2 minute read
Omm ta’ 50,000 tifel u tifla – Artiklu mill-MISSIO
from GWIDA August 2021
OMM TA’ 50,000 TIFEL U TIFLA Addattament Claudia Cini
Wieħed minn kull ħamest itfal f’Burundi huwa orfni. Burundi huwa wieħed mill-iktar pajjiżi foqra tat-tielet dinja u fih jgħixu madwar 700,000 tifel u tifla li l-maġġoranza kbira tagħhom huma orfni. Fil-fatt, erbgħa minn kull għaxart itfal qatt ma ġew irreġistrati mat-twelid. Din tagħmilha iktar diffiċli għal dawn it-tfal sabiex jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa, sabiex imorru l-iskola u sabiex jirtu xi proprjetà mill-familjari tagħhom.
Advertisement
Spès Nihangaza twieldet Rusama fil-provinċja ta’ Bururi f’Burundi. Għandha erbat itfal u gradwata b’baċellerat filkimika minn università fl-Alġerija. Minkejja li hija xjentista u għal żmien twil ħadmet bħala spiżjara, il-ħidma soċjali minn dejjem kienet għall-qalb Spès. Meta Spès Nihangaza u oħtha l-kbira Caritas Habonimana kienu qed jikbru kienu mgħallma li għandhom dejjem jgħinu lill-morda u lil min hu dgħajjef. Kien għalhekk li fl-1992 ħassew il-ħtieġa li jagħmlu xi ħaġa sabiex jgħinu lill-batut. Jum fost l-oħrajn waqt li kienu għaddejjin b’ħidmiethom jgħinu pazjenti morda fi sptar fil-kapitali Bujumbura f’Burundi, irrealizzaw li t-tfal tal-pazjenti wkoll kellhom bżonn l-għajnuna. Għalhekk, huma bdew ifittxu lit-tfal li kienu tilfu lill-ġenituri tagħhom minħabba l-marda tal-AIDS, u waqqfu l-organizzazzjoni FVS li llum il-ġurnata hi magħrufa aħjar bħala FVS Amade, sabiex jgħinu lil dawn it-tfal. Fis-sena 1993 faqqgħet gwerra ċivili. Dan il-perjodu kompla ħeġġeġ lil Spès u l-FVS sabiex jaħdmu iktar għall-vittmi tal-gwerra. Il-qtil tal-massa li seħħ matul il-gwerra ċivili wassal sabiex ħafna tfal jispiċċaw orfni. Spès, flimkien mal-organizzazzjoni FVS ħadmu lejl u nhar sabiex isibu djar ġodda lil ħafna minn dawn it-tfal.
Spès hija magħrufa aħjar bħala l-omm ta’ 50,000 tifel u tifla. Dan għaliex, permezz tax-xogħol tagħha, hija tat ħajja aħjar lil ħafna tfal. L-organizzazzjoni FVS tmexxi skola fejn it-tfal proprju jgħixu fl-istess bini tal-iskola. Dan il-bini twaqqaf sabiex iservi ta’ ċentru li jilqa’ fih lit-tfal tat-triq. Dan iċ-ċentru ma jservix biss bħala skola, imma jservi wkoll bħala klinika li permezz tas-servizzi li toffri tgħin lit-tfal sabiex jingħataw il-kura tas-saħħa meħtieġa. Iċ-ċentru jmexxi wkoll fond tal-assigurazzjoni soċjali għall-familji foqra. Barra minn hekk, FVS ħolqot sistema ta’ 1,700 grupp ta’ solidarjetà fejn ir-raħħala jingħaqdu u jagħtu donazzjonijiet li jintużaw għal self għall-bidu ta’ negozji żgħar, għall-kura tas-saħħa, għall-uniformijiet tal-iskejjel u għall-materjal tal-iskejjel għat-tfal. Il-familji fqar igawdu wkoll minn dan il-fond billi jingħataw l-appoġġ neċessarju li jkollhom bżonn, filwaqt li lit-tfal orfni joffrulhom l-opportunità ta’ fostering u ċ-ċans li jmorru l-iskola. Spès ħolqot ukoll sistema ta’ gruppi ta’ protezzjoni tat-tfal. Dawn il-gruppi jgħinu lit-tfal billi jaraw li d-drittijiet tagħhom ma jkunux miksura, u jipprovdu wkoll appoġġ legali u psikjatriku. Spès ma taħdimx biss favur id-drittijiet tat-tfal orfni, iżda taħdem ukoll sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-voluntiera u tal-membri tal-gruppi li jagħmlu xogħol volontarju mal-orfni u ma’ tfal vulnerabbli oħra. Hija tisħaq li dawk kollha li b’xi mod jgħinu lil dawn it-tfal, għandu jkollhom dħul tajjeb sabiex huma wkoll ikollhom ħajja aħjar.
Spès Nihangaza rċeviet il-premju World’s Children’s Honorary Award fl-2019. Spès ġiet onorata b’dan il-premju għax-xogħol li għamlet matul dawn l-aħħar 25 sena sabiex tgħin lil tfal orfni u lil tfal l-iktar vulnerabbli f’Burundi.
Grazzi għal donazzjonijiet ta’ flus li aħna nagħtu, ċkejkna kemm huma ċkejkna, tfal f’sitwazzjonijiet simili madwar id-dinja kollha, jirċievu dak kollu neċessarju biex jgħixu ħajja diċenti. Bis-saħħa ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta (l-uffiċċju missjunarju) fil-Belt u l-Mosta, jibgħat fondi lil diversi komunitajiet fejn hemm ilmissjunarji sabiex jgħinu mill-aħjar li jistgħu lill-foqra u abbandunati, fost oħrajn. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962.