2 minute read

Ħiliet il-komunità - Artiklu minn FSWS

ĦILIET IL-KOMUNITÀ

Biex il-Komunità Tibqa’ Titgawda mill-Ġenerazzjonijiet li Ġejjin

Advertisement

Ħiliet il-Komunità huwa proġett kofinanzjat minn fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej 2014-2020, li jħares lejn l-iżvilupp sostenibbli mil-lenti tal-ħiliet u tat-talenti tar-residenti tal-Belt Valletta. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali hija l-koordinatur tal-proġett.

Il-ħiliet u t-talenti li huma msawrin bihom il-Beltin huma diversi, u jsostnu oqsma tal-ħajja Maltija, bħall-karnival, futbol, festi mimlijin passjoni u entużjażmu, u ħeġġa għal dak kollu li jagħmel lill-Belti. Il-prinċipji li jsawru l-ħidma ta’ Ħiliet il-Komunità jiffukaw fuq ir-relazzjonijiet u t-tkabbir tal-kapital soċjali, il-valuri tad-drittijiet umani, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u r-rispett lejn id-diversità.

Fil-prattika, Ħiliet il-Komunità, jiffaċilita r-relazzjonijiet u l-parteċipazzjoni, b’mod, li nies jiġu flimkien biex jieħdu azzjoni favur it-tisħiħ tagħhom, permezz t’inizjattivi li huma t’importanza għalihom. Il-proġett, jiċċelebra n-narrativa ta’ kull membru fil-komunità, filwaqt li jimrah fuq l-azzjoni kollettiva. Naħdmu favur it-tisħiħ tal-vuċi tal-komunità anke ta’ dawk li huma f’minorità.

Il-proġett beda fil-bidu ta’ Diċembru tal-2020, bilħaddiema tal-proġett ikunu kontinwament preżenti fit-toroq Beltin biex jiltaqgħu mal-komunità. Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet mar-residenti qegħdin insiru nafu lill-komunità Beltija aktar mill-qrib. Qed nitgħallmu fuq l-identità Beltija u l-passjonijiet li jimmobilizzaw lill-Beltin biex jaħdmu flimkien.

Permezz ta’ eżerċizzju tal-immappjar tal-komunità, irresidenti qegħdin jiggwidawna biex noħolqu programmi u servizzi li jwasslu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar. Fost l-oħrajn ser inkunu qed inħarsu lejn il-familja u t-trobbija tal-ulied, l-impjieg u l-edukazzjoni, l-immaniġġjar u stabbiltà tad-dar, litteriżmu finanzjarju, u stabbiltà tad-dħul.

It-tim ta’ Ħiliet hu magħmul minn professjonisti b’passjoni għall-ħidma mal-komunità, – Community Development Workers, kif ukoll social mentors, – li jaħdmu fuq livell individwali, ta’ familja jew grupp. Is-social mentors jassistu biex jissaħħu l-ħiliet tal-individwi, jissarfu f’familji aktar b’saħħithom, f’abbiltajiet ta’ prospetti aħjar għax-xogħol, stabbiltà fid-dar u għarfien finanzjarju.

Il-Beltin huma mistiedna bien jipparteċipaw f’dan il-proġett u għalhekk qegħdin nibagħtu stedina f’kull dar biex jieħdu sehem fi studju maħsub għal dan il-għan. Nixtiequ nkunu wkoll ta’ servizz biex nindirizzaw aspetti oħra li l-komunità mhux daqshekk kuntenta bihom. L-għan jibqa’ li nkomplu nsaħħu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Bil-gwida talistess komunità, nistudjaw opportunitajiet li jservu ta’ pjattaforma sabiex il-ħiliet u t-talenti eżistenti jkomplu jikbru u jiffaċilitaw għajxien aħjar għall-familji.

Għas-snin li ġejjin, it-tim ta’ Ħiliet il-Komunità ser ikunu fit-toroq tal-Belt Valletta biex jisimgħu mingħand in-nies. Dalwaqt ser jiftħu d-dar ta’ Ħiliet il-Komunità fi 62, Triq San Gwann. Minn din id-dar ser jaħdmu mal-Beltin biex joħolqu spazju li jirrikonoxxi l-ħiliet u talenti għax jemmnu li dawn huma sorsi importanti li jsaħħu l-komunità – komunità li tibqa’ titgawda millġenerazzjonijiet li ġejjin.

Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jċemplilna fuq 99548736, jew billi jibgħat imejl fuq: contact.hk@gov.mt.

This article is from: