6 minute read

Ittra minn omm li għaddiet minn ħafna

Għeżież qarrejja,

Jiena Gertrude, mara li nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Studjajt it-Teoloġija, gradwajt darbtejn biex stajt ngħallem, iżda għaddejt minn żmien diffiċli. Dak iż-żmien kont għaddejja minn separazzjoni u skont ir-reliġjon Kattolika ma stajtx ngħallem is-suġġett li tant ħabbejt.

Advertisement

Minn għalliema spiċċajt koordinatur fiċ-ċentru tannisa ġo Ħal Far. Il-problemi li rajt kienu kbar, però b´determinazzjoni kbira xi wħud konna negħlbuhom u oħrajn jibqgħu hemm u nitgħallmu ngħixu madwarhom. Dak iż-żmien kont sibt is-sapport mingħand ommi li kienet tgħin lili u ħafna nisa residenti wkoll. Ħafna drabi kienet tmur tiġborli t-tfal mill-iskola u ġġibhomli lura. Dak iżżmien ċentri tat-tfal ma kinux jeżistu.

Sfortunatament ommi ħallietna fl-età ta’ 55 sena u kull min kien jafha kulħadd bl-istess frażi, jgħid kemm kienet mara eżemplari li għexet għall-familja. Il-kanċer ħadhieli, kien agressiv ħafna u f´temp ta’ tliet xhur mietet. Il-mamà kienet tgħożż lil uliedi u dejjem tiġri bihom. Mietet fit-12 ta’ Diċembru tal-2010. Minn dakinhar ħajti nbidlet. Ridt nara kif ser inlaħħaq mat-tfal u max-xogħol. Hemm apprezzajt dak li ommi kienet tagħmel miegħi. Il-mamà kienet it-tielet id tiegħi. Kont immur ix-xogħol u l-Università b’ moħħi mistrieħ li t-tfal tiegħi, Victoria u Petra, kienu miżmumin u mitmugħin sew. Kont niġi nsib id-dar nadifa u platt sħun.

Fl-2011 iltqajt mal-partner tiegħi mill-Ġermanja u tlajt miegħu flimkien ma’ wliedi ġewwa Köln. Dak iż-żmien il-partner kien jaħdem darba fil-ġimgħa mad-Deutsche Welle, bħala ġurnalist. Il-paga kienet bilkemm isservi biex inħallsu l-kera. Biex tgħaxxaq ħriġt tqila bit-tielet tarbija, li llum għalqet 8 snin. Dak iż-żmien kont qed nagħmel Masters fl-Università ta’ Bonn fl-Ekumeniżmu. Għedtilkom fil-bidu li jien nipprova nlaħħaq ma’ kollox! Żgur ma temmnunix jekk ngħidilkom li wara l-aħħar eżami tal-ewwel semestru bqajt sejra l-isptar għax ma bdejtx inħossni tajba. Hemm ibbukkjawli ċesarja għasSibt filgħodu u twieldet Yasmin fl-10 ta’ Marzu tal-2012. Għamilt tliet ġimgħat id-dar nieħu ħsieb it-tarbija u grazzi għall-Kap tal-fakultà tal-Istorja, aċċettani bit-tarbija waqt il-lezzjonijiet. Trid tarani nredda’ u nibdel il-ħrieqi. Dakinhar sibt iż-żewġt ibniet tiegħi ta’ spalla kbira; dak iżżmien kellhom madwar 12-il sena.

B’kollox jien omm ta’ ħamest itfal u nanna ta’ tnejn. Victoria u Petra issa kibru. It-tnejn bil-familja tagħhom. Imbagħad hemm Yasmin, Laila u Gianni. Gianni ż-żgħir għandu ħames snin, tifel ubbidjenti li jaf diġà erba’ lingwi.

Fil-Ġermanja ħdimt diversi xogħlijiet fosthom marrefuġjati. Kien xogħol iebes ħafna! Konna nirċievu refuġjati billejl fil-kampijiet; nagħmlulhom id-dokumenti u nibagħtuhom fir-reġjuni li għalihom ġew mibgħuta. Kont nagħmilha ta’ translator mill-Ġermaniż għall-Għarbi meta jkunu sejrin l-isptar. Ħafna drabi kont nakkumpanja nisa tqal.

It-tfal inħobbhom wisq u ridt nara x’ser nagħmel biex kull tifel u tifla jsibu l-imħabba bħalma sabu t-tfal tiegħi. Ma kinitx possibbli li nagħmel xi ħaġa l-Ġermanja, iżda Malta rnexxieli. Ftaħt l-ewwel ċentru tat-tfal u semmejtu Santa Rita għal ommi. Iċ-ċentru qiegħed fil-bypass ta’ Birkirkara (ftit ’l isfel minn Mater Dei) u l-kulur oranġjo huwa predominanti fl-emblema. L-orangjo jfakkarni fil-fjuri, fir-rebbiegħa u fir-riħa friska tal-baħar. Dan iċ-ċentru hu għażiż ħafna għalija għax xi darba kienet id-dar tiegħi. Ilpost hu komdu ħafna u joffri ambjent ta’ familja. Investejt iktar xħin rajt li dan il-proġett qed ikun ta’ suċċess u llum, St Rita Childcare Center, hu wieħed mill-ikbar ċentri li hawn f’Malta. Id-dar trasformajtha f’ċentru adekwat għat-tfal iż-żgħar. Komplejt investejt u kabbart is-soft play area u l-ġnien. Dak li jkun malli jiġi jara l-post biex jikteb lil uliedu jintlaqat mill-ewwel xħin jara l-ispazju ta’ barra!

Grazzi għall-ħaddiema li jaħdmu miegħi, iċ-ċentru hu eċċellenti fl-indafa. Ma nżomm ebda miżata biex jinkitbu t-tfal għax jien inpoġġi lili nnifsi fiż-żarbun tal-omm u l-missier, li min jaf kif ikunu għaddejjin biex irabbu lillfamilja u jlaħħqu mal-ispejjeż. Kif kont jien wara kollox! Nużaw ir-riżorsi milli jkollna u dejjem għamilna kollox mingħajr ma nneffqu lill-ġenituri. Il-ħinijiet ma nagħfsux fuqhom, l-importanti li l-ġenituri javżawna minn qabel. Kull ġenitur japprezza ħafna li nagħmlu ma’ wliedhom u ħafna drabi nirċievi messaġġ li jdawwarli għajnejja bi dmugħ.

Minkejja li jismu Santa Rita, iċ-ċentru huwa multikulturali u ma hemm ebda sinjal reliġjuż. Nemmen li aħna kollha l-istess u r-reliġjon hi xi ħaġa personali. Infatti aħna niċċelebraw il-Milied u anke niċċelebraw ir-Ramadan li din is-sena se jibda fit-tnax ta’ April u jispiċċa fil-ħdax ta’ Mejju. Niċċelebraw il-kulturi li jagħmluna umani. Għandna tfal minn kull rokna tad-dinja. Taħlita sabiħa! Inzerta li waħda mill-ġenituri li jġibu t-tfal tagħhom fiċ-ċentru tiegħi kont nafha tfajla meta kont naħdem Ħal Far. Iċ-ċentru hu speċjali għax kulħadd jaħdem bi mħabba.

Jien nemmen f’dak li qalu l-UNICEF, “Għal kull tifel u tifla hemm id-dritt għat-tfulija”. Kien għalhekk li l-motto tagħna

għaċ-ċentru hu “Happy parent… happy baby”. Ħafna millattivitajiet li nagħmlu jirrikjedu natura u ambjent li jgħinu lit-tfal jitgħallmu ħafna. It-tfal jitqassmu bl-etajiet. Għandna l-grupp tat-trabi, li huwa minn erba’ xhur sakemm jibdew jimxu imbè. Imbagħad jimxu fil-grupp tat-tfal li għandhom sentejn. Fl-aħħar hemm il-grupp tat-toddlers u l-grupp talprekinders.

