2 minute read

u l-ħidma ta’

Fondazzjoni Sagħtar kontinwament għaddejja bil-ħidma tagħha b’risq l-iżvilupp edukattiv tal-istudenti u biex tgħin fl-iżvilupp professjonali tal-edukaturi kollha.

Xjen-Tek fl-aqwa tiegħu

Advertisement

Proġett ewlieni li għaddej fl-aqwa tiegħu bħalissa huwa Xjen-Tek. Fl-edizzjonijiet tas-Sagħtar ta’ din is-sena qed inwasslu kunċetti xjentifiċi ppreżentati b’mod applikat permezz ta’ erba’ mudelli biex jinbnew mill-istudenti stess bi ftit struzzjonijiet. Filwaqt li nħarsu lejn it-teknoloġija użata biex isiru l-mudelli, nistiednu lill-qarrejja sabiex ikunu kreattivi u joħorġu b’ideat innovattivi dwar it-tiżjin u l-użu tal-mudelli.

Biex nispjegaw aħjar il-kunċett xjentifiku u kif jinbena kull mudell ħloqna filmat introduttiv dwar it-teknoloġija użata u erba’ vidjows oħra, wieħed dwar kull mudell, li qed jittellgħu fl-app tas-Sagħtar kull xahar skont il-mudell li jkun imiss. Biex wasalna s’hawn kellna l-għajnuna taċ-Ċentru tat-Tagħlim tad-Disinn u t-Teknoloġija, partikolarment is-Sur Keith Galea, Uffiċjal Edukattiv tad-Disinn u t-Teknoloġija (D&T), u s-Sa Maria Laura Vella Clark, għalliema tad-D&T, li ppreżentaw il-vidjows tal-introduzzjoni u tal-mudelli.

Qegħdin f’Marzu, u s’issa qassamna l-ewwel żewġ mudelli: “Il-Karru tal-Karnival” (f’ħarġa 375 ta’ Frar 2023) u “Il-Vulkan tal-Kuluri” (f’ħarġa 376 ta’ Marzu 2023). Iż-żewġ mudelli l-oħrajn jitqassmu mal-aħħar żewġ ħarġiet tas-sena.

Nistednukom taqraw l-artiklu kull xahar fir-rivista stampata jew mis-sit tal-Fondazzjoni u ssegwu l-vidjow fuq l-app, u fuq kollox inħeġġukom tarmaw il-mudelli u tibagħtulna vidjows jew ritratti tagħhom, biex napprezzaw il-kreattività u l-abbiltà tagħkom, inxandruhom fis-sit u l-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu premju sabiħ fl-aħħar tas-sena skolastika. Infakkrukom biss li Xjen-Tek jitqassam b’xejn mar-rivista stampata. Għalhekk, jekk jinteressakom il-proġett, inħeġġukom tordnaw is-Sagħtar stampat minn www.saghtar.org.mt/hanut.

Dan il-proġett qed jinġieb lilkom permezz ta’ fondi miksuba mill-iskema Xjenza u Innovazzjoni fil-Komunità u qed isir b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kurrikulu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

L-App

Infakkrukom fl-app tas-Sagħtar, li tniżżluha b’xejn mill-Google Play jew mill-App Store. Aktar informazzjoni ssibuha fis-sit www.saghtar.org.mt. Dalwaqt se nniedu l-parti tal-logħob u nintroduċulkom l-ewwel żewġ logħbiet. Apparti dan naturalment kull xahar qed intellgħu l-edizzjoni rispettiva tas-Sagħtar, flimkien ma’ xi siltiet moqrija li jkunu ppubblikati fir-rivista, u kif semmejna, il-vidjow dwar il-mudell imqassam mar-rivista stampata ta’ dak ix-xahar.

Pubblikazzjonijiet

Infakkrukom ukoll li Fondazzjoni Sagħtar ippubblikat 3 kotba sbieħ li tistgħu fis-sit www.saghtar.org.mt:

• Sagħtarin (ħarġa 1)

Ktieb tal-attivitajiet għat-tfal iż-żgħar (KG2-Year 3)

• Stejjer tal-Waħ … Waħ … Waħx

Ktieb bl-istejjer dwar iħirsa u esseri oħra tal-waħx bi stil komiku u divertenti mill-awtur Trevor Żahra, b’illustrazzjonijiet mill-isbaħ ta’ Nadine Debattista Briffa

• L-Għalliema u l-Istudenti tal-Kulleġġ San Xi Ħadd

Ktieb tal-komiks bil-Malti tal-artist Dean Fenech, dwar praspar u avventuri li jgħaddu minnhom l-istudenti u anki l-għalliema f’kulleġġ tipiku f’Malta

Sagħtar 2023-2024

Fondazzjoni Sagħtar timmira dejjem li ssaħħaħ u ttejjeb ix-xogħol tagħha, inkluż ir-rivista popolari Sagħtar.

Għalhekk qed insejħu lil kull min jixtieq jiktbilna fl-indirizz korrispondenza@ saghtar.org.mt b’żewġ għanijiet partikolari:

- biex tagħtuna l-ideat tagħkom dwar il-ħarġiet ta’ din is-sena, u tgħidulna s-suġġerimenti u x-xewqat tagħkom biex intejbu r-rivista fis-sena skolastika 2023-2024;

- jekk tixtiequ tikkontribwixxu fir-rivista matul is-sena li ġejja, biex tibagħtulna l-kitbiet tagħkom biex jikkunsidrahom il-bord editorjali. Fondazzjoni Sagħtar tixtieq lil kulħadd Għid sabiħ u l-kumplament tas-sena mill-aqwa! Niltaqgħu ma ndumux!

This article is from: