7 minute read
Intervista mal-attriċi Frida Cauchi
from GWIDA August 2021
FRIDA CAUCHI
F’film barrani ħasbuha li għandha 12-il tifel u tifla!
Advertisement
L-attriċi Frida Cauchi hija maħbuba minn ħafna. F’din l-iskeda ta’ TVM, qed naraw lil Frida tippreżenta l-programm, Gazebo ma’ Herman Bonaci. Staqsejnieha ftit fuq dan il-programm kif ukoll għadd ta’ kurżitajiet oħra fuq ilkarriera tagħha fid--drama.
Gazebo, tgħidilna ftit fuq dan il-programm?
Dan il-programm hu leġġer, magħruf bħala magazine programme. Min qed isegwi jaf li ser jistenna ftit minn kollox. Programm ta’ siegħa u nofs, b’diversi mistiedna. Dawn jitkellmu fuq suġġetti relatati mas-sajf u suġġetti oħra interessanti. Herman jieħu ħsieb rokna delizzjuża tar-riċetti, mma mhux tisjir komuni. Herman qiegħed jagħmel riċetti fuq il-BBQ. Riċetti ġodda, oriġinali u fuq kollox ideat ġodda għat-telespettaturi tagħna. Tiskanta kemm tista’ tagħmel ikel varjat fuq il-BBQ! M’għandniex għalfejn induru għall-istess ikel. Ħa jkun qed jagħti 26 riċetta b’kollox, għax f’kull programm ikun hemm 2 riċetti.
Fil-programm qed nagħti wkoll ideat ta’ krafts u affarijiet li wieħed jista’ jagħmel bħala passatemp. Il-programm qed inxandruh barra, taħt gazebo, u kien għalhekk li għażilna l-isem. Fis-sajf kulħadd iħobb iqatta’ l-ħin barra milli ġewwa u hekk għamilna aħna b’dan il-programm.
Qed jintwera Simpatiċi wkoll!
Simpatiċi t-tmien sensiela qed tintwera fuq TVM. Din is-sensiela hija ferm għal qalbi għax kienet is-sensiela li fiha ħallietna Mary Rose Bonello (in-nanna Katrin). Però tajjeb li wieħed ikun jaf li f’Simpatiċi, in-nanna Katrin ma tmut qatt. Aħna konna ddeċidejna li n-nanna ma tmutx fis-sensiela. Iddeċidejna li nżommuha ħajja. Fil-fatt anke fl-aħħar episodju kien hemm sorpriża fejn in-nanna Katrin reġgħet dehret. Ħdimnieha vera tajjeb għax sraqna xena minn episodju minnhom u konna rranġajnieha biex tidher taparsi qiegħda ħdejn il-baħar. Bħala karattru, in-nanna Katrin ma mietet qatt!
Simpatiċi spiċċa eżatt kif beda. L-aħħar xena tas-serje kienet eżatt kif kien beda; in-nanna dieħla d-dar wara l-quddies. Il-ħajja hekk, ċirku, tirrepeti ruħha. Ir-rota talfamilja dejjem iddur.
Simpatiċi jibqa’ mfakkar minn ħafna. X’inhu s-sigriet?
Lanqas aħna ma konna nobsru li Simpatiċi kien ser ikun kbir daqshekk. S’issa Simpatiċi baqa’ għaddej b’saħħtu u kull sena dejjem jitolbuna biex jerġgħu jarawh. Din is-sena ser jintwera fuq kważi l-istazzjonijiet kollha. In-nies ma jiddejqu qatt, ikunu jafu x-xeni x’inhuma, x’ser jiġri, x’ser ngħidu u jibqgħu jarawhom. Jibqgħu jsegwu u jkollna dejjem ammiraturi ġodda għax it-tfal iż-żgħar li għandhom ċerta età, qed jarawhom issa u qed iħobbuhom wkoll. Simpatiċi ma jmut qatt!
Xi tħoss meta tisma’ li s-sigla ta’ Simpatiċi jafha kważi kulħadd? Gianluca spiċċa jkantaha fuq Serataron!
Kulħadd jafha! Nifraħ xħin nismagħhom ikantawha. Hawn diversi restoranti li peress li jkollhom mużika live, ikantaw il-kanzunetta u l-ferħ u l-atmosfera sabiħa li jkun hemm hi xi ħaġa indimentikabbli. Ġieli jibagħtuli messaġġ privat b’filmati ta’ nies ikantaw f’restorant. Tara l-furur ta’ ferħ li jkun hemm; xi ħaġa li tagħtina sodisfazzjon kbir. Ilkanzunetta nkitbet b’mod ħelu u jkantawha oriġinarjament Herman u Mary Rose Mallia. Niftakar li fil-bidu, 21 sena ilu fejn is-social media ma kinitx teżisti konna nkunu mistednin ġo festi. Konna mmorru bħala tim fil-festi, fix-shopping complexes, ċinema, supermarkets... u konna niltaqgħu ma’ nies entużjasti li jitkellmu u jkantaw magħna. Simpatiċi jġib ċertu ferħ!
Kull min jagħmel xi ħaġa fuq it-televiżjoni jkun qed jittama li tkun suċċess. Aħna hekk xtaqna b’dan, imma qatt ma ħlomna u qatt ma ħsibna li dan is-suċċess ser ikun daqshekk kbir. Jgħaddu das-snin kollha, sigla maħbuba ma’ kulħadd, kif tisma’ l-ewwel żewġ noti tagħha, tara tiċrita ta’ tbissima fuq wiċċ kulħadd. Dan hu ta’ sodisfazzjon kbir għalina li Simpatiċi rnexxielu jġib dan il-ferħ.
Imma Simpatiċi kellu kanzunetta oħra! Tgħidilna ftit fuqha?
Iva, fi żmien il-Milied, il-kast kollu ta’ Simpatiċi konna nkantaw, Xewqat sbieħ dal-Milied. Kanzunetta maqluba għall-Malti fuq White Christmas. L-istess kull sena filMilied, noħorġuha u tkun suċċess. Kulħadd jaqsamha ma’ sħabu. Iktar mill-kanzunetta, in-nies tant ħabbet il-karattri ta’ Simpatiċi li kull ħaġa li tfakkarhom f’dan is-serje, tagħmilhom ferħanin. Aħna sirna membri tal-familja ta’ kull dar Maltija u Għawdxija.
Probabbli inti twieġeb jekk jgħajtulek Dora...
Tant drajtu l-isem Dora li hu parti minni issa!
Min jaf kemm kienu jgħajtulek Dora fix-xogħol tiegħek bħala tour leader! Waqaft minn dan ixxogħol?
F’Settembru tal-2019 kelli l-aħħar vjaġġ fi Spanja. Minn dakinhar bdejna nippreparaw għall-vjaġġi tas-sena ta’ wara. F’dan l-aħħar vjaġġ spiċċajt għamilt ħbieb ma’ wħud
li kienu preżenti fil-grupp miegħi u kuljum bqajna nitkellmu u nġeddu l-memorji flimkien. Tant sirna qrib xulxin li bdejna niftiehmu biex immorru r-Russja flimkien, mhux bħala tour leader imma biex nieħdu gost flimkien. F’daqqa waħda tħassar kollox minħabba l-pandemija. Imnalla ma lħaqniex ibbukkjajna. Ilni ma nsiefer kważi sentejn. Jekk issemmili s-safar, għadni m’iniex inħossni komda li nsiefer. L-ewwel ħaġa qegħdin nibżgħu min-nies, m’aħniex komdi li tkun ħdejn in-nies u tħossok sigura. Bla ma trid tkun qiegħda ħdejn xi ħadd u tinkwieta jekk hux ħa jagħtas jew jisgħol. Qabel ma nara li d-dinja bdiet tfiq, naħseb li mhux ser insiefer.
Jien kont nagħmel dan ix-xogħol addizzjonali u bdejt permezz ta’ Simpatiċi! Pawlu Testa kien ċempilli u qalli biex immorru tour ta’ Simpatiċi. Konna organizzajna tour u kien ta’ suċċess kbir. Illum il-ġurnata sfortunatament dawn l-aġenziji qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira.
Frida ħadmet ta’ sikwit f’partijiet f’films barranin. X’tgħidilna fuq dawn?
Iva, din is-sena reġa’ ntwera l-film, Risen, fuq itteleviżjoni. Proprjament dan il-film ħareġ 5 snin ilu. Kull film fih l-esperjenza tiegħu. Risen kien wieħed minn dawk li tagħni esperjenza sabiħa. Apparti li tiltaqa’ maddiretturi ta’ fama internazzjonali, tiltaqa’ mal-atturi. Jien kont ħdejn Tom Felton u kilna flimkien kemm-il darba. Joseph Fiennes li kien l-attur prinċipali ġie jbiddel ħdejja ġo għar u qgħadt nitkellem miegħu. Dak is-sabiħ f’dawn l-esperjenzi li tiltaqa’ ma’ dawn l-atturi u titgħallem mingħandhom.
Tom Felton huwa Malfoy f’Harry Potter. Kif tħossok taħdem ma’ xi ħadd daqstant popolari?
Eżatt! Hemm kien daqsxejn ta’ tifel u xorta baqa’ magħmul żgħir bħala attur. Tom persuna żgħira u rqiqa. Bħala karattru, tistagħġeb f’kemm ilni nieħu sehem films, tibda taħseb li dawn għandhom imneħirhom imxammar imma fil-fatt huma vera down to earth. Jista’ jkun għax jien ħadt sehem bħala attriċi u mhux bħala extra. Allura din tagħmel differenza. Għalihom la tkun imniżżla bħala attriċi, m’hemmx differenza bejnietna. Jien kull meta kont magħhom, kont stmata daqshom. Jekk inkunu fuq mejda nieklu flimkien, juru rispett u jistmawk; anke mill-kru kont smata! Inħossni ftit stramba għax Malta mhux imdorrijin hekk. Aħna filfilms li nagħmlu, imdorrijin nilbsu aħna, nagħmlu kollox aħna. Meta naħdem f’dawn il-partijiet, allaħares tbiddel int għax huwa insult. F’dawn it-tip ta’ films ikun hemm in-nies apposta biex ilibbsuk u jieħdu ħsieb kif tidher. L-unika rwol tiegħek hu li tieħu ħsieb li tirreċta.
Kelli wkoll parti ma’ Antonio Banderas fuq serje tat-televiżjoni. Is-serje kien jismu Genius, u jien kelli karattru ta’ mara Spanjola. Però meta ffilmjajna aħna, kien hemm il-karattru li kien qed jinterpreta Antonio Banderas, imma meta kien għadu żgħir. Niftakar li dakinhar kienet ħafna xita u ma ltqajtx miegħu.
Ħa narawk f’xi sensiela oħra jew film?
Iva, ħadt sehem fil-film, Luzzu, li kellu joħroġ dan is-sajf. Id-direttur hu Malti li jgħix l-Amerika u li barra minn xtutna qed jikseb suċċess kbir. Kelli ieħor, Karmen, id-direttriċi Maltija u twieldet ġewwa l-Kanada. Dawn iż-żewġ films inħadmu qabel il-pandemija. Lanqas ilu xejn li bagħtuli għal xi auditions għall-films u nittama li jkolli rwoli oħra.
Kellek opportunitajiet li tmur tieħu sehem barra minn Malta iżda dejjem sfaxxaw. X’ġara?
Hekk hu! Fil-film, Risen, kienu ser itellgħuni Spanja u kont ser niltaqa’ mal-appostli kollha u l-Madalena. Imbagħad l-istoriċi qalulhom li wara t-tislib ilkarattru tiegħi tissemma biss fil-Pentecoste u ma tissemma mkien iżjed. Allura biex huma jkunu qrib il-verità, iddeċidew jikkanċellaw. Kelli kollox lest u preparat, u ġimgħa qabel qaluli bl-aħbar. Tlift opportunità li nieħu sehem barra bħala attriċi.
Fil-film, 13 hours, li nġibed Malta wkoll, kellhom itellgħuna Tripli; konna jien u l-attur Manwel Cauchi bħala koppja. Suppost kellhom itellgħuna Tuneż fid-‘dar tagħna’. Id-direttur għoġbitu l-Belt Valletta u qalilhom li kien ser jiffilmja hemm minflok. Għalkemm ħadt gost li għażel pajjiżi, hemm tlift opportunità oħra! Li kienet ħelwa f’dan il-film hija li peress li jien ħdimt ma’ Manuel Cauchi ħasbu li dan hu r-raġel tiegħi għax għandna l-istess kunjom. Id-direttur qalilna biex nagħmlu biċċa konversazzjoni fittizja mal-atturi prinċipali Alexia u John. Aħna bdejna nitkellmu u bdew jistaqsuna x’jogħġobna bħala post. Alexia staqsietna kemm konna ilna miżżewġin. Aħna għednielha li konna ilna 9 snin. Staqsietna kemm kellna tfal u aħna weġibna li kellna 12-il tifel u tifla. Aħna konna qed inwieġbu kollox skont il-karattru tagħna! Kif id-direttur qal, ‘Cut’ u spiċċa x-xena, din l-attriċi daret fuqi u qaltli, “How do you cope with 12 children and shooting as well?”. Imbagħad kelli nispjegalha li jien u Manuel ma konniex miżżewġin u konna qed inwieġbu kollox fittizju għall-fini tax-xena! Wara tgħidx kemm dħakna jien u Manuel għax mhux l-ewwel darba li ġratilna li ħasbuna koppja!
Naħseb anke meta tkun ma’ Herman, jaħsbukom koppja!
Fil-bidu ħafna aktar! Fil-fatt ġieli jkun hemm xi ħadd u jistaqsini fuq Herman u ngħidlu li dak hu r-raġel tat-television. Dawn jibqgħu jħarsu lejja qisni qed ngħid xi ħaġa ħażina!
Simpatika bħal dejjem, Frida Cauchi dejjem ikollha xi storja interessanti x’taqsam magħna! Tinsewx issegwu lil Frida fuq il-programm, Gazebo kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-18.15 u t-19.45 fuq TVM. Kif ukoll ir-repetizzjonijiet ta’ Simpatiċi.