9 minute read

Intervista mal-kantanta Amber

AMBER

L-album il-ġdid, ir-radju u aktar gossip

Advertisement

Minn mindu kienet tifla kienet tara dawk in-nies li jagħlqu t-tletin sena bħala xi ħaġa kbira, xi ħaġa ’l bogħod, xi ħaġa ta’ maturità. Amber tgħidilna li issa li waslet għat-tletin qed tħoss li m’hemm xejn daqshekk differenti minn snin oħrajn. Amber kibret tagħmel dak li tħobb, ħarġet it-tieni album, daħlet tistudja, qed tippreżenta programm fuq ir-radju u għandha ħajja mimlija bl-affarijiet li tħobb.

Dawn l-aħħar 10 snin għamilt ħafna affarijiet. Kif iddeċidejt terġa’ tibda tistudja?

Jiena gradwata bħala kindergarten assistent, bħala primary teacher u llum il-ġurnata naħdem bħala primary teacher. Wara li lestejt il-kors tal-Education iddeċidejt li nagħmel Masters fuq innovation u creativity fil-fakultà ta’ Edward Debono. Dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nkompli nistudja u s’issa għadha tberren f’moħħi x’kors għandi nerġa’ nibda. Jiena nemmen li teduka lilek innifsek u li titgħallem qatt mhu biżżejjed, anzi trid dejjem tistinka u titgħallem. Jien iddeċidejt li nagħmel Masters f’xi ħaġa kompletament differenti, f’innovation u creativity. Dan il-kors jiffoka fuq kif tgħix il-ħajja u jgħinek tħares lejn il-ħajja b’mod differenti, kif timplimenta l-kreattività u l-innovazzjoni f’kull ħaġa li tagħmel, issa jew fittagħlim jew fil-mużika. Fil-kors tgħallimna fuq “thinking hats”, titgħallem tilbes kappell differenti, ta’ kull persuna li taf tiġi affettwata minn dik id-deċiżjoni jew l-idea li ser toħloq. Dan il-Masters tista’ timplimentah f’dak li tħobb, eżempju jiena iffukajtu fuq it-tagħlim u fuq il-mużika. It-teżi tal-Masters tiegħi għamiltha fuq kif il-kreattività u l-innovazzjoni mxew matul iż-żmien fl-industrija tal-mużika f’Malta.

Inti darba tfajt post taħraq fuq kif stazzjonijiet lokali tar-rajdu ma jdoqqux diski Maltin, imbagħad xi xahar wara mort taħdem fuq radju inti stess. Immaġinajt li ser tibda f’dan is-settur?

Meta ktibt dak il-post lanqas kont nimmaġina li se nkun qiegħda nagħmel programm fuq ir-radju. Dak il-post kien purament mill-perspettiva artistika. Jien illum nagħmel programm fuq Magic Malta u minħabba dan il-fatt hemm xi stazzjonijiet tar-radju ma jdoqqux id-diski tiegħi sempliċiment għax jien kompetitriċi u jiddispjaċini ħafna. Inħoss li dawn ma jafux jagħmlu distinzjoni bejn Amber l-artista u Amber ir-radio host. Apparti minn hekk inħoss li aħna l-Maltin nagħtu bis-sieq lit-talent tagħna stess għax nagħtu iktar importanza lill-“image” milli lill-vuċi jew il-mużika li noħolqu. Issa l-ironija hi li inti tisma’ l-mużika mhux taraha. Allura mbagħad hekk toħloq barrier għal diversi artisti lokali li

sfortunatament il-mużika tagħhom ma tistax tittrażmetti. Waħda mir-raġunijiet għalfejn kont ktibt dak il-post fuq Facebook, għax kont ħriġt track, “Dance the Night Away” li kienet marret tajjeb ukoll fil-PRS chart u kien hemm stazzjon tar-radju partikolari li ma riedx idoqqhieli għax qalli li m’għandix biżżejjed views fuq Facebook tal-video. Għalkemm naħseb li l-mużika lokali qed tindaqq ħafna iktar, xorta waħda għad hemm dik l-‘imma’. Pereżempju kellek Mużika Mużika li bħala Magic Malta konna ndoqqu d-diski kollha, imma sfortunatament kien hemm stazzjonijiet tar-radju li jew għażlu li ma jdoqquhomx jew inkella għażlu li jdoqqu ftit minnhom. Jista’ jkun li l-ġeneru jdoqq iktar għal dak l-istazzjon tar-radju partikolari, imma li ma ddoqqx ir-rebbieħ! Jien għalija kanzunetta tajba tmur lil hinn millġeneru u l-image.

Jien nammirak għax inti meta mort fuq ir-radju u issa fuq @magic qiegħda tagħmel dak li verament temmen fih u tistiednu kantanti anka li ħadd ma jkun jaf bihom.

Jien inħoss responsabilità bħala radio host u bħala artista li nagħti spazju. Jiena nixtieq li bħalma jiena, waqt li kont qed nikber fil-karriera tiegħi, sibt opportunitajiet, hekk ukoll ħaddieħor. Aħna nemmnu li m’hemmx ġeneru, li nagħtu spazju t-talent lokali kemm jekk hu ġdid u kemm jekk hu stabbilit, nagħtu spazju lill-materjal ġdid, lill-bands ġodda u anka opportunità li forsi jsibu n-niche tagħhom. Apparti minn hekk, nagħtu ġieħ lil dawk il-kanzunetti tal-artisti lokali li ffurmaw u li għamlu triq lill-artisti tal-lum għax kull artist li jiġi, ngħidulu biex jagħżel kanzunetta ta’ kantant jew band tal-passat jew ta’ issa imma mhux tiegħu biex ikanta diska ta’ artist ieħor.

Inti u l-kopreżentatur Dorian Cassar għandkom sinerġija tajba ħafna flimkien. X’tgħidilna fuqu?

Vera, però l-opposti. Ma’ Dorian inqatta’ ħafna ħin u mnalla li naqblu għax mhux faċli li tagħmel programm ta’ tliet sigħat kuljum fuq ir-radju u ieħor fil-ġimgħa fuq it-televixin. Dorian kalm, jiena persuna nervuża ħafna. Jiena persuna li ngħid dak li nħoss, li dak li għandi ngħidlek ħa ngħidhulek mill-ewwel; m’għandix kantunieri, imma Dorian huwa l-persuna li jaħseb qabel ma jgħid xi ħaġa. Dorian ċajtier ħafna u ġieli lanqas inkun naf li qed jiċċajta għax tant jibqa’ serju li ġieli jkun qed jiġbidli saqajja u lanqas ninduna!

Apparti minn hekk, Dorian għallimni ħafna, għax jiena dħalt fid-dinja tar-radju mingħajr ma naf xejn imma Dorian ilu minn mindu kellu sittax-il sena fuq ir-radju. Tant inqattgħu ħin flimkien u nitkellmu fuq affarijiet, li nqisu bħala ħija. Dorian ġieli jagħmilli xi sorpriżi u ħa ngħidlek jaħsadni, u jien kexxun nidħol għalihom.

Waħda mis-sorpriżi kienet li ġablek lil Mary Rose! Tiftakar?

Konna għadna kemm ħriġna l-kanzunetta Tifkiriet. Vera kienet xi ħaġa li xtaqt naħdem fuqha għax għalija, Mary Rose hija idolu u leġġenda. Hi all rounder, tajba f’kollox, baqgħet kurrenti u għandha karattru tal-ġenn. Niftakar Dorian kien ġabhieli fuq ir-radju, kien wieħed mill-ewwel programmi li għamilna. Għalaqli għajnejja u jien bdejt nippanikja. Kienet qaltilna li hi wkoll kienet għamlet żmien tippreżenta fuq ir-radju. Issa jien persuna li ma nħobbx is-sorpriżi u rrid kontroll fuq kollox però din ta’ Mary Rose Mallia kienet sorpriża mill-isbaħ u apprezzajt ħafna li ġiet.

Issa li qed nitkellmu fuq il-kanzunetti tiegħek, x’tgħidilna fuq l-album il-ġdid, 1991?

Il-kanzunetti kollha ħlief Put Away Your Money ktibthom jien. Din il-kanzunetta kellha tkun il-bonus track tal-album, għax ingħatat lili minn producer minn barra minn Malta li dan ħadem ma’ artisti kbar ħafna fosthom Little Mix. Kienet dejjem ixxewqa tiegħi li nikteb album kompletament jien; xtaqt li jkun aktar album personali, fejn nitkellem dwar esperjenzi li għaddejt minnhom jiena, esperjenzi li smajt li xi ħadd ikun għadda minnhom imma forsi nista’ nirrelata magħhom u anka xi esperjenzi li rajt fis-series jew qrajt f’xi ktieb. Ridt li jkollu tema varjata u anka bħala mużika għax jiena bħala Amber, inħobb nisma’ kull ġeneru ta’ mużika għalkemm il-jazz u blues huma favoriti. Jiena nisma’ stili differenti u fl-album xtaqt ninkludi stili differenti u niktibhom flimkien. Domt sentejn niktbu u bqajt inbiddel sal-aħħar. Infatti l-aħħar kanzunetta li ktibt kienet proprju tliet ġimgħat qabel ma ħareġ l-album, jisimha ‘Free’ u b’dedika għan-nanna. Dik ktibtha ftit wara li mietet. Kienet l-iktar diska diffiċli li qatt ktibt f’ħajti u xtaqt li din id-diska tfakkarni fil-ħafna memorji sbieħ li kelli mannanna. In-nanna tiegħi kienet l-akbar kritika u l-akbar fan tiegħi, u żgur kburija li hi parti minn dan l-album.

Tgħidilna x’ispirak fuq il-kanzunetti l-oħra?

Id-diska For You titratta persuna li tant tkun tħobbha li din kollox għalik. Din tiġri ħafna fil-ħajja, li tant tkun tħobb persuna li tissaporti, tagħmel minn kollox biex relazzjoni tibqa’ b’saħħitha u mhux teżisti biss imma tikber u tiffjorixxi, u ħafna drabi għandek diversi persuni li jħallu ħafna affarijiet warajhom, fosthom ilkarriera, biex ir-relazzjoni tibqa b’saħħitha. Dik id-diska ddedikata għal dawk il-persuni li jibqgħu jissieltu biex ir-relazzjoni tibqa’ hemmhekk mhux min-naħa waħda biss, għax f’relazzjoni tasal f’punt fejn tgħid għajjejt imma “for you I gave everything up for you and I’ll keep on fighting cause I am worth it and you are worth it”.

Song oħra bħal That’s Life li mhijiex fuqi imma kont ktibtha fuq relazzjoni Ii kont rajt fuq series, fejn persuna taqliba lill-persuna l-oħra, imma xtaqt niktibha mhux mill-perspettiva tal-vittma imma mill-persuna l-oħra. Titkellem fuq din il-persuna li qasmet qalb ilpersuna l-oħra u qalbithielha għax m’għadhiex tħobb lil din il-persuna. L-idea hi li ppruvajt, jiddispjaċini li m’għadnix inħobbok b’dak il-mod imma onestament dik hi l-ħajja u ma tistax tagħmel mod ieħor. Xtaqt noħloq perspettiva oħra li ħafna drabi ma naħsbux fiha; kemm hi diffiċli li tieqaf tħobb persuna.

Waħda mill-iktar tracks li jogħġbuni huma l-love songs għax jien inħobb ħafna l-love songs u l-ballads, u xtaqt li l-album ikollu love song li purament qiegħda tgħid li tħobb persuna. Imma l-iktar waħda li togħġobni hi Goodbye, l-ewwel track tal-album, li titratta s-saħħa ta’ persuni. Il-goodbye ħa tkun mhux inti lili imma jiena lilek. Anka meta nħossni down hija kanzunetta li nħobb nisma’ biex ittini dik il-boost morali.

Daqsxejn messaġġi differenti f’dan l-album. Jien inħobb nikteb fuq l-imħabba imma nħobb nitkellem minn perspettivi ta’ mħabba li persuna tiltaqa’ magħhom, tipi ta’ mħabbiet differenti jew perjodi oħra fl-imħabba li mhux dejjem nagħtuhom importanza fil-mużika. Jien ippruvajt noħloq perspettivi differenti tal-imħabba anka dawk li huma kattivi jew li ma taqbilx magħhom.

La tikteb ħafna fuq l-imħabba, Amber romantika?

Lanqas xejn, diżastru għar-romantiċiżmu. Lanqas nifhem lili nnifsi li jirnexxili nikteb fuq affarijiet romantiċi u nkanta bl-emozzjoni, però jiena vera m’iniex romantika u ma nħobbx nuri l-emozzjonijiet. Lanqas inħobb min ikun romantiku miegħi. Insib l-ispirazzjoni għall-kitba u meta nkanta għax ninterpreta karattru u nidħol fl-idea ta’ karattru.

Amber u l-karozza. Ta’ sikwit naraw ħafna ritratti fil-karozza tiegħek. X’tgħidilna fuq is-sewqan? Smajna li kellek xi esperjenza li ħallejt lil Dorian bla kliem.

Jien insuq tajjeb ħafna. Jien persuna nibża’ ħafna millveloċità, jiġifieri lili mhux ħa ssibni nagħfas il-gass, u niġġieled ħafna fit-triq għax jien persuna tal-punt. Darba lil Dorian, kważi bellahtu, konna sejrin naraw X Factor, u ta’ quddiemi waqaf bl-eżatt u kelli nibbrejkja u ġejt vera viċin tal-karozza l-oħra.

Ma’ Dorian ukoll din is-sena kellkom sfida kbira! Għamiltu serje fuq il-Eurovision u xandira speċjali fuq dan il-konkors. Tgħidilna ftit fuq din l-esperjenza?

Jiena u Dorian inzertajna fans kbar tal-Eurovision, u nemmen li biex tippreżenta programm bħal dak trid tkun fan biex tagħmlu. Kienet sfida, u kien jinvolvi ħafna riċerka, trid tibqa’ għaddej titkellem non-stop dwar dak li qed tara. Apparti minn hekk, kellna 5 programmi fuq ittelevixin. Dawk il-ħmistax kienu intensi ħafna għalina għax konna mmorru naraw kull rehearsal, nibagħtu affarijiet lil xulxin fuq updates li joħorġu, riċerka fuq kull kantant, kif sejrin il-betting odds, views fuq videos tal-Youtube, konna nsegwu diversi bloggs u anka nagħmlu kuntatt magħhom, fosthom kellna intervista ma’ Afrojack li ġibnieha wkoll permezz tal-Eurovision għax kien ħa jkun parti mill-intermission show. Fuq kollox kienet esperjenza vera sabiħa li għallmitni ħafna, anka l-mod kif nitkellem, meta teħel xi trid tagħmel pereżempju jew fuq xiex għandek titkellem.

Taqbel li X Factor mhux ħa jagħżel il-kanzunetta għall-Eurovision?

Jien nemmen li l-X Factor u l-Eurovision huma żewġ produzzjonijiet totalment differenti. L-idea ta’ X Factor hu li ssib talent ġdid u tkabbru u ssaħħu, it’s a singer competition. Il-Eurovision mill-banda l-oħra huwa song contest fejn inti tagħżel il-kanzunetta ideali li titla’ għallEurovision. Jien għalija meta l-X Factor u l-Eurovision għaqqduhom flimkien żgur emmnu li ser tkun xi ħaġa tajba. Però bħala fan tal-Eurovision, il-Eurosong inħobbu, u kellek diversi artisti li ma daħlux jew waqfu. Jien naħseb li jkollna t-tnejn li huma hu importanti ħafna; apparti minn hekk terġa’ tagħti vuċi wkoll lill-kompożituri u awturi. Il-Malta Eurovison huwa pjattaforma oħra għallartisti li ma jidħlux fl-X Factor għaliex ikunu diġà stabbiliti. Jien ngħid, “I never say never għall-Eurovision”, għax jien inħobbu ħafna l-Eurovision. Għalissa ma naħsibx imma, għax qed niffoka fuq affarijiet oħra, sakemm ma jinbidilx il-pjan.

Isimgħu lil Amber kuljum bejn it-tlieta u s-sitta fuq Magic Malta. Tista’ tisma’ wkoll il-kanzunetti l-ġodda fl-album 1991 fuq il-mezzi soċjali jew għall-bejgħ minn ħwienet ewlenin.

This article is from: