4 minute read
San Ġorġ Preca u l-Ġimgħa Mqaddsa
from Eduka - April 2023
by Union Print
San Ġorġ Preca (1880-1962) kien iħobb jgħid li kien Ġesù nnifsu li riedna naħsbu ta’ spiss fuq il-Passjoni tiegħu meta lill-appostli tiegħu qalilhom, wara li waqqaf l-Ewkaristija, biex dak li għamel hu jkomplu jagħmluh matul iż-żminijiet b’tifikra tiegħu. Kien josserva li dan ifisser li Ġesù riedna niftakru ta’ spiss f’dak li għadda mingħalih fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu, u kien proprju għalhekk li Hu waqqaf il-Quddiesa li, wara kollox, mhix ħlief it-tiġdid ta’ dak li darba ġara fuq il-Golgota.
Dun Ġorġ, devot kbir tal-Passjoni
Advertisement
Min-naħa tiegħu Dun Ġorg kien iħobb jimmedita ta’ spiss fuq il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù. U jidher ċar li dan kien jagħmlu minn żgħożitu. Hu kien devot tal-Via Sagra, u kien jagħmilha ta’ spiss, ġeneralment fil-knisja ta’
San Gejtanu. Għalkemm, skont dawk li ġieli rawh jagħmilha, ma kienx idum wisq ħin f’kull stazzjon, huwa kien jinżel f’adorazzjoni profonda fit-12-il stazzjon li jfakkar il-mewt ta’ Ġesù. Dun Ġorġ iżid verb importanti fil-ġakulatorja li s-soltu tingħad qabel kull stazzjon: “Nadurawk Ġesù u nberkuk, u nirringrazzjawk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.”
Dun Ġorġ mhux biss kien devot hu tal-Via Sagra, imma kien hu li daħħal ukoll id-drawwa li kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00p.m. issir fil-knisja ta’ San Gejtanu l-Via Sagra għan-nies li kienu jinġemgħu apposta għaliha.
Il-Kurċifiss ċentrali fl-ewwel snin tal-MUSEUM
Tajjeb infakkru wkoll li meta Dun Ġorġ beda jiltaqa’ maż-żgħażagħ fl-għalqa ta’ Luċtu, quddiem il-knisja ta’ San Gejtanu, fl-ewwel snin tas-seklu l-ieħor, ħabta tal-1904, (u li minnhom nibtet is-Soċjetà MUSEUM), l-ewwel suġġett li beda jitkellem fuqu magħhom kien proprju fuq il-Passjoni ta’ Ġesù. Hu ried ikebbsilhom qalbhom bl-imħabba għal Ġesù u li jiddedikaw ruħhom biex iwasslu lil Ġesù lill-oħrajn: u x’mezz aqwa seta’ juża milli jġagħalhom jifhmu kemm Alla ħabbna meta tana lil Ibnu b’vittma għalina fuq is-salib?
Anzi tajjeb ngħidu li, l-ewwel ħaġa li kien jagħmlilhom wara li xi ħadd minn dawn kien jagħżel li jsir membru tas-Soċjetà, kien li jippreżentalhom wieħed wieħed lil Ġesù Msallab u jgħidlu: “Dan hu l-ktieb li fuqu mxew il-qaddisin: Jiena lilu wkoll nagħtih bi triq żgura għas-saħħa ta’ dejjem.” U ż-żagħżugħ iwieġeb: “Nipproponi li lejh biss inħares il-ġranet kollha ta’ ħajti.” – Riedhom iħarsu dejjem lejn Ġesù Msallab.
Il-Ktieb il-Kbir
Dun Ġorġ kien jimmedita ta’ spiss fuq il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù, u frott ta’ dawn il-meditazzjonijiet waslulna diversi kitbiet tiegħu li juru kemm daħal fil-fond fil-ħsieb fuq it-tbatijiet u l-mewt ta’ Ġesù. Minn ta’ quddiem nett fost dawn hu dak li hu jsejjaħlu IL-KTIEB IL-KBIR. Din il-kitba tissejjaħ hekk għax fiha ġabra ta’ 50 tagħlima kollha meħudin minn Ġesù Msallab. Għal Dun Ġorġ, Ġesù Msallab hu ktieb, miftuħ beraħ għal kull min irid jaqrah, u li minnu wieħed jista’ jsib l-aqwa għerf, anzi Ġesù Msallab hu IL-KTIEB IL-KBIR.
Dan il-ktieb, li l-ewwel edizzjoni tiegħu hi żgur tal-bidu tas-Soċjetà, ried li l-membri tal-Għaqda tiegħu jaqraw minnu paġna kuljum, fit-3.00 p.m., il-ħin li fih miet Ġesù. Fid-Daħla tal-ktieb ħalla miktub: “Serpent tal-bronż imwaqqaf bl-ordni ta’ Alla kien jeħles lil dawk li kienu biss iħarsu lejh mill-gidma għall-mewt tas-sriep tan-nar. Dan kien figura ta’ Kristu Msallab b’interpretazzjoni awtentika. Issa jekk tant qawwa mill-figura, x’hemm immela fir-realtà? Inħarsu aħna wkoll, migdumin minħabba d-dnub, lejn is-Serpent tal-Ħajja mqiegħed għalina fuq il-kalvarju biex permezz tiegħu neħilsu ruħna mill-mewt ta’ dejjem, kif diġà kienu meħlusin ħutna l-qaddisin li ħarsu lejh, studjawh u mxew kuraġġużi fuq it-tagħlim li ħadu minnu.”
Eżerċizzju Memorjali
Biex il-ħajja ta’ Ġesù tkun dejjem fil-moħħ tan-Nisrani li jrid ikun tassew ta’ Ġesù, Dun Ġorġ ivvinta dak li hu jsejjaħlu l-Eżerċizzju Memorjali li jikkonsisti filli wieħed f’dak li jara jew jisma’, u f’kull ċirkustanza li jkun fiha, iqabbilha u jassoċjaha mal-ħajja u mat-tagħlim ta’ Ġesù. Għall-bidu dan l-Eżerċizzju Memorjali kien biss dwar l-aħħar jiem ta’ Ġesù, u b’mod speċjali l-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù; maż-żmien estendieh għall-ħajja kollha ta’ Ġesù.
Dawn li ġejjin huma ftit eżempji li jagħti Dun Ġorġ innifsu: “Iftakar fil-flaġellazzjoni ta’ Kristu meta jkollok uġigħ f’ġismek.” F’dan l-Eżerċizzju Memorjali, għandna mod eċċellenti kif il-Passjoni ta’ Ġesù tgħin lil dak li jkun biex jibda jgħix b’mod ħaj u prattiku l-ħajja Nisranija b’mod li din tkun imfassla fuq l-istess ħajja ta’ Ġesù u dejjem skont l-ispirtu tiegħu li jmur għalkollox bil-maqlub tal-ispirtu tad-dinja li qegħdin ngħixu fiha.
Programmi tal-Ġimgħa Mqaddsa
Imma x’aktarx li l-imħabba ta’ Dun Ġorġ lejn Ġesù Msallab l-aktar li tidher fil-programmi li għamel għall-membri tal-Għaqda tiegħu marbutin ma’ Ġesù Sofferenti. Hu ried li kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija l-membri kollha jagħtu qima lill-Wiċċ imqaddes ta’ Ġesù li matul il-Passjoni rċieva tant żebliħ u insulti. Kull nhar ta’ Ġimgħa, imbagħad, ried li l-membri jagħtu qima solenni lill-ħames pjagi ta’ Ġesù bħala “għejun li minnhom ħarġet il-ħajja għad-dinja”.
Imma bla dubju dawn il-programmi ta’ kull ġimgħa jsibu l-quċċata tagħhom fil-Programmi Speċjali marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa. Dawk kollha li xi darba kienu jattendu l-Museum, avolja jkun għadda ħafna żmien minn fuqhom, għadhom isemmuhom bħala ħaġa li baqgħet immarkata f’moħħhom u f’qalbhom.
Wieħed minn ħafna li jiftakar b’għożża dawn il-Programmi, jirrakkonta hekk: “Tul ir-Randan is-Superjur kien jiġborna u jgħaddilna r-rakkont tal-Passjoni ta’ Ġesù ... Il-Mużew kien jieħu xejra ta’ ġabra. F’Ħadd il-Palm, wara li kienet tispiċċa l-Unjoni, is-Superjur kien jitlob biex il-preżenti jagħtu daqqa t’id biex jitneħħew l-inkwatri u jitniżżel il-Kurċifiss kbir li matul il-jiem tas-sena kien ikun imdendel mal-ħajt fil-kappella. Tista’ tgħid li f’radda ta’ salib, qabel immorru l-passiġġata, il-kappella kienet tkun għerja minn kollox, ħlief għall-Kurċifiss. Fl-intrata tal-qasam kienet tintrama d-Duluri bix-xema’ u fjuri ... l-għada t-Tnejn kien jibda s-silenzju u jibqa’ sejjer sa Sibt il-Glorja. Xejn kliem żejjed ħlief dak bżonjuż. Flok il-qanpiena li ssejjaħ il-laqgħa kienet tintuża ċ-ċuqlajta. Il-kant li kien isir kien ikollu l-akkumpanjament tad-daqq baxx tal-armonju ...”
Il-Qima ta’ Wiċċ Kristu
F’Ħamis ix-Xirka billejl, fl-oqsma tal-Mużew, jintrama inkwadru bix-xbieha ta’ Wiċċ Kristu, imżejjen bil-fjuri, fid-dawl tax-xemgħa biss, għall-adorazzjoni tas-soċji u t-tfal.
“Wara l-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka konna niltaqgħu fid-disgħa ta’ billejl biex hemm nagħtu qima lix-xbieha ta’ Wiċċ Kristu. Taħt is-salib kien jintrama kwadru fuq biċċa drapp vjola u l-preżenti kienu jsemmu dawk in-nies li raw lill-Wiċċ ta’ Kristu. Imbagħad tingħata qima solenni li dan il-Wiċċ.”
Hekk kiteb Dun Ġorġ f’April 1936: “Illum ikompli s-silenzju strettissimu, użu taċ-ċuqlajta, ma ssirx il-paċi fl-assenjatur, kappella żarmata, jibqa’ biss Kurċifiss u xbieha tad-Duluri. Tul il-materji kollha tal-Programm jinxtegħlu ħames xemgħat puri quddiem il-Kurċifiss u tinħaraq pastiglia odorifera. Wiċċ Kristu tal-Veronika f’nofs il-kappella b’seba’ xemgħat u żewġ tazzi kulur aħmar
“Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira konna niltaqgħu biex kulħadd jgħid xi tagħlima mill-Passjoni ta’ Kristu u wara tingħata qima solenni lill-Pjagi ta’ Kristu. Għalkemm dawn il-qimiet isiru mis-soċji kull nhar ta’ Ħamis u Ġimgħa, però f’dawn il-jiem isiru b’mod aktar solenni.”
Dun Ġorġ riedna bħalu naħsbu u nirriflettu fuq it-tbatijiet ta’ Ġesù. B’mod speċjali riedna niftakru ħaġa importanti ħafna. Huwa jfakkarna li minkejja li fid-dramm tal-Passjoni jidhru ħafna persunaġġi li għandhom parti importanti fid-dramm: Ġuda,