14 minute read
Intervista ma’ Clara u Gordon
from GWIDA August 2021
CLARA U GORDON
Nitkellmu magħhom fuq il-wasla taċ-ċkejkna tagħhom, il-proġetti futuri u aktar fatti interessanti!
Advertisement
Intervista ma' Anthony M. Baldacchino
Iltqajt ma’ Gordon u Clara fl-istudjo ta’ Clint Gerald. Clint il-fotografu kien diġà qiegħed hemm jistenniena u mil-ewwel ġbidna sensiela ta’ ritratti tal-koppja. Millewwel ftit ħin li tagħmel ma’ din il-koppja tinduna li huma żewġ personalitajiet b’talent enormi, li baqgħu dejjem b’saqajhom mal-art, iffukati u fuq kollox ġenwini.
Id-diskursata mill-ewwel waqgħet fuq il-fatt li f’dan ixxahar ser isiru ġenituri ta’ tifla. Imma l-ewwel tajjeb li ngħidu kif aħna tal-GWIDA skoprejna li dawn it-tnejn kienu qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom flimkien. Kien April tal-2021, meta t-tim ta’ produzzjoni talprogramm AWLA, li kien jixxandar fuq ONE kull nhar ta’ Ġimgħa, għamlu komunikazzjoni magħna sabiex nippubblikaw artiklu li kien ser jibda l-programm. Bħalma nagħmlu ma’ kull programm, aċċettajna li ngħinu fil-promozzjoni u bagħtulna r-ritratti talpreżentaturi. Hemmhekk indunajna li Clara kienet tidher ftit differenti mis-soltu. Il-produzzjoni kkonfermawlna li fil-fatt, Clara kienet qed tistenna tarbija.
“Iva kixfuna ta’ Gwida.mt” qaltli bid-daħka Clara! L-aħbar inxerdet u dlonk mijiet ta’ nies awguraw lill- koppja għal dan ir-rigal tant sabiħ tal-ħajja. Ma stajtx ma nistaqsix fuq din l-aħbar u kif il-koppja ħaduha. Bħala għalliema ta’ tfal żgħar, Clara minn dejjem kienet miġbuda għall-maternità u xtaqu ħafna li flimkien jibnu familja.
“Minn dejjem xtaqt li nkun omm. Konna nitkellmuha ta’ spiss u qbilna li xtaqna nsiru ġenituri flimkien. Għalhekk it-tqala kienet waħda pjanata u kull xahar konna nkunu ħerqana biex naraw jekk inqbadtx tqila jew le.” Clara tgħidilna li kollox beda wara Malta’s Got Talent. Tajjeb li wieħed ifakkar li Gordon kien il-preżentatur tal-ewwel sensiela Maltija ta’ Malta’s Got Talent; programm mimli talent, fejn il-ġurija kellhom jgħarblu minn sensiela ta’ artisti biex jiskopru l-aqwa u l-aħjar talent li għandna f’Malta.
“Niftakar kien il-weekend ta’ wara Malta’s Got Talent u ddeċidejt li nagħmel it-test. Jien ħassejt li jien kont tqila. Ħaġa ġo fija kienet tgħidli li din id-darba kont ser nara t-test pożittiv! Tant emmint fil-ħaġa li kont waqaft inpejjep ħalli ma nagħmel ebda ħsara littarbija. Għamilt it-test u ħallejtu hemm għal xi għoxrin minuta biex nara x’ħa jiġri jew ma jiġrix. L-eċitament kompla jiżdied. Lil Gordon għidtlu biex niċċekkjaw flimkien. Ftaħna t-test u mmarka fil-pożittiv imma t-tieni linja ma kinitx ċara. Għal min jifhem jaf li dak kien sinjal li kienet tqala fil-bidu, Gordon kien xettiku u ma bediex jemmen.”
Imma Clara ma taqtax qalbha u b’determinazzjoni liema bħalha, tikkonvinċi lil Gordon biex imorru jixtru test ieħor. Iżda l-problema kienet li dak il-ħin kienu d-disgħa ta’ filgħaxija.
“Jien kont determinata li nagħmel test ieħor u dan kienu xid-9 ta’ billejl u ridt insib spiżjara miftuħa dak il-ħin għax ridt nixtri wieħed diġitali. Tant ma
Ritratti: Clint Gerald Photography
“Iva, Gwida.mt kixfuna li qed nistennew tarbija!”
Clara
Clara
Ritratti: Clint Gerald Photography
bediex jemmen Gordon li kien staqsa lill-ispiżjara jekk dawn it-testijiet jistgħux ikunu skaduti, bl-ispiżjara tikkonfermalu li ma kienx il-każ! Minn hemm bqajna sejrin dritt id-dar u wasalna hemm xil-10 ta’ filgħaxija. Għamilna t-test u ħallejtu fil-kamra. Gordon hu persuna li ma jkollux kwiet f’ġismu, hemm rajtu ftit anzjuż u mar jiċċekja r-riżultat waħdu. F’ħin minnhom nisma’ għajjat u narah ġej fuqi jgħannaqni. Kemm fraħna dakinhar!” tgħidli Clara.
L-għajjat beda jidwi ġo dar f’Ħal Tarxien, imma ma nstemax għajjat u ferħ biss. Dakinhar tkissret linfa! Clara tgħidilna li bil-ferħ u l-qbiż ġgantesk ta’ Gordon, “spiċċa biex kisser il-linfa li għandna fil-kamra talbanju. Jien min-naħa l-oħra ma stajtx nemmen.” Clara mhijiex persuna li taf iżżomm sigriet u minkejja li kien tard, u x-xemx kienet ilha li niżlet, iddeċidiet li ċċempel lill-ġenituri tagħha. Clara hija bint Marlene Farrugia u l-awtur, kittieb u xandar ikoniku, Joe Julian. Dak il-ħin Joe kien diġà daħal fis-sodda jipprepara sabiex l-għada filgħodu jqum kmieni għall-programm ta’ kuljum tiegħu, Bonġu Kafè, li jixxandar fuq Radju Malta. Sintendi la programm ta’ filgħodu kellu jbakkar kmieni, iżda Clara xorta waħda qabdet il-mowbajl u b’ewforija ċemplet lill-ġenituri tagħha. “Dak il-ħin qabdet ittelefown ommi u għedtilha jekk kienx hemm missieri ħdejha u dik wieġbet li kien rieqed. Ma stajtx nistenna s’għada, għedtilha, ‘Ma mur ħdejn missieri u qajmu!’ Dik imfixkla ma ngħidlekx kemm-il elf ħsieb għaddew minn moħħha, iżda obdiet mill-ewwel. Xħin waslet ħdejn missieri u qajmitu min-nagħsa ħelwa, tajthom l-aħbar flimkien li kienu ser isiru nanniet għall-ewwel darba. Tista’ timmaġina kemm kienu mimlijin bil-ferħ!” Tajjeb li ngħidu li minkejja li raqad tard, l-għada filgħodu Joe fis-6:30 ta’ filgħodu kien wara l-mikrofonu jxerred ilferħ tiegħu mas-semmiegħa.
Gordon min-naħa l-oħra ċempel lil oħtu Miriam li dak il-ħin kienet żgur qed taħdem fuq xi ħaġa. Kienet ukoll kuntenta li ħuha ta din l-aħbar hekk sabiħa.
Clara Omm Gordon peress li toqgħod ġewwa home, kellha tistenna ftit sal-għada.
Minn dakinhar għaddew tmien xhur, u issa deħlin għallaħħar xahar tat-tqala. Ngħiduha kif inhi, tqala f’nofs pandemija mhijiex xi ħaġa faċli. Bir-restrizzjonijiet li għexna, bil-miżuri li ġew meħuda, kulħadd kellu jwarrab xi affarijiet li kienu jagħtu pjaċir lill-individwu. Kien għal dan li Clara iddeċidiet li tibda taħdem mid-dar u bħala għalliema ħadet sehem f’teleskola. Clara temmen li din l-inizjattiva kienet interessanti u utli għat-tfal: “hi xi ħaġa tajba ħafna, speċjalment għal dawk it-tfal li kienu d-dar u ma setgħux jattendu l-iskola, il-ġenituri kien jidħlu fuq il-website u kemm jaqbdu t-topic u jkun hemm lezzjonijiet, u kienet aċċessibbli ħafna għal kulħadd. Li taħdem online hija xi ħaġa komda ħafna però taqta’ mill-kuntatt tad-dinja.” Minkejja dan, Clara mmissjat ħafna li tmur għax-xogħol normali.
“Immissjajt li noħroġ għax-xogħol normali. Jien ilni wieqfa minn Diċembru mill-iskola. Ovvjament ilprogramm bqajt għaddejja, noħroġ biss għall-filming, imma l-fatt li tqum filgħodu tbiddel, tagħmel xagħrek u l-make-up, titlaq għax-xogħol, tiltaqa’ man-nies u titkellem, dik immissjajtha ħafna,” tgħid Clara.
U kif qed jippreparaw għall-wasla tat-tarbija tagħhom? Tajjeb li ngħidu li Gordon, minkejja l-ħiliet artistiċi viżivi li ormaj kulħadd jaf bihom, hu disinjatur bravu ħafna, tant li prepara u lesta l-kamra tat-tarbija. “Lestejna l-kamra u Gordon għadu kemm waħħal il-wallpaper u ġiet vera ħelwa u għal qalbna. Kif konna fiha rranġajna naqra d-dar u dorniha miż-żebgħa ħalli meta tasal id-dar it-tarbija issib dar nadifa u ġdida. Kollox lest bil-basket tal-isptar b’kollox. Issa nistennew!”.
S’issa kollox jidher li t-tarbija ser ikollha isimha jibda bil-H, hi mistennija li titwieled fit-28 t'Awissu, b’hekk tkun taqa’ taħt l-istilla Virgo. Imma kollox jista’ jinbidel jekk titwieled sat-22 ta’ Awissu u b’hekk tkun qiegħda fl-istess stilla t’ommha, Leo. Clara tiċċelebra għeluq sninha fl-1 t’Awissu, proprju fil-ġurnata uffiċjali li ħarġet il-GWIDA ta’ dan ix-xahar.
Ritratti: Clint Gerald Photography
Gordon Bonello
Niskopru aktar fuqu...
L-ewwel darba li ltqajt ma’ Gordon kien fis-sajf tal-2008, konna flimkien workshop tad-drama. Dak iż-żmien Gordon ma tantx kienu jafu bih nies, imma fil-grupp kien spikka. Persuna mimli enerġija, ċajtier, jitkellem ma’ kulħadd u kreattiv. Niftakru jgħidilna waqt il-grupp li kien applikalu xi ħaddieħor u li ma kienx ġej għall-workshop! Dakinhar Gordon kien tant spikka li spiċċa biex intgħażel għall-ewwel karattru li interpreta fit-televiżjoni Maltija, Daniel, f’Evanġelisti. Karattru diffiċli ħafna li kien ibati minn skiżofrenija. Minn hemm kompla jimrah u jikber tant li llum qed jaħdem bħala Chief Officer mal-istazzjon nazzjonali. Irwol eżiġenti li jitlob kontinwità ta’ ideat ġodda, xi ħaġa li Gordon hu kapaċissimu għaliha.
Wara s-suċċess bl-ewwel Junior Eurovision li sar hawn Malta, ġie magħżul minn bosta pajjiżi biex jipproduċi x-show minn hemm. Apparti minn dan, Gordon kien ukoll wieħed mill-producers ta' X Factor Malta.
Imma dan it-talent beda 13-il sena ilu? Gordon meta kien fis-sekondarja kien attiv ħafna.
“Meta kont student f’Savio College, fl-ewwel sena kienu tawni parti fid-drama fejn kont wieħed mit-tliet muskettiera, proprjament l-aktar wieħed imqareb. It-tieni sena bdejt nikteb il-play jiena u fl-aħħar sena tal-Form 5 kont għamilt produzzjoni viżiva minflok reċta,” jgħidli Gordon.
Gordon
B’hekk Gordon mill-ewwel beda juri l-ħiliet kreattivi tiegħu. “Wara l-iskola għamilt l-eżamijiet għax ridt immur l-Art and Design Centre biex inkun iktar fiddinja tiegħi. Hemmhekk qisu ffukajt fuq is-settur li xtaqt nimrah f’ħajti. Wara l-Art and Design Centre għamilt 7 snin naħdem fuq il-films.” Biss Gordon bdiet tinteressah il-mużika u beda jistudja d-drums. “Bdejt id-drums u għamilt sbatax-il sena minn ħajti
ndoqq. Issa m’għadnix indoqq regolarment.” Biss l-aħħar darba li daqq id-drums kien proprju fil-finali ta’ Malta’s Got Talent. Dakinhar Gordon wera għall-ewwel darba b’mod apert it-talent moħbi li kellu. Dakinhar tal-prestazzjoni, Clara kienet qiegħda ssegwi kollox minn wara l-kwinti u tgħidilna li kienet l-aktar ġurnata li kellha eċitament f’ħajjitha. “Kont eċitata ħafna dakinhar biex nara kif kien ser imur. Kien ilu ma jippratika, imma kont persważa li kien ser joħroġ brillanti. Gordon mhux persuna li jeċita ruħu u sintendi dakinhar ma kellux eċitament!”
Apparti dan kollu, Gordon hu bravissimu fil-matematika! Mhux komuni li ssib persuni li jafu jisfruttaw iż-żewġ dipartimenti. “Kemm il-matematika u anke l-mużika għenu ħafna f’ħajti. Jien tajjeb ħafna fil-matematika u l-matematika għenitni niddeċifra kollox f’ħajti, il-pożi fejn tirreċta, il-mużika u kif tuża l-angoli waqt xi xena viżiva.” Gordon jgħidli li minn mindu kien żgħir, kien persuna enerġetika, “Ejja ngħidu li minn dejjem kont hyper, imma meta kont żgħir kont kwiet ħafna, dejjem naħseb u moħħi dejjem għaddej. Jien jekk ittini somma, naħdimha imma blitwal mod possibbli. Hekk jaħdem moħħi, ngħarbel kollox, inqis kollox u niddeċiedi.” Fl-iskeda li għaddiet, rajna lil Gordon bħala preżentatur ta’ Malta’s Got Talent. Għal min segwa dan il-programm, seta’ jara lil Gordon liebes ħafna karattri differenti, grazzi għall-kostumi li kien ikollu fil-puntati diretti. “Xtaqt noħloq xi ħaġa differenti. Is-soltu mdorrijin naraw l-irġiel jippreżentaw b’suit pulita imma jien ridt noħloq karattru kull darba li nippreżenta u naħseb li rnexxieli.” Imma liema kienu l-isbaħ mumenti ta’ Gordon f’din is-sensiela?
“Bla dubju, il-golden buzzer! Meta għażilt lit-tifel u missieru l-għannejja! Imma n-nies raw parti żgħira biss mill-kapaċità li għandu t-tifel. Lydon kapaċi jgħanni anka spirtu pront. Tajjeb li niftakru li Lydon għandu biss 5 snin. Apparti minn hekk, il-live shows kienu memorja sabiħa. Vera li mingħajr udjenza, però f’moħħi dejjem kien hemm l-udjenza tad-dar, eluf ta’ nies u ridt nara li qed nikkomunika tajjeb magħhom u noffrilhom l-aqwa preżentazzjoni possibbli.”
Kont taf li Gordon għal erba’ darbiet wara xulxin rebaħ it-titlu ta’ best seller fil-proprjetà? Fil-proprjetà? Possibbli Gordon huwa salesman ukoll? Hawnhekk Gordon wieġeb u qalli frażi sabiħa wisq, “Jekk iddaħħal l-arti, tagħmel kollox għal qalbek.” Interessanti hux? Imma Gordon kif beda f’din l-industrija?
Ritratti: Mark Zammit Cordina “In-nies raw parti żgħira biss mill-kapaċità li għandu Lydon.”
Gordon
“Lanqas naf u dejjem inħajjar lin-nies jidħlu, għax “there is an art in selling”. Din tfisser li meta qed tagħmel xi ħaġa, f’dan il-każ tbigħ, trid taħdem bil-kontra ta’ li jagħmel ħaddieħor, u trid taħseb barra mill-kaxxa anke meta tbigħ. B’hekk toħloq opportunitajiet differenti mill-oħrajn. Darba tgħallimt xi ħaġa mill-mibki Edward DeBono. Dan jgħid li l-ħajja hija triq prinċipali (main road) u meta tiġik opportunità dik qisha bħal fergħa jew triq sekondarja (side road), jekk imxejt u qbiżtha s-side road ma tistax terġa’ tmur lura u l-opportunità tkun tliftha. Il-ħajja linja dritta imma trid tieqaf u taħseb! Il-ħajja tagħtik iċ-ċans tieqaf fil-main road imma trid tieħu deċiżjoni jekk tiħux is-side road jew le u eżatt kif ħadtha dik tiġi l-main road tiegħek. Fil-ħajja jien dejjem hekk għamilt; waqaft, ħsibt, biddilt u dħalt fi triq oħra. Il-cross roads huma opportunità fil-ħajja.”
Fost is-side roads li kellu jagħżel, kien hemm ir-radju, xi ħaġa differenti li b’mod artistiku Gordon jirnexxilu jżid l-udjenza fuq Magic Malta, u flimkien mat-tim joffri programm alternattiv għal filgħodu.
“Biex inqum insibha diffiċli. Mhux għax insibha diffiċli, imma għax ġismi dera jqum waħdu fil-4:45 ta’ filgħodu bum, u dik qed iddejjaqni. Imma qed nieħu pjaċir għax il-programm tellajtu mal-aqwa erba’ programmi ta’ dak il-ħin,” jgħidli b’entużjażmu Gordon. Madanakollu l-impenji flistazzjon nazzjonali huma kbar u biex ikun jista’ jiddedika ftit ħin mat-tarbija l-ġdida, Gordon għażel li jwaqqaf is-sehem tiegħu fir-radju. Minkejja li diffiċli, kienet deċiżjoni li xtaq jieħu fi sfond il-wasla tat-tarbija tiegħu.
“F’Ottubru li ġej, stennew li taraw proġetti ġodda fejn ser ikolli x’naqsam jien. Għalissa ma nista’ niżvela xejn, però jidher li ġejja skeda mill-aqwa li qatt kellna fix-xandir,” jgħid Gordon, filwaqt li jħallina b’għatx liema bħalu għal dak li mistenni naraw.
Imma Gordon x’jixtieq li jagħmel? Ir-risposta tiegħu hija, “l-importanti li nkun komdu speċjalment issa li ħa jkollna t-tarbija, allura nixtieq xi ħaġa li tagħmilni ferħan.” “Gordon pożittiv f’kollox. Trid tarah kull filgħodu jħallili nota biex jawgurali jum mill-isbaħ peress li hu jqum qabli. Mhux biss, kuljum jara li jien kuntenta u ma tgħaddix ġurnata li ma jagħmilx xi ħaġa romantika” tgħidilna Clara fuq il-maħbub tagħha. Imma issa x’ħa niskopru Clara?
Ritratti: Clint Gerald Photography
Ritratti: Mark Zammit Cordina
Clara Farrugia
Niskopru aktar fuqha...
L-ewwel darba li rajna lil Clara tippreżenta kien fuq ilprogramm ta’ filgħodu TVAM ma’ Quinton Scerri. Din il-koppja rat il-bidu tagħha bis-saħħa ta’ dan il-programm. Peress li kemm Gordon u Clara kienu jkunu fil-PBS flistess ħin, saru ħbieb, u minn hemm ingħataw proġett komuni u l-istorja ta’ mħabba tagħhom kompliet tifjorixxi.
Iżda nibdew mill-bidu nett, proprju meta Clara kienet ser titwieled. Clara ma kienx ser ikun l-isem tagħha, iżda l-ġenituri tagħha kienu se jsemmuha Anthea. L-isem inbidel tlitt ijiem qabel ma twieldet. Clara tiżvela li “kien ser ikun jisimni Anthea għax kien hemm series u kien hemm tfajla jisimha Anthea, u mid-dehra kien jogħġobhom ħafna. Imma ommi tgħid li xi tlett ijiem qabel ma twelidt iddeċidew li jkun jisimni Clara, għax kien għadu kif miet in-nannu li kien jismu Francis. Ma xtaqux isemmuni Francesca, allura semmewni Clara għal Santa Clara li kienet ħabiba ta’ San Franġisk.”
Clara trabbiet f’għożża u kellha tfulija sabiħa mżewqa fl-imħabba minn ommha u missierha, u ftit wara oħtha ż-żgħira. Il-familja għal Clara hija fundamentali! Kien għalhekk li fiż-żgħożija Clara batiet ħafna. “Iż-żgħożija tiegħi kienet kerha għax għaddejt minn bullying kbir. Dak iż-żmien sfortunatament ommi mardet meta jien kelli biss 12-il sena. Kienet xi ħaġa li kellna ngħaddu minnha bħala familja. Xi ħaġa li ma nixtieq bl-ebda mod li binti taffaċja għax ma kinux żminijiet sbieħ. Infatti xi ħaġa li niddiskutiha kontinwament, kemm hu importanti li jien nibqa' f’saħħti mentalment, għax mhux xi ħaġa li tgħaddi biż-żmien u tgħaddi minnha l-familja kollha għax kulħadd ibati. Dak iż-żmien l-istudenti li kont skola magħhom kienu saru jafu u jien spiċċajt vittma ta’ bullying sfrenat.”
Minn hemm xtaqet li tagħmel xi ħaġa u Clara studjat biex issir għalliema tat-tfal żgħar. “Jien, li ġejja minn dinja tat-tfal, għax ngħallem tfal żgħar, studjajt kemm hu importanti li meta tfal juru xewqa li jridu jesploraw xi ħaġa inti tipprova tagħmlilhom dik ix-xewqa realtà. Jien dik li nixtieq li ngħaddilha lit-tifla tagħna,” tgħidli Clara.
Clara tant tħobb it-tfal li fil-pandemija sabet il-ħin u kitbet sensiela ta’ kotba apposta. Dwar dan niskopru aktar fix-xhur li ġejjin, imma nistennew li naraw proġett interessanti!
F’Ottubru li għadda lil Clara bdejna narawha f’sensiela ta’ reklami dwar l-għarfien tal-lingwa tas-sinjali. Kien proġett uniku li eduka lit-telespettaturi fuq frażijiet u kliem bażiku li wieħed jista’ jitgħallem biex jikkomunika ma’ persuni neqsin mis-smigħ.
Clara
Clara
“Bqajt niftakarhom imma ma komplejtx nitgħallem iktar għax il-lingwa tas-sinjali kumplessa ħafna u trid tibqa’ tipprattikaha wkoll. Infatti kont noqgħod ngħallimhom lil Gordon. Kien proġett vera interessanti u l-għan kien li nqajmu kuxjenza dwar l-għarfien tal-lingwa tas-sinjali u forsi eventwalment din tidħol ukoll fliskejjel tagħna, biex it-tfal minn età żgħira jibdew jitgħallmu l-bażi tal-lingwa tas-sinjali, sabiex tfal jew adulti li huma neqsin mis-smigħ ma jħossuhomx inqas minn ħaddieħor. Infatti n-nies tal-filmati li konna nuru kienu kollha deaf u ta’ etajiet differenti minn Deaf Association Malta,” twieġeb Clara fuq dan il-proġett.
Apparti minn dan, rajnieha tippreżenta l-programm AWLA li kien jixxandar fuq ONE. Clara libset il-kappell ta’ ġurnalista fejn staqsiet u analizzat stejjer umani li kienu jixxandru kull ġimgħa.
“L-isbaħ storja kienet ta’ Dwane u dak ilmissier anonimu li sfortunatament minħabba ċ-ċirkustanzi li jinsab fihom ġie aljenat minn uliedu. Ta’ Dwane kienet fuq id-droga u l-vizzji. Dwane Carabott għamel il-programm ta’ rijabilitazzjoni xi 3 darbiet. Kienet sfida kbira għalija għax kien ikun hemm intervisti li tant kien ikolli kontenut ta’ natura personali, kontenut tajjeb li minnu tista' toħroġ storja, li kont nitfixkel liema ħa nuża, għax inti meta tagħmel filmat, tkun marbuta bil-ħin ta’ madwar żewġ minuti. Kien hemm l-intervista tal-kantanta Ina li messitli qalbi. Kienet intervista emozzjonali ħafna għax iltqajt magħha fl-iktar żmien diffiċli ta’ ħajjitha. Ina kienet tkellmet magħna kemm kienet tiġi bullied fuq il-mezzi soċjali,” tgħidilna Clara. U din is-sena ħa narawha f’xi proġett televiżiv?
“Għandi proġetti interessanti fuq l-istazzjon nazzjonali, imma jiddependi kollox mit-tarbija l-ġdida. Biss f’Jannar li ġej stennew li taraw dokumentarju interessanti, proġett tiegħi li ser ikun fuq każijiet li xxukkjaw lil Malta,” tgħid Clara. Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-kriminoloġija hu suġġett li jaffaxxina ħafna lil din il-preżentatriċi. Infatti qabel ma ntgħażlet biex tippreżenta l-programm TVAM, kienet applikat biex tibda kors ta’ kriminoloġija fl-Università ta’ Malta. Dan ma kellux ikun għax għarfet li l-opportunità ta’ TVAM kienet il-waħda ideali għaliha dak iż-żmien. Imnalla għax kieku dawn it-tnejn forsi ma kinux jiltaqgħu! F’isem ir-rivista GWIDA, nawguraw minn qalbna lil Gordon u Clara għall-wasla tat-tarbija tagħhom. Persważi li ċ-ċkejkna ser ikollha l-aqwa gwida li jista’ jkollha f’ħajjitha, b’dawn iż-żewġ ġenituri. Awguri!
Ritratti: Clint Gerald Photography