3 minute read
MINDFULNESS prattika li aktar persuni qed isiru konxji tal-bżonn tagħha
from Eduka - April 2023
by Union Print
jew saħansitra f’mumenti ta’ tensjoni bħal pereżempju qabel xi eżami jew test. “L-istudenti hawnhekk jistgħu jipprattikaw eżerċizzji tan-nifs (breathing exercises), jieqfu jieħdu pawsa jew jużaw il-FOFBOC biex ikunu mindful. Il-FOFBOC li tfisser Feet On Floor Body On Chair huwa mod kif l-istudenti, waqt li qegħdin bilqiegħda fuq is-siġġu tal-iskola, jistgħu jidħlu fi prattika li jiffokaw fuq saqajhom ikunu mal-art u ġisimhom fuq is-siġġu”
Dan ċertament jgħin f’dak li bl-Ingliż insejħulu ‘grounding’ fejn huma jkunu kapaċi jmexxu l-attenzjoni ’l bogħod mill-ħsibijiet tal-passat u jiggwidawhom għas-sigurtà preżenti. Permezz t’hekk ikunu kapaċi jibqgħu kalmi u kostanti f’mumenti ta’ inkwiet u ta’ dwejjaq.
Advertisement
Fl-aħħar snin smajna mhux ftit dwar mindfulness u kif dan jista’ jgħinna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. F’xi pajjiżi barranin bħall-Ingilterra, sessjonijiet ta’ mindfulness qegħdin jiġu inklużi fl-attivitajiet ta’ kull ġimgħa kemm għal studenti tal-primarja u anki dawk akbar fl-età. Biex insiru nafu aktar dwar din il-prattika u kif jista’ jiġi addottat fil-ħajja ta’ kuljum tat-tfal tagħna, iltqajt u tkellimt ma’ ELAINE AZZOPARDI, edukatriċi li barra li ftit tas-snin ilu temmiet b’suċċess kors fl-Ingilterra dwar l-użu ta’ din il-prattika mat-tfal, waqqfet ukoll l-entità MINDFULNESS WITH ELAINE kkunsidrata fost l-ewlenin bħalissa f’pajjiżna u li toffri sessjonijiet ta’ mindfulness lit-tfal kemm waqt u anke wara l-ħin tal-iskola, f’ambjenti differenti.
Qabelxejn mistoqsija dwar x’inhi mindfulness, Elaine qaltli li din hija prattika li wieħed jista’ jaddotta f’ħajtu u li tħalli effett fuq is-saħħa tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru. “Mindfulness mhix teknika jew idea tajba, iżda mod ta’ kif wieħed għandu jgħix fil-ħajja ta’ kuljum, proċess li jintensifika ruħu aktar ma jiġi pprattikat. Din il-prattika tinvolvi li nkunu preżenti fil-mument, konxji tal-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna filwaqt li nagħrfu li nkunu qalbna tajba u kompassjonali magħna nfusna u mal-oħrajn,” tenniet Azzopardi.
Iżda eżattament liema taħseb li huma l-benefiċċji ta’ mindfulness?
Elaine kkonfermatli li r-riċerka li saret fl-aħħar snin fix-xena internazzjonali tikkonferma li mindfulness tgħin fil-benesseri ġenerali tal-bniedem fejn wieħed jista’ jgħix ħajja aktar kuntenta u trankwilla, ’il bogħod mill-ansjetà, mill-istress u l-għeja li ġġib magħha l-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha. Tgħin biex inkunu aktar iffukati f’dak li qed nagħmlu u nagħrfu x’inhu importanti u x’mhuwiex.
Dwar l-użu tal-prattika ta’ mindfulness f’livell ta’ skola u dwar liema suġġetti temmen li mindfulness jista’ jiġi assoċjat miegħu u jiġi implimentat bis-saħħa tiegħu, Azzopardi tenniet li peress li mindfulness huwa mod t’għajxien, dment li inti tieħu t-taħriġ meħtieġ u tibqa’ tipprattikah, allura jista’ jiġi addottat f’kull ħin u mument tal-ġurnata. Fuq livell akkademiku, l-istudenti jistgħu jkunu mindful il-ħin kollu, sew jekk qed jieklu, jimxu, jekk qed jipparteċipaw f’diskussjoni, jekk qed jieħdu xi deċiżjoni, waqt xi esperiment tax-xjenza billi jkunu konxji tas-sensi tagħhom
Iżda min-naħa l-oħra sessjonijiet ta’ mindfulness mat-tfal kif ivarjaw minn dawk tal-adulti? Fl-essenza tiegħu, il-prattika ta’ mindfulness hija l-istess kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar. Però ovvjament, il-programm għat-tfal huwa addattat u ssimplifikat biex jappella għall-età li jkun qed jiġi mgħallem, kemm bħala lingwaġġ, kuluri, ritratti u videos li jintużaw, kif ukoll għall-ammont ta’ ħin li jiġi ddedikat għalih f’kull sessjoni. Saħansitra ssir distinzjoni wkoll bejn tfal tal-primarja minn dawk li qegħdin fis-sekondarja. Pereżempju l-ħinijiet tal-eżerċizzji prattiċi għal tfal ta’ ċertu età jkunu itwal proprju minħabba l-attenzjoni li jkunu kapaċi jżommu tfal ta’ età ikbar.
Dwar kif tkun organizzata sessjoni ta’ mindfulness u kemm tkun twila, Elaine Azzopardi enfasizzat li lezzjoni għat-tfal bejn wieħed u ieħor tkun twila bejn 30 u 60 minuta, filwaqt li dik għall-kbar tkun naqra itwal bejn 90 u 120 minuta. Kull lezzjoni tinqasam bejn eżerċizzji prattiċi, teorija li tinkudi videos u ritratti, diskussjoni fil-klassi, diskussjoni fi gruppi żgħar, reviżjoni ta’ dak li jkun sar fis-sessjoni ta’ qabel, u prattika għad-dar fejn l-istudent jitħalla liberu jekk jagħmilhiex jew le. “Dan kollu jiddependi wkoll mill-ambjent li fih tkun qiegħda ssir din il-prattika.”
Iżda kif nistgħu nimplimentaw u nintegraw mindfulness fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? Skont Elaine dan jista’ jsir permezz ta’ meditazzjoni fuq bażi regolari; billi nkunu konxji tal-ħsibijiet tagħna, tagħna nfusna u ta’ dak li qed jiġri madwarna, permezz tas-sensi tagħna speċjalment sensazzjonijiet f’ġisimna f’mumenti emozzjonali bħal pereżempju ħmura fil-wiċċ jew tgħaqqid tal-ponn f’mumenti ta’ rabja u allura nitgħallmu nieħdu pawsa f’dawn il-mumenti; billi nkunu konxji ta’ ċerti drawwiet kemm fil-ħsieb kif ukoll f’dak li nagħmlu li jaf jgħinna ninbidlu jew li nbiddlu l-mod ta’ kif nagħmlu ċertu affarijiet; billi nuru ħniena magħna nfusna u mal-oħrajn mingħajr ma niġġudikawhom.
“Essenzjalment, mindfulness nistgħu nintegrawh f’dak kollu li nkunu qed nagħmlu matul il-ġurnata, sew jekk qegħdin nieklu, insuqu jew sempliciment waqt li qed nammiraw in-natura ta’ madwarna.”
Ġenituri interessati li wliedhom jibdew din il-prattika Elaine Azzopardi x’tissuġġerixxi li għandhom jagħmlu? Hi sostniet li llum il-ġurnata hawn aktar informazzjoni dwar Mindfulness u sirt tisma’ aktar dwaru. Hawn diversi siti li jippromwovu dan l-istil ta’ ħajja però forsi huwa naqra inqas popolari fejn jidħlu t-tfal. “Nissuġġerixxi lill-qarrejja biex jagħtu titwila l-paġna tiegħi fuq Facebook Mindfulness with Elaine li kuljum tinkludi ħsibijiet interessanti u informazzjoni dwar id-diversi attivitajiet li norganizzaw jiena u t-team tiegħi għaċ-ċkejknin tagħna minn żmien għal żmien kemm matul il-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola u anki fi tmiem il-ġimgħa.”
Elaine u l-kollegi tagħha qegħdin jippruvaw joffru lit-tfal esperjenzi kem xejn differenti f’lokalitajiet differenti. Dan grazzi għal diversi ftehimiet ta’ kollaborazzjoni li għandhom ma’ diversi entitajiet bħal RMJ Horse Rescue, Birdlife Malta, Esplora u Teatru Manoel. Ma’ dawn irridu nżidu wkoll għad ta’ skejjel fejn fihom l-istudenti jgawdu minn numru ta’ sessjonijiet ta’ Mindfulness li din l-entità qed toffri.
“L-entità tagħna hija akkreditata mid-Direttorati tal-Edukazzjoni u għalhekk dawk l-istudenti tas-sekondarja li jattendu s-sessjonjiet tagħna ta’ wara l-ħin tal-iskola jingħataw ukoll ir-rikonoxximent neċessarju li jistgħu jagħmlu referenza għalih fiċ-ċertifikat tattmiem l-edukazzjoni obbligatorja,” ikkonkludiet miegħi Elaine Azzopardi.