Knisja Arċipretali San Sebastjan Ħal Qormi
Avviżi Tal-Kommunità
It-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej
29 ta’ Mejju 2022
____________________________________________________________________________________
Għada/Illum, infakkru l-40 sena mill-ftuħ tal-Knisja għażiża tagħna. Kien propju fid-29 ta’ Mejju 1982 li din il-Knisja nfetħet u tbierket mill-Arċisqof Ġużeppi Merċieca, fi żmien il-Kappillan Dun Vincenz Deguara. Dan l-anniversarju għandu jkompli jħeġġina biex mhux biss napprezzaw din il-binja u nieħdu ħsiebha, kif fil-fatt qed nagħmlu, imma ngħożżuha għax din hija d-dar ta’ Alla, li tilqa l-kulħadd u li fiha niċċelebraw l-Ewkaristija u li permezz tagħha nagħrfu li aħna parti mill-familja ta’ Alla u allura lkoll aħwa bejnietna, għax aħna familja waħda. Nieħdu l-okkażjoni sabiex nirringrazzjaw lis-saċerdoti tad-disponibiltà tagħhom, kif ukoll lis-sagristan u l-voluntiera kollha li jżommu din il-Knisja nadifa u bl-aqwa mod.
Nhar it-Tnejn/Għada, bejn is-7.00pm u s-7.30pm issir n-Nofs Siegħa mal-Kelma fil-Knisja. Din il-lectio Divina tkun bi tħejjija għall-festa ta’ Pentecoste u tkun miftuħa għal kulħadd.
Nhar l-Erbgħa fis-7.00pm tiltaqà l-Kummissjoni familja u fit-8.15pm l-Kummissjoni Djakonija fid-dar parrokkjali.
Nhar il-Ġimgħa, ikun l-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Ġunju, lkoll mħeġġa biex nersqu għall-Qrar u t-Tqarbin u għalhekk mis-6.00pm ‘l quddiem ikun hawn fil-Knisja għall-Qrar Patri Alex Scerri O.Carm bħalha konfessur barrani. Imbgħad bejn is-7.00pm u s-7.30pm ilkoll mistiedna biex bħalha Komunità nieħdu sehem fl-Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija u li ser tkun animata mill-Grupp ta’ Talb għall-Vokazzjoniet u l-abbatini tal-Parroċċa.
Il-Ħadd li ġej niċċelebraw il-festa ta’ Għid il-Ħamsin, fejn infakkru l-bidu tal-ħidma tal-Knisja permezz tal-Appostli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Quddiesa tal-11.00am tkun bis-sehem tal-addoloxenti subien li ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof din is-sena u l-ġenituri tagħhom, filwaqt li l-Quddiesa tas-6.00pm tkun bis-sehem tal-addoloxenti bniet li ser jirċievu s-Sarament tal-Griżma tal-Isqof u l-ġenituri tagħhom. Dakinhar dawn l-addoloxenti ser jressqu t-talba tagħhom lill-Knisja biex f’Novembru li ġej jirċievu dan is-Sagrament.
TRIQ SAN BARTILMEW, ĦAL QORMI QRM 2184
•
T EL: 21 48 6 35 0
•
E-M AI L: i nf o @q or m i sb p ari s h . org