Sliem u Ħajja - Festa San Sebastjan 2017

Page 1

Lulju 2017 ~ Ħarġa Nru. 219 Parroċċa San Sebastjan – Ħal Qormi



San Sebastjan, Ħal Qormi

F’jum il-ferħ tal-kbira festa… Din is-sena hija t-tmenin sena minn meta nkiteb l-Innu Popolari ta’ San Sebastjan. Huwa innu sabiħ, mużika ta’ Mro Vincenzo Bugeja u kliem ta’ Philip Abela. Dan l-innu ta’ kull sena nkantaw bil-qalb fil-ġranet tal-festa fi tmiem il-funzjonijiet reliġjużi, b’dik iċ-ċapċipa ħelwa fl-aħħar, li tirrifletti l-ferħ u l-imħabba tagħna lejn il-qaddis protettur tagħna. Mill-kliem ta’ dan l-innu jidher li l-awtur, Philip Abela, mhux biss kien midħla sewwa tal-ħajja ta’ San Sebastjan, imma wkoll li kellu spiritwalità profonda li ma tifridx l-imħabba lejn San Sebastjan mill-qima li aħna msejħin biex nagħtu lil Alla. Fil-fatt jistqarr f’dan l-innu li l-isem ta’ min ħalqek ‘Hu aqwa minnek’. Huwa importanti ħafna ngħarfu li l-kobor ta’ San Sebastjan jinsab filfatt li huwa ma kienx jaħdem għalih innifsu, imma poġġa lilu nnifsu għas-servizz talMulej u fittex li jagħmel dak kollu li jrid ilMulej minnu. Anke meta kien imsejjaħ biex jissogra ħajtu, San Sebastjan ma baqax lura milli jisma’ is-sejħa tal-Mulej. Hekk imsejħin

li nagħmlu aħna wkoll. Imsejħin li nħobbu lil Alla fuq kollox u qabel kollox, u li nwieġbu għal kull sejħa tiegħu. Inżommu f’moħħna li dak li jsejħilna għalih illum jista’ jkun differenti mis-sejħat li kellna qabel. Jinnota wkoll li bil-ħidma tiegħu San Sebastjan ikkonverta ħafna pagani, u dawn tant saru konvinti mill-fidi tagħhom li saħansitra ċarċru demmhom għaliha. Tajjeb insaqsu lilna nfusna jekk bil-mod kif aħna niċċelebraw il-festa tagħna aħniex ngħinu lil persuni oħra biex jersqu lejn Alla u jikbru fil-fidi, jew inkella jekk aħniex inbegħduhom mill-Mulej b’imġieba li ma tixraqx lil min hu nisrani u li tmur kontra l-kmandament talimħabba li Ġesù tana fl-Evanġelju. Waqt li fil-ġranet tal-festa nkantaw bilqalb dan l-Innu, ejjew nagħmluh it-talba sinċiera tagħna lill-Mulej, fejn nistqarru li Huwa akbar minna u mill-proġetti kollha tagħna; nistqarru wkoll li aħna lesti li nwieġbu għal kull sejħa tiegħu, anke meta din titlob tbatija min-naħa tagħna; u bħal San Sebastjan inkunu lesti li dawk li huma ‘l bogħod ngħinuhom jersqu lejn Alla. Dun Joseph Buhagiar Kappillan

Ritratt tal-Qoxra: Silta mill-innu popolari bil-kaligrafija ta’ Philip Abela

1


Festa 2017

Tmenin sena mill-Innu Popolari ta’ San Bastjan kitba u riċerka ta’ Vince Peresso Fil-5 ta’ Jannar 1936 Dun Alwiġ Psaila ngħata l-pussess bħala l-ewwel kappillan tal-Parroċċa San Sebastjan, b’ċerimonja li saret fil-Knisja ż-Żgħira mmexxija mill-Vigarju Mons Paolo Galea. Immedjatament il-kappillan Psaila beda l-ħidma pastorali b’konċentrazzjoni fuq l-amministrazzjoni tas-sagramenti. Ħadem ukoll f’dik li hi organizazzjoni tal-festi. L-ewwel ċelebrazzjoni tal-festa f’ġieħ San Bastjan saret nhar il-Ħadd l-20 ta’ Jannar 1936 bis-sehem tal-Kappillan Dun Anton Vella tal-parroċċa San Ġorġ. Ħadet sehem ukoll il-banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, kif ukoll kien hemm logħob tan-nar tal-art, xogħol ta’ Antonio Azzopardi. Il-mużika fil-knisja kienet tal-cappella Bugeja waqt li l-organista kien is-Surmast Ġużeppi Ciappara. Il-Kappillan Psaila immedjatament ħa ħsieb ukoll sabiex il-parroċċa jkollha l-istatwa titulari. Għalhekk nhar it-22 ta’ Lulju 1936 ippreżenta r-rikors lill-Arċisqof fejn esprima x-xewqa tal-parruċċani li jkollhom statwa ta’ San Bastjan biex takkumpanja fil-purċissjoni. Ir-rikors intlaqa’ daqs xahar wara u nbeda l-proċess tal-għażla biex finalment saret l-istatwa preżenti ta’ Ġorġ Borg. Fl-istess ħin ilkappillan stabbilixxa li l-festa titulari tibda ssir fit-tieni Ħadd ta’ Lulju. Snin wara l-festa ċċaqalqet għat-tielet Ħadd tax-xahar ta’ Lulju. B’hekk din kienet waħda mill-ewwel, jekk mhux saħansitra l-ewwel darba, li festa titulari f’Malta ma bdietx issir fil-jum liturġiku tagħha imma fil-ġranet tas-sajf.

Fil-fatt l-ewwel festa b’dan l-arranġament ġdid saret nhar it-13 ta’ Lulju 1937. Minkejja li mingħajr statwa, il-festa tal1937 saret b’aktar pompa u bis-sehem għall-ewwel darba tal-Banda Pinto flimkien mal-baned King’s Own tal-Belt, de Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ, Prince of Wales tal-Birgu, San Ġużepp tal-Ħamrun u Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa. Dil-festa kienet ikkaretterizzata billi ndaqq u tkanta għall-ewwel darba l-innu popolari, li allura dis-sena qed infakkru t-tmenin sena tiegħu. L-Innu għandu l-mużika ta’ Vincenzo Bugeja, li kien il-maestro di cappella, u bilkliem ta’ Philip Abela. Tajjeb għalhekk f’dan l-anniversarju li nagħtu xi tagħrif dwar ilkompożitur u l-kittieb tal-versi.

2

Mro Vincenzo Bugeja twieled irRabat ta’ Malta nhar l-24 ta’ Mejju 1910 u miet nhar il-15 ta’ Jannar 1967 fl-isptar Blue Sisters waqt li kien jgħix Ħad-Dingli. Ċensinu, kif kulħadd kien jafu, kien ittifel waħdieni ta’ Mro Riccardo Bugeja


San Sebastjan, Ħal Qormi u b’hekk kien ir-raba’ ġenerazzjoni talKappella Bugeja li kienet twaqqfet fl-1800 minn bużnannuh Pietro Paolo Bugeja. Din id-dinastija tal-familja Bugeja kienet magħmula minn Pietro Paolo Bugeja (17721828), Vincenzo Bugeja (1803-1860), Filippo Bugeja (1808-1891) Riccardo Bugeja (1844-1926) u Ċensinu Bugeja (1910-1967). L-ewwel studji mużikali ħadu minn idejn missieru kif ukoll minn Mro Ġużè Abdilla, u mbagħad kompla l-istudju tiegħu ġewwa Ruma. Fost l-għalliema tiegħu f’Ruma kien hemm Licinio Refice, li miegħu speċjalizza fuq il-mużika sagra. Hekk kif ġie lura Malta fl-1934 ħa f’idejh id-direzzjoni mużikali f’għadd sabiħ ta’ knejjes fosthom dik ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. Minbarra l-innu popolari dedikat lil San Bastjan hu kkompona wkoll l-antifona li kull sena nkantaw fil-ġranet tal-festa. Bugeja kien kompożitur prolifiku speċjalment ta’ mużika sagra u ekklesjastika, fosthom għadd ta’ messe cantate, diversi salmi, responsorji, innijiet u antifoni, kif numru ta’ tantum ergo. Ma’ dawn inżidu numru ta’ xogħlijiet orkestrali. Kien ukoll fundatur tal-Malta Amateur Dramatic Company, mwaqqfa’ fl-1939, u diversi drabi dderieġa opri rinomati mtella’ minn din ilkumpanija, li għada attiva u rinomata filħidma teatrali sal-ġurnata tal-lum. Huwa miet mingħajr tfal u għalhekk iddinastija Bugeja ġiet fi tmiemha. Il-mużika tal-Cappella Bugeja spiċċat kustodita għand l-Ordni Dumnikana permezz ta’ Patri Edgar Gatt u issa minn Patri Salv Galea. Philip Abela min-naħa l-oħra twieled Ħal Qormi nhar l-20 ta’ Novembru 1895 u tgħammed l-għada fil-parroċċa San Ġorġ fejn il-parrinu kien Dun Karm

3

Psaila, il-poeta nazzjonali. Il-ġenituri kienu Vincenzo Abela u Teresa mwielda Psaila, li kienet tiġi oħt il-poeta nazzjonali. Philip Abela żżewweġ lil Maria Scicluna u kellhom tliet ulied li semmewhom Teresa, Vincenza u Sebastiana. Huwa miet nhar is-17 ta’ Mejju 1953 fil-parroċċa San Sebastjan, u jinsab midfun fil-qabar tal-familja fiċċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid. Fil-professjoni Philip Abela kien għalliem fl-iskola primarja ta’ Ħal Qormi sakemm miet. Kien ħabrieki fil-qadi ta’ dmiru u maħbub mill-istudenti tiegħu, kif qaluli uliedu stess. Barra minn dan kien iħobb kultant jikteb xi poeżija, għad li qatt ma ppublika minn dawn il-poeżiji ħlief l-Innu Popolari. Kien ukoll dilettant taddisinn. Infatti diversi mill-ewwel pavaljuni tal-festa li saru fil-parroċċa tagħna saru fuq disinn tiegħu b’ħafna minnhom jinħietu minn martu Maria flimkien ma’ Ġenerosa Saliba. Dawn kienu jżejnu Triq San Bastjan. Barra minn dan kien attiv ħafna fil-ħidma tal-ewwel snin tal-parroċċa. Spiss kien ikun mal-kappillan Psaila biex jgħin f’dak li jinqala’ u jinħtieġ fl-amministrazzjoni talparroċċa. B’mod partikolari kien wieħed mill-promuturi biex jgħin fil-proġett talknisja ġdida.


Festa 2017

Karta volanti bl-Innu Popolari kif kien iqassamhom Philip Abela

4


San Sebastjan, Ħal Qormi ta’ żmienu, hekk “Li l-fidi ħaddnu mħabba fik”, kif ukoll li sa minn żmien ħajtu kien meqjus bħala “difensur tal-fidi tagħna”. Imbagħad jispiċċa b’invokazzjoni qawwija sabiex bl-interċessjoni tiegħu ngħelbu kull tfixkil, ħalli “żernieq ta’ ġranet isbaħ f’ferħ jitbiddel tagħna d-dmugħ”, biex imbagħad jintemm bl-għajta entużjasta “Viva ngħajtu SEBASTIANO protettur tagħna l-Qormin”. L-innu tlesta nhar l-20 ta’ April 1937 u tressaq għall-approvazzjoni ekklesjastika li ngħatat nhar it-30 ta’ April 1937 minn Patri Antonio M. Tonna Barthet OSA. Immedjatament wara ġew stampati fuljetti li tqassmu fost il-parruċċani sabiex indaqq għall-ewwel darba fil-festa li saret nhar it13 ta’ Lulju 1937.

Għal qalbu kellu l-fratellanza tad-Duluri li fiha kien fratell attiv u jakkumpanja fil-purċissjonijiet li jsiru fil-parroċċa San Sebastjan. Meta miet indifen bil-konfratija vjola ta’ din il-fratellanza.

L-Innu Popolari Meta tkellimt ma’ uliedu, l-aħwa Teresa u Vinċenza Abela, dawn qaluli kif ommhom kienet tirrakkonta li kemm-il darba issurmast Bugeja kien jiġi d-dar biex flimkien jorqmu l-versi mżewqa mal-mużika. Irrakkuntaw il-kliem li s-surmast Bugeja qal lil Philip Abela: “Int ilqattu mill-kliem u jien ilqattu mill-mużika.” Il-versi tal-innu fil-fatt iktar milli jirrakkuntaw il-ħajja ta’ San Bastjan qed jesprimu ħsibijiet ta’ tifħir u riflessjoni dwar ix-xhieda nisranija tiegħu. Hekk jibda billi jesprimi l-ferħ li jħossu d-devoti tiegħu “F’jum il ferħ tal-kbira festa”. Imbagħad isegwi riflessjoni dwar il-kobor tal-qaddis għax il-qima lejh hi mifruxa “minn taddinja banda għal oħra”, għalkemm “bla ma tisboq ta’ min ħalqek”. Dir-riflessjoni tkompli fuq kif bil-ħidma tiegħu San Bastjan għamel differenza għall-insara

Biblijografija: BUGEJA Rev Ġwann u GRIMA Dr. Joseph F.: Minn Ġrajjet il-Parroċċa San Sebastjan, Ħal Qormi, 2007. SCHIAVONE Michael J: Dictionary of Maltese Biographies Vol 1; 2009 VELLA BONDIN Joseph: The Great Maltese Composers;2016 Ħajr lis-sinjorini Vincenza u Teresa Abela tattagħrif li għaddewli dwar missierhom.

5



San Sebastjan, Ħal Qormi

Festa ta’ San Sebastjan PROGRAMM 2017 Il-Ġimgħa 7 ta’ Lulju:

6.30pm Quddiesa u wara adorazzjoni mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali biex ilFesta tħalli frott spiritwali fost il-komunità nisranija tagħna. 8.00pm Quddiesa għaż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-Festa fil-Kripta tal-Knisja minn Dun Sergio Fenech. 8.30pm BBQ kbir u kunċert tal-marċi mis-Soċjetà filarmonika Pinto Banda San Sebastjan bl-isem Tal-Qalba .. Briju maż-Żmien, quddiem il-Każin.

Is-Sibt 8 u il-Ħadd 9 ta’ Lulju: Lejla Qormija

7.30pm Ninġabru fuq iz-zuntier ta’ madwar il-Knisja għal serata divertenti. Attivitajiet għall-familja, logħob, ikel Malti, tombla eċċ. Din hija attività importanti ħafna biex jinġabru fondi għall-festa. Nattendu bi ħġarna.

Il-Ħadd 9 ta’ Lulju: Jum l-Ulied Ġodda fil-Parroċċa

9.30am Quddiesa li fiha jiġi ċċelebrat s-Sagrament tal-Magħmudija. Wara jiġu ppreżentati lil San Sebastjan it-trabi li twieldu matul is-sena li għaddiet. 8.00pm Tkompli l-Lejla Qormija fuq iz-zuntier tal-Knisja.

It-Tnejn 10 ta’ Lulju: Bidu tal-Ġimgħa tal-Festa

8.00am Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 12.00pm Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 6.30pm Korteo bis-sehem tal-għaqdiet reliġjużi u ċiviċi fil-parroċċa mill-Knisja Parrokkjali għal ħdejn l-istatwa ta’ San Sebastjan fi Triq San Bastjan, fejn jitqegħdu l-kuruni tar-rand. Tingħata tislima mill-Kappillan Dun Joseph Buhagiar u jitkanta l-innu popolari. 7.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mmexxija mill-Kappillan Dun Joseph Buhagiar. Wara l-quddiesa ssir ċelebrazzjoni tal-Kelma. 8.15pm Ħruġ tal-vara ta’ San Sebastjan min-niċċa sal-bieb tal-Knisja fejn tingħata tislima mill-parruċċani u mill-Banda San Sebastjan tas-Soċjetà Filarmonika Pinto li wara tagħmel marċ tul dawn it-toroq: il-Vitorja, Antonio Muscat Fenech, l-Imdina, Muscat Fenech, San Dwardu, iż-Żinżel, San Bastjan, San Benedittu, il-Kbira, Correa, il-Kunċizzjoni u San Bastjan sa quddiem il-Każin. 8.15pm Ħruq ta’ salut, kaxxa nfernali u settijiet ta’ murtali tal-beraq bil-logħob u murtaletti.

7


Festa 2017 9.00pm Ħruq ta’ sferi, blalen, beraq kulurit, bukketti u murtali tal-kulur u kaxxa tal-kulur.

It-Tlieta 11 ta’ Lulju: Jum it-Tfal

6.15pm Korteo mit-tfal bl-istatwa ż-żgħira ta’ San Sebastjan. Jitlaq mill-MUSEUM tas-subien. Matul it-triq isiru waqfiet ta’ riflessjoni quddiem l-istatwi ta’ San Sebastjan u ta’ San Ġorġ. 7.00pm Quddiesa għat-tfal fil-Knisja Parrokkjali mmexxija minn Dun Lino Azzopardi. 8.30pm Marċ mill-Banda Imperial tal-Mellieħa li jibda mit-Triq l-Aħwa Żammit u jgħaddi mit-toroq: Mikiel Anton Vassalli, l-Kanun, Karm Debono, talBajjada, Valletta, ir-Ragħaj, Furnar, Valletta, Pawlu Farrugia, Correa, Ħabbież, Ġunġlien, Amleto Spiteri, Tensila, Ħabbież, Ġużeppi Ciappara, ilKbira, Correa, u jdur għal quddiem il-Każin.

L-Erbgħa 12 ta’ Lulju: L-Ewwel Jum tat-Tridu: Jum l-Anzjani / Jum ilFamilja

8:00am Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 9.30am Quddiesa għall-anzjani u l-morda taż-żewġ parroċċi ta’ Ħal Qormi, li fiha jingħata is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, immexxija minn Dun Lino Azzopardi. Imħeġġin jattendu l-anzjani kollha, sew dawk li ilhom ma joħorġu minn djarhom, kif ukoll dawk li jinsabu fid-djar tal-anzjani. 12.00pm Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 6.30pm Dun Carl-Mario Sultana jiċċelebra l-quddiesa tal-Ewwel Jum tat-Tridu, bil-prietka minn Patri Christian Anthony Borg, OFM Conv, Kappillan talParroċċa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad. Il-mistiedna speċjali jkunu dawk li qed ifakkru l-5, 10, 25, 50 sena miż-żwieġ tagħhom. Wara kurunella, Innu tal-Martri, Antifona, Barka Sagramentali u Innu Popolari. 8.00pm Mat-tmiem il-funzjoni ħruq ta’ murtali u murtaletti. 8.30pm Marċ mis-Soċjetà Mużikali Santa Katerina V.M. taż-Żurrieq li jibda minn Triq it-Tin u jgħaddi mit-toroq: Ħal Luqa, Mdina, Ġużè Duca, Santa Katerina, Mdina, il-Ġdida, San Dwardu, Santa Katerina, id-Drama, l-Għana, San Dwardu, Santa Katerina, il-Vitorja u San Bastjan sa quddiem il-Każin.


San Sebastjan, Ħal Qormi 9.00pm Ħruq ta’ sferi, blalen, beraq kulurit, bukketti, murtali tal-kulur u kaxxa talkulur. 9.45pm Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan tibda marċ minn Triq Santa Katerina għal Triq il-Vitorja u Triq San Bastjan sa quddiem il-Każin fl-okkażjoni tal-155 sena mit-twaqqif tal-istess Soċjetà. 11.45pm Fi tmiem il-marċ brijuż piroteknika u kuluri ppreparat mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi.

Il-Ħamis 13 ta’ Lulju: It-Tieni Jum tat-Tridu: Jum il-lajċi mpenjati / Jum l-Emigranti

8.00am Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 12.00pm Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 6.30pm Dun Joe Borg iqaddes il-quddiesa tat-Tieni Jum tat-Tridu. Mistiedna b’mod speċjali dawk kollha li huma involuti fil-ħidma tal-parroċċa. Prietka minn Patri Christian Anthony Borg OFM Conv. Wara kurunella, Innu tal-Martri, Antifona, Barka Sagramentali u Innu Popolari. 8:00pm Ma’ tmiem il-funzjoni ħruq ta’ murtali u murtaletti. 8.00pm Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan tagħmel marċ tul Triq San Bastjan u wara tkompli bi Programm vokali u strumentali quddiem il-Każin tas- Soċjetà Filarmonika Pinto. 9.00pm Ħruq ta’ sferi, blalen, beraq kulurit, bukketti u murtali u kaxxa tal-kulur.

Il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju: It-Tielet Jum tat-Tridu: Jum iddedikat għassaċerdoti u reliġjużi

8.00am Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 12.00pm Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 6.30pm Dun Mark Ellul iqaddes il-quddiesa tat-Tielet Jum tat-Tridu li għaliha jkunu mistednin b’mod speċjali s-saċerdoti u r-reliġjużi minn din il-Parroċċa. Ilprietka ssir minn Patri Christian Anthony Borg OFM Conv. Wara kurunella, Innu tal-Martri, Antifona, Barka Sagramentali u Innu Popolari. 8.00pm Ma’ tmiem il-funzjoni ħruq ta’ murtali u murtaletti. 8.30pm Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan tibda marċ li jgħaddi mit-toroq San Bastjan, Armier, Spiteri Fremond, Ġnien, Fontanier, Misraħ


Festa 2017 Narbona, De La Cruz, Sienja, 20 ta’ Jannar, Ġorġ Borg, Triq Santa Marija, San Benedittu, San Ġużepp, Kunċizzjoni, Correa, Mifsud Ellul, Il-Kbira sa tarf Triq San Sebastjan. 9.00pm Ħruq ta’ sferi, blalen, beraq kulurit, bukketti, murtali tal-kulur u kaxxa talkulur.

Is-Sibt 15 ta’ Lulju: Lejliet il-Festa

7.30am Qrar sad-9.30am. 8.30am Quddiesa ta’ ringrazzjament mmexxija minn Dun Mark Mallia Pawley li tispiċċa bil-kant tat-Te Deum. 9.00am Mal-kant tat-Te Deum tinħaraq kaxxa infernali, murtali u murtaletti. 11.45am Ħruq ta’ murtali u murtaletti. 5.15pm Quddiesa ta’ Lejliet il-Festa. 6.30pm Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Sebastjan Martri, immexxija minn Dun Sergio Fenech, mill-Knisja ż-Żgħira sal-Knisja Parrokkjali. Għasar Solenni u Barka Sagramentali (Ma ssirx il-quddiesa tas-6.30pm. Minflok isir l-Għasar). 6.30pm L-Għaqda tan-Nar San Sebastjan ssellem lir-Relikwa ta’ San Sebastjan Martri bi ħruq ta’ Salut, kaxxa infernali u settijiet ta’ murtali u murtaletti. 8.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali. 8.30pm Marċ mill-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar li jitla’ tul it-Triq San Sebastjan sa quddiem il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Pinto fejn l-istess Banda tesegwixxi Programm Mużikali. Wara l-Programm Mużikali jsir marċ li jgħaddi minn Triq San Bartilmew għall-Pjazza Kortil talGranmastru. 9.30pm Spettaklu pirotekniku li jibda bil-bomba tal-lampjun, sferi u blalen u disinji, logħob varjat ta’ beraq kulurit, bukketti u murtali tal-kulur, murtali bilblalen u varjazzjoni ta’ blalen kbar, li jispiċċa b’kaxxa tal-kulur u baraxxi. 11.30pm Ħruq tan-nar tal-art fil-Pjazza tal-Granmastri.

Il-Ħadd 16 ta’ Lulju: Jum il-Festa

Quddies filgħodu: 6.30am, 8.15am, 11.00am 8.15am Quddiesa Solenni mmexxija mill-Kappillan Dun Joseph Buhagiar bissehem tal-Kleru tal-Parroċċa. Il-Paniġierku isir minn Patri Andrew Galea OFM Conv. 9.30am Waqt is-Sanctus ħruq ta’ murtaletti. 10.30am Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan tagħmel il-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu li jibda’ minn quddiem il-Każin tas-Soċjetà u jgħaddi mit-toroq San Bartilmew, il-Vitorja, San Rafel, il-Vitorja, San Bastjan, San Bartilmew, il-Kbira u San Bastjan sa quddiem il-Każin tas-Soċjetà.

10


San Sebastjan, Ħal Qormi 6.00pm Quddiesa solenni minn Dun Mark Mallia Pawley. 6.30pm Marċ mill-Għaqda Mużikali Maria Bambina Banda Vitorja tan-Naxxar tul Triq San Sebastjan, Triq San Bartilmew u tilqa’ il-ħruġ tal-Istatwa ta’ San Bastjan Martri mill-Knisja. Fit-8.15pm l-istess banda tagħmel programm mużikali quddiem il-Każin tas-Soċjetà. 7.15pm Ħruġ tal-Purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Sebastjan, li tgħaddi minn dawn it-toroq: il-Vitorja, San Rafel, San Bastjan, San Bartilmew, il-Kbira, San Bastjan, San Bartilmew sal-Knisja Parrokkjali. Il-purċissjoni titmexxa minn Dun Sergio Fenech. Il-Purċissjoni tkun akkumpanjata mill-Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ 7.15pm Mal-ħruġ tal-purċissjoni ħruq ta’ salut, kaxxa infernali spanjola kbira u sett ta’ murtali bil-logħob. 8.30pm L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tal-Ħamrun tibda’ marċ minn Triq San Bartilmew u jgħaddi minn dawn it-toroq: il-Kbira, San Bastjan, San Bartilmew sa quddiem il-Knisja Parrokjali fejn takkumpanja fid-dħul tal-istatwa ta’ San Sebastjan Martri. Fil-11.00pm l-istess banda tagħmel il-marċ tal-aħħar fejn takkumpanja lid-dilettanti tan-nar sa quddiem ilKażin tas-Soċjetà. 9.30pm Ħruq ta’ sferi, blalen, beraq kulurit, bukketti u murtali tal-kulur u kaxxa tal-kulur, mad-dħul tal-Purċissjoni. 10.30pm Dħul tal-purċissjoni bil-kant tal-Antifona. Tingħata l-barka sagramentali. Il-festa tintemm bil-kant tal-Innu Popolari.

Tnejn 24 ta’ Lulju: Dħul tal-vara fin-niċċa

6.30pm Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-festa. Wara l-quddiesa l-vara titqiegħed f’postha fin-niċċa. Il-ċelebrazzjonijiet kollha li jsiru fil-Knisja mill-ħruġ tal-vara sa jum il-Festa jkunu trasmessi fuq Radju Bastjaniżi FM, frekwenza 95, kif ukoll fuq l-internet. Il-kor u l-orkestra jkunu taħt id-direzzjoni tal-Mro Herman Farrugia Frantz. In-nar kollu ta’ matul il-ġimgħa tal-festa ġie maħdum fis-St Sebastian Fireworks Factory taħt id-direzzjoni tal-licensee, is-Sur Justin Facciol. Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan tkun taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur Mro Dominic Darmanin.

11



San Sebastjan, Ħal Qormi

Dun Ġwann Bugeja 1926 -2017 Fit-3 t’April tħabbret il-mewt ta’ Dun Ġwann Bugeja, qassis millParroċċa San Sebastjan Ħal Qormi. Dun Ġwann twieled l-Isla fl10 ta’ Lulju 1926. Wara żmien, il-familja tiegħu marru joqgħodu l-Belt u aktar tard Birkirkara fejn fil-bidu tal-gwerra kien refuġjat. Ħa l-edukażzjoni tiegħu fl-iskola tal-Gvern u wara fl-iskola talAgostinjani, l-Belt. Fl-1938 daħal jistudja s-Seminarju u ġie ordnat saċerdot f’Awwissu tal-1952. L-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Monsijur Mikiel Gonzi bagħtu fil-parroċċa tagħna, San Sebastjan Ħal Qormi. Ftit xhur wara ġie joqgħod fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi fejn beda u tista’ tgħid spiċċa l-ħidma pastorali tiegħu ta’ 65 sena ġo l-istess parroċċa li tant kien iħobb u jgħożż. Sa mil-bidu nett medd għonqu għal ħidma parrokkjali. Ħadem u stinka mad-diversi Kappillani tal-parroċċa: speċjalment fil-bini tal-Knisja l-Kbira: minn Dun Alwiġ Psaila, l-ewwel Kappillan ta’ din il-parroċċa, li kellu ammirazzjoni kbira lejh u warajh ma’ Dun Ġuzepp Cauchi, Monsinjur Vinċenz Deguara, li baqa’ jitkellem fuqu sa l-ahħar, Monsinjur Charles Cordina, Dun Walter Cauchi u Dun Joe Buhagiar, il-Kappillan preżenti. Barra li kien jieħu ħsieb l-abbatini tal-parroċċa, kellu f’idejh it-Tagħlim tadDuttrina, l-Azzjoni Kattolika (fil-bidu Direttur Spiritwali tax-xebbiet u wara għal ħafna żmien Direttur tal-Azzjoni Kattolika tan-nisa). Għal xi żmien kien ukoll id-Direttur Spiritwali tal-Każin tal-Banda Filarmonika Pinto. Hu kien iħobb ħafna r-reliġjużi u l-għaqdiet – kien iqarar u jqaddes ukoll

13

għand is-Sorijiet Agostinjani, dik li konna nsejħula l-Abbatija u kellu rispett kbir lejn il-membri tasSoċjetà tal-M.U.S.E.U.M minħabba li hu stess jirrakkonta li ħafna mit-tagħlim religjuż li ħa kien meta kien jattendi l-M.U.S.E.U.M f’Birkirkara. Jirrakkonta meta l-għażiża ommu kienet ħaditu għal parir fir-rigward tal-vokazzjoni tiegħu għand Dun Ġorġ Preca li llum dikjarat qaddis. Dun Ġwann baqa’ dejjem jistudja – speċjalment it-Teoloġija. Il-laqgħat u l-prietki tiegħu dejjem ġibdu n-nies għaliex minħabba li bħala professjoni kien ukoll għalliem tar-Reliġjon u tal-Guidance and Couselling, il-mod ta’ kif kien jispjega l-Kelma t’Alla kien tali li jfiehem lil kulħadd b’mod loġiku u ċar. Kien jieħu l-prietki tiegħu bisserjeta’ u kien jiprepara għalihom b’reqqa kbira. Il-Quddiesa tal-5.45 tal-Ħadd filgħodu ma kienx ifalliha anke jekk ikun ma jiflaħx ħafna jew xita nieżla qliel. Minn jaf kemmil darba niżel f’xita ma tarax art, jixxarrab għasra u jibqa’ sejjer biex iqaddes u qabel xejn biex iqarar lil dawk li bil-ħerqa kienu jkunu qegħdin jistennewh. Barra minn hekk Dun Ġwann kellu pinna tajba. Kien kontributur regolari fil-fuljett parrokkjali ‘Sliem u Hajja’. Min jaf kemm prepara ‘handouts’ reliġjużi skont is-suġġett li fuqu kien ikun ser jitkellem fil-laqgħat li kien jagħmel. Kien jemmen li l-Knisja Kattolika trid tinvesti fit-tagħlim reliġjuż bisserjetà, speċjalment fit-tagħlim tal-Kotba Mqaddsa. F’età venerabbli ta’ ’l fuq minn 70 sena kien deċiz li jitgħallem il-kompjuter sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu


Festa 2017 ta’ għalliem u predikatur b’aktar professjonalità. Filbidu tal-era tal-kompjuters ma kienx hawn CDs talBibbja għalhekk iddeċieda li jittajpja l-Bibbja kollha huwa stess fuq il-Kompjuter ħalli jkun jista’ jsib is-siltiet li kellu bżonn bl-aktar mod faċli. Ittajpajpja wkoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – xi ħaġa talmeravilja meta tiftakar l-età li kellu imma fuq kollox iddeterminazzjoni tiegħu li jgħallem. Peress li kellu għal qalbu l-mużika sagra, Dun Ġwann waqqaf il-Kor Parrokkjali Laudate Dominum fis- 7 ta’ Marzu 1972 u kien il-Maestro di Cappella tal-Parroċċa San Sebastjan. Ikkompona diversi biċċiet tal-Muzika għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir kif ukoll għall-Festa ta’ San Sebastjan: bħal innijiet ‘O Mulej Inti l-Ħlas u l-Kuruna’ u l-Antifona: O Kbir Martri ta’ Kristu, Sebastjanu. Fl-Lulju tal1982 indaqqet mill-ġdid wara għaxar snin l-Antifona famuża ‘Egregie Christi Martyr’ tas-Surmast Vincenzo Bugeja b’arranġament u orkestrazzjoni tal-istess Dun Ġwann Bugeja u li għadha tindaqq b’entużjażmu kbir mill-parruċċani fil-festa titulari ta’ San Sebastjan. Barra l-lingwa tal-Mużika Dun Ġwann kien jippossiedi tajjeb il-lingwa Ingliża, jitkellem fluwenti bit-Taljan u jikteb tajjeb bil-Latin. Kien jaf ukoll il-Franċiż, l-Ispanjol u t-Tedesk. Minn jaf kemm-il darba pprova jiċċajta man-nerses fid-Dar tal-Kleru u jipprova jkellimhom bl-Ispanjol avolja kien jieħu r-risposti bil-Malti.

Minbarra l-istudju tal-Bibbja Dun Ġwann kellu diversi interessi u passatempi fosthom ilFotografija, speċjalment meta kien ikun imsiefer. Ħafna drabi s-safar kien bżonn għalih, speċjalment meta kien isiefer għal kura. Kien jgħid li s-safar jiftaħlek orizzonti ġodda speċjalment jekk tkun tieħu interess filkultura tal-pajjiżi li tkun qiegħed iżżur. Dun Ġwann kien iħobb il-futbol u jsegwi l-logħob b’interess liema bħalu – tistħajlu qiegħed jilgħab hu meta jkun qed jara xi logħba fuq it-televiżjoni b’xi daqqa ta’ sieq mal-mejda meta jiskorja t-tim favorit tiegħu. Barra mill-futbol kien iħobb jimxi mixjiet twal – ta’ 90 sena kien jitla’ ĦażŻebbuġ bil-mixi u jerġa’ lura Ħal Qormi. Kien iħobb in-natura – Jitpaxxa jara l-fjuri li jkun ħawwel jieħdu l-ħajja. Il-kura tal-pjanti kien l-aktar passatemp għal qalbu. Dun Ġwann Bugeja: Qassis devot talMadonna, għalliem, studjuż, serju f’xogħolu, qassis b’viżjoni moderni, b’sens t’umoriżmu imma b’sens akbar ta’ altruiżmu, bniedem ta’ ċaħda. Twieled, għex u miet fil-faqar: kif xtaq, karitattiv, ġeneruż: dak li kellu ma kienx tiegħu. Ma kellu xejn u ħa ħafna miegħu għand il-Missier. Għalkemm m’għadux magħna fil-ġisem, it-tifkira tiegħu se tibqa’ f’qalbna – niftakru fih fit-talb tagħna ħalli jsib ħniena quddiem Dak li tant ħabb u ħadem għaliH. Grazzi Dun Ġwann. Josephine Mifsud

14


San Sebastjan, Ħal Qormi

Kbir Qaddis San Sebastjan Jinfetħu beraħ bibien it-tempju Naraw fuq naħa ta’ Ġesù msallab, Lilek San Sebastjan mogħni b’rebħa glorjuża U r-ruħ mixtieqa għall-verità, Ir-ruħ għajjiena tfittex l-imħabba u s-serenità Issib il-hena fid-dehra tiegħek O Kbir Qaddis

Il-preżenza tiegħek San Sebastjan, Issemmgħalna l-eku tat-tbatija li sofrejt, Iva, inti kont dak il- blanzun safi li nibet f’deżert l-ereżijiet, Żammejt ’il fuq min-nassa ta’ dak kollu pagan Dewwaqt il-balzmu ta’ kliem Ġesù Lil dawk li bħalek kienu taħt it-theddid. B’tarka tal-aqwa qalbien iġġilidt l-uġiegħ Għaddejt mill-martirju u bla biża’ Għannaqt miegħek il-mewt ħarxa U ruħek tfewwaħ bħal duħħan l-inċens minn fuq l-altar Tadura marret għal dejjem lill-Missier.

Bħax-xemx sabiħa tħammar u tħeġġeġ Bir-raġġi sħan f’żernieq t’għodwa sajfija, Hekk inti San Sebastjan tħeġġeġ lil qalbna bir-raġġ tat-tama, Tħeġġeġ fina nagħrfu s-sewwa, Bħal nixxiegħa t’ilma ġieri jinżlu fuqna l-grazzji tiegħek U aħna ħerqana nimxu miegħek Għax fik naraw skolpit il-veru twemmin lejn il-Feddej.

Anna Reale

W I N E S & S P I R I T S 28, Triq Guze` Duca, Qormi, QRM9088, Malta. T:(+356) 21490110 - (+356) 7939-0110

We stock: Fine Wines, Spirits, Single Malt Whiskies, Herbal and Fruit teas and Coffee Beans. We also organise private wine and whisky tasting sessions for groups of approx. 10 people. (you can find us 50 metres up from the 'The Edge' takeaway)

il-bettija wines and spirits www.ilbettija.com.mt e-mail: bettija@go.net.mt

15


Festa 2017

Il-Bankun tal-Vara Titulari

Issettjat u Stampat: Best Print Ltd, Qrendi

Matul din is-sena tkompla x-xogħol fuq il-bankun tal-istatwa titulari ta’ San Sebastjan. Ix-xogħol qed isir minn Frankie Attard u George Psaila u l-iskultura minn Stephen Borg. Nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju wieħed ikun jista’ jara l-bankun fil-post fejn qed jinħadem fi Triq il-Vitorja.

16


Importers of all types of Wood & Steel Hot Dip Galvanising Caruana Buildings, Óandaq Industrial Estate, Qormi Tel: 2148 8824 • Mob: 9949 0806 Caruana Buildings M©arr Road, Victoria - Gozo • Tel: 2156 0019 • Fax: 2158 7464 josephcaruanamalta@onvol.net Find us on Facebook

For the young and the young at heart

Bus 101 from Mellieha

Opening Hours: Jul - Aug: 9.30 - 19.00 Nov - Mar: 9.30 - 16.30 Apr - Jun, Sep - Oct: 9.30 - 17.30 popeyevillagemalta

www.popeyemalta.com

Anchor Bay

popeyemalta79

Ghadira Bay

2km away


WE ARE FLEXIBLE TO YOUR NEEDS

ApARTMENT 1A 110sqm

ApARTMENT 4A 116sqm

ApARTMENT 6A 116sqm

A | 128, Triq San Bartolomew, Qormi, QRM 2184 W | www.tadernis.com E | info@tadernis.com M | 9986 0983


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.