Taf kemm jiġu ommijiet barrranin li ma jkollhom lil ħadd min jieħu ħsieb lil uliedhom sakemm imorru għall-interview! Ġieli ġew ommijiet li jkunu qed irabbu waħidhom, li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħi biex neħdulhom ħsieb it-tfal. Ngħidilkom id-dritt, il-post hu kbir u ma narax għalfejn ma għandix inżommhom free of charge. Bħalissa l-barranin għaddejjin bil-problema tal-ID card u sakemm jirranġaw il-karti, jien inżommilhom lit-tfal.

Iċ-ċentru nżommu free of charge kemm nista’. Kienu okkażjonijiet rari, eżempju għal xi festin, li jinġabru xi flus. Illum il-ħajja iebsa u biex isservik il-paga mhux faċli. Allura kemm jista’ jkun nużaw riżorsi milli għandna u tiskanta kemm joħorġu isbaħ l-affarijiet. Apparti minn hekk kull min iġib it-tfal għandna, kulħadd bl-istess kumment, li t-tfal iħossuhom qegħdin id-dar. Fiċ-ċentru nimxu ma’ kurikulu u nħeġġu lit-tfal tagħna li jilagħbu kemm jista’ jkun barra. Issa li se jkollna ġnien kbir tgħidx x’għandna preparat! It-tfal iridu jilagħbu biex jitgħallmu u jridu jitgħallmu jilagħbu. Iridu jitħammġu, b’hekk jikbru! Aħna xogħolna mhux li ngħallmu akkademikament. Dak inħalluh għall-iskola primarja. Xogħolna hu li nqanqlu fit-tfal kurżità. Il-kurżità għall-ħajja!

L-hena tagħhom it-tfal fis-sajf, jixxarrbu bl-ilma bil-pipe, dak il-pjaċir tagħhom! Inkella meta nwaħħlu l-karti mal-ħajt barra kemm iħossuhom kburin! Trid tara x’tiċrita jkollhom fuq wiċċhom meta jiżżerżqu miż-żurżieqa u jiġu ġo tray talkuluri! L-hena tiegħi narahom jieħdu gost meta nkun Malta.

Tgħidli timmissja lil Malta? Ħafna! Hi art twelidi, l-art li tatni lsien uniku – l-Malti. Malli ngħid li jien minn Malta, in-nies iħobbuk. Meta mmur għand xi tabib, l-ewwel ma jgħidli “Valletta and Gozo”. Sintendi kull darba għajnejja jimtlew bi dmugħ. Inħossni wisq kburija xħin l-ajruplan jinżel flajruport. It-tfal jibdew jgħajtu, “Ma wasalna”, u n-nies kollha jiggustawhom għax inkunu tlaqna mill-Ġermanja jitkellmu bil-Ġermaniż u xħin naslu Malta jitkellmu bil-Malti. Tant jien kburija li l-librerija tiegħi hi mibnija apparti bil-kotba talUniversità, bil-kotba u rumanzi klassiċi Maltin.

Lanqas naf kif inlaħħaq! Ir-raġel jgħinni ħafna. Fiż-żminijiet ta’ qabel il-pandemija, kien iżomm it-tfal hu sabiex noqgħod ġejja u sejra Malta. Iżda xogħlu mhux dejjem jippermettilu minħabba li hu ġurnalist, u ġieli jiġu miegħi. Nirringrazzja lill-Mulej li hemm iz-zija Polly li teħodli ħsieb xi affarijiet u lill-maniġer Bernice Aguis li tmexxi ċ-ċentru b’tant dedikazzjoni. Il-carers imexxu ċ-ċentru b’attenzjoni u bi mħabba immensa. Inlaħħaq għax meta tkun qed taħdem mill-qalb u taf li veru qed tagħmel differenza fil-ħajja tannies, tiġik enerġija pożittiva.

Din kienet l-istorja tiegħi s’issa. Gertrude

Jekk interessat tkun taf aktar dwar iċ-ċentru tagħna żur www.facebook.com/StRitaMalta

This article is from: