh ‘tfaqqas’ waħda minn dawn il-bajd.

KURRENTI

paġna 17


KURRENTI

X’jiġri wara nħallih għalikom, però nixtieq ngħaddi xi punti oħra importanti dwar dan il-film. Il-karattru tas-seba’ membri tal-ekwipaġġ b’xi mod jew ieħor ifiġġ f’ħafna u ħafna films t’azzjoni li baqgħu joħorġu wara minn Hollywood. Dawn, illum il-ġurnata saru sterjotipi u meta tkun imdorri tara dan it-tip ta’ films mingħajr ma’ trid jibda jirnexxielek taqta’ min imissu jmut jew min ħa jsalva. Apparti min dan l-aspett li forsi jagħmilha faċli għal min qed jara l-film biex ibassar x’se jiġri f’siltiet minnu, għandek l-idea li togħġobni ħafna li Scott rari juri l-aljen sħiħ, iżda biex iqajjimlek il-kurżità juri partijiet minnu. Infatti l-aktar aspett li jolqotni f’Alien huwa l-atmosfera li joħloq id-direttur biex idaħħlek fid-dinja tal-film. Il-film ukoll jibda jwieġeb xi mistoqsijiet bil-mod, iżda ħafna mill-mistoqsijiet jibqgħu ma jsibux tweġiba. Guillermo Del Toro, f’dokumentarju dwar l-awtur HP Lovecraft jitkellem dwar linfluwenza li kellha At the Mountains of Madness (novella ta’ Lovecraft) fuq Ridley Scott, għaliex id-direttur issellef ħafna minnha biex ħoloq Alien. Lovecraft, il-ħallieq tal-istorja talorrur moderna kien kiteb li l-akbar tip ta’ biża’ hija l-biża’ minn dak li mhux magħruf u Scott ta’ sikwit jilgħab bil-perċezzjoni ta’ min qed jara l-film billi jaħbi u jikxef dettalji f’Alien.

KURRENTI

paġna 18


KURRENTI

Jikteb Nathan Gatt

Ħarsa lejn Konnekxins: Passat, Preżent u Futur.

Għalkemm ili (kważi) mill-bidu ta’ ĊAMYouths X’qed jiġri issa? Matul dawn l-aħħar tliet snin, it-tim ta’ Konnekxins inbidel ħafna u l-maġġoranza talmembri li kienu attendew għal dik l-ewwel laqgħa, illum m’għadhomx fit-tim. Apparti jien, Konnekxins illum huwa magħmul minn dawn il-membri wkoll: Geraldine Powell (Crossroads) li tikkordina bl-għajnuna ta’ Clifton Azzopardi (Crossroads) il-kontenut ta’ kull ħarġa ta’ Kurrenti; Diane Mifsud (Equinox) li hi mgħejjuna minn Nicolai Gatt (Agora) u Ruth Mamo (Crossroads) sabiex jikkrejaw kwalunkwe kontenut grafiku li nintalbu (eż: posters, banners, eċċ) kif ukoll id-disinn ta’ kull ħarġa ta’ Kurrenti; Ma’ dawn nixtieq nżid il-ħafna nies li jgħinuna fosthom nies li jiktbu l-artikli, jagħmlu l-qari tal-provi kif ukoll jgħinuna f’diversi aspetti tekniċi u li jkollhom ċerta esperjenza fihom. Illum ir-rivista Kurrenti waslet biex tagħlaq ittielet sena tagħha bil-ħruġ ta’ u din ilħmistax-il ħarġa u l-appuntament kien dejjem puntwali kull xahrejn u nofs b’ħames ħarġiet fis-sena. Il-ħarġiet kollha jinsabu filwebsite tagħna u hemmhekk tistgħu taraw kif evolviet din ir-rivista. Apparti din ir-rivista, hemm ħafna xogħol li qed isir f’diversi aspetti u li pero’ ma jidhirx fosthom talbiet għal tibdil fil-mailing lists, aġġornamenti u aħbarijiet li jitpoġġew filwebsite, komunikazzjoni ma’ persuni minn barra ĊAMYouths li jitolbu nformazzjoni fuq l-esperjenzi ta’ volontarjat li ĊAMYouths joffri u ħafna oħrajn. KURRENTI

involut f’diversi aspetti ta’ dak li kien l-IT Team (għal żmien magħruf ukoll bħala l-Webteam), fil-passat kont inħoss li kienet missjoni pjuttost solitarja tiegħi u ta’ ftit individwi oħra matul is-snin li jkollna tim ta’ nies li jkunu jieħdu ħsieb il-website, mailing lists, eċċ. pero dan dejjem kien limitat minħabba nuqqas ta’ riżorsi (inklużi dawk umani). Madanakollu, il-Leadership Committee preċedenti kien wera nteress li jimbotta sabiex, kif jgħid il-Malti, il-website tingħata ‘palata tajba’ u, matul l-2007, bdejna niddiskutu sabiex naraw min iktar kien lest li jagħti sehmu f’dan ir-rwol sabiex namministraw l-website (www.camyouths.com), il-mailing lists, talbiet għal kontenut grafiku u diversi affarijeit oħrajn. Kien fid-29 t’Ottubru 2007, li seba’ membri (inkluż jiena) fi ħdan ĊAMYouths ltqajna ma’ Renzo Kerr Cumbo (dak iż-żmien membru talLeadership Committee) sabiex niddiskutu u nqassmu ix-xogħlijiet bejnietna. Dan kien proprju l-bidu tal-Media & Communications Team il-ġdid - dak li llum huwa magħruf bħala Konnekxins. Għalkemm l-ħsieb kien li nibnu tim sabiex nbiddlu l-website, l-ideja żviluppat ħafna iktar u Konnekxins talab lill-membri sabiex jagħtu lkummenti u l-idejat tagħhom. Dan wassal għal bidu ta’ diversi proġetti fosthom l-oriġini ta’ Kurrenti. Matul is-snin inbidlu l-maġġoranza tal-membri u għalkemm ir-rwol ta’ Media & Communications Team kien ġie propost lilLeadership Committee preċedenti, dan sab ruħu fl-istatut ta’ ĊAMYouths matul lAssemblea Ġenerali 2010. paġna 19


KURRENTI

Inħarsu ‘l quddiem... L-istatut jaqsam ir-rwoli tal-Media & Communications Team f’erbgħa oqsma u dawn huma lpjainijiet f’kull wieħed minn dawn l-oqsma: Ġestjoni u Amministrazzjoni t’Informazzjoni Apparti l-amministrazzjoni tal-mailing lists, l-istatut jipprovdi wkoll li dan it-tim jieħu ħsieb iżomm lista aġġornata tal-membri fi ħdan ĊAMYouths. Dan hu proġett li qed jiġi ppjanat bħalissa u li għandkom tibdew tirċievu nformazzjoni dwar dan il-proċess matul ix-xhur li ġejjin.

Disinn u Branding Dan ir-rwol qed jiġi żviluppat bħalissa u filwaqt li nkomplu nipprovdu kontenut grafiku lil diversi teams (eż: Support Team u Activity Team) jew attivitajiet, nixtiequ norganizzaw rwieħna aħjar sabiex nipproteġġu l-brand (kemm preżenti u bi preparazzjoni għall-brand il-ġdida ladarba l-proċess tal-bdil tal-isem jiġi konkluż). F’dan il-qasam, ikkonfermajna l-parteċipazzjoni u l-għajnuna ta’ żewġ membri esperti f’dan il-qasam: Paul Mizzi (Jóvenes) u Noel Falzon (NRG). Publikazzjoni tal-Kontenut Dan ir-rwol ssaħħaħ sew matul dawn l-aħħar sentejn. Issa wasal iż-żmien li nibdew nħarsu lejn mezzi oħra biex nwasslu l-messaġġ tagħna u ma’ dan qed norbot il-proġett talwebsite. Dan il-proġett tpoġġa ftit fuq l-ixkaffa peress li nafu li, ladarba jinbidel l-isem, se jkun hemm bżonn li tinbidel ukoll il-website u allura ser norbtuh ma dak l-avveniment. Li hu żgur hu li hemm il-ħsieb li jkollna tim wieħed li jieħu ħsieb il-publikazzjoni tal-kontenut fuq media different (eż: website, rivista, eċċ). Ġestjoni ICT Personalment minn dejjem kont involut f’dan ir-rwol u b’diversi modi dejjem pruvajt nippromwovi l-użu tat-teknoloġija biex nilħqu lil kulħadd filwaqt li nħaffu x-xogħol tagħna. Madanakollu hemm diversi proġetti ppjanati li permezz tagħhom inkunu nistgħu norganizzaw lilna nfusna aħjar kif ukoll jippermettulna li nikbru mar-rata li biha qiegħed jikber ĊAMYouths - fuq dawn pero’ mhu se nżid xejn aktar għalissa.

L-aħħar kelma Il-Leadership Committee qed jagħti sehmu sabiex jissaħħaħ loperat ta’ dan it-tim u nsibu għajnuna kbira mingħandhom sabiex nwettqu dak li hemm pjanat - għaldaqstant nirringrazzjahom! F’isem sħabi, nixtieq ukoll nirringrazzja lil kull min ta sehmu matul dawn it-tliet snin u lil dawk kollha li ser jagħtu sehemhom fis-snin li ġejjin. Kif jidher ċar hawn fuq, hemm ħafna proġetti nteressanti li wieħed jista’ jagħti sehmu fihom u nixtieq li nara iktar membri jieħdu nteress f’dan. Għaldaqstant, min irid ikun parti minn din l-esperjenza, jibgħat email fuq konnekxins@camyouths.com u nweġbuh lura kemm jista’ jkun malajr. Biex nagħlaq, f’isem it-tim ta’ Konnekxins, nixtieq sliem, paċi u saħħa lil kull wieħed u waħda minnkom u l-familji tagħkom matul dan il-perjodu tal-Milied u għassena l-ġdida!

KURRENTI

paġna 20


KURRENTI

ritrattRakkont Doreen Saliba ARKIVJI

2004 Dan huwa ritratt fi tmiem iċ-ĊAMKamp 2004 tradizzjoni li għadha għaddejja sal-ġurnata ta’ llum...

KURRENTI

paġna 21


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.