13 minute read

Tagħrif fuq il-kanzunetti u l-kantanti li ser jieħdu sehem

MUŻIKA MUŻIKA!

Eċitament kbir għal dan il-festival Malti!

Advertisement

Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija ser jirritorna bil-kbir! B’kollox kien hemm 149 sottomissjoni għal dan il-festival. “Huwa ta’ pjaċir ninnota li Mużika Mużika ser iservi ta’ pjattaforma importanti għall-mużika Maltija”, tenna l-Ministru Herrera filwaqt li awgura l-kompożituri, l-awturi u l-artisti kollha li ssottomettew il-kanzunetti tagħhom. Is-Sur Bugeja li hu ċ-Chairman ta’ Mużika Mużika qal li, “Il-volum ta’ sottomissjonijiet juri l-fiduċja u l-entużjażmu tal-artisti tagħna”.

Dawn huma s-semifinalisti kollha li ser jieħdu sehem f’dan il-festival li ser isir fit-18, 19 u 20 ta’ Marzu 2021 ġewwa t-tinda tal-MFCC f’Ta Qali u ser ikun qed jixxandar fuq TVM fid-9:00pm.

Għajjejt Inħobb

Kantant - Christian Arding | Kompożitur - Gilbert Bibi Camilleri | Awtriċi - Rita Pace

Għajjejt Inħobb hija l-istorja ta’ raġel li għaddej minn abbuż emozzjonali fiż-żwieġ. Raġel li ilu snin isofri nuqqas ta’ rispett minn martu, fejn dak li jagħmel mhux biss mhux apprezzat, imma jitpatta b’tgħajjir u umiljazzjonijiet. Flok iħossu maħbub, jiġi mġiegħel iħossu ħati. Għala jissemmew biss id-difetti tiegħu u qatt ma jingħata kliem ta’ tifħir u apprezzament, anzi jiġi akkużat anki b’affarijiet li m’għamilx? Bi dmugħ li ma jara ħadd, jiftakar fiż-żmien tant sabiħ tal-bidu u jistaqsi kif inbidel kollox, kienx qatt maħbub verament. Jixtieq jerġa’ jikseb il-paċi imma qata’ qalbu u jħossu ma fadallux iktar x’jagħti.

Binti

Kantanti - Janvil u Jade Vella | Kompożitur - Richard Micallef | Awtriċi - Roberta Magri

Il-kanzunetta Binti titratta l-imħabba unika ta’ bejn il-missier u bintu. Tesprimi b’mod partikolari s-sentimenti tagħhom fil-jum li l-bint tiżżewweġ u tkun se tibda ħajja ġdida mal-maħbub tagħha. Għaldaqstant teħodna fuq vjaġġ t’emozzjonijiet min-naħa tat-tnejn li jirriflettu r-rabta speċjali ta’ bejn il-missier u l-bint. Minkejja l-kapitlu ġdid li se jibda ma’ dan il-pass tant importanti, l-imħabba li nżergħet matul is-snin wasslet għal dak li l-ħajja qed tippreżenta llum u għaż-żmien li ġej. Imħabba ta’ missier u bint, li jiġri x’jiġri, tibqa’ għal dejjem. Hija kanzunetta li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, anki fi rwoli differenti, u li titrażmetti emozzjoni lil kull min jismagħha.

Fjamma

Kantant - Fabrizio Faniello | Kompożitur - Philip Vella | Awtur - Emil Calleja Bayliss

Fil-ħajja wieħed dejjem ħa jiltaqa’ ma’ diversi sfidi. Sfidi li ġġib magħha l-ħajja lil kull wieħed u waħda minna. Sfidi li jkollna bżonn niġġildulhom ilkoll. Dawn l-isfidi ta’ min ikunu jidhru kbar u ta’ min ikunu iżgħar. Iżda lkoll sfidi li rridu naffrontaw. F’din il-kanzunetta naraw li fit-tarf tat-triq dejjem ħa nsibu d-dawl. Dawl li f’din il-kanzunetta huwa rrappreżentat minn fjamma. Fjamma li b’mod viżiv hija rrappreżentata mix-xemx; ix-xemx li tfeġġ mas-sebħ ta’ jum ġdid li magħha ġġib tamiet ġodda. Iżda din il-fjamma tista’ wkoll tkun irrappreżentata fil-qalb ta’ kull individwu li jemmen li hemm tama.

Għal Dan il-Lejl

Kantanta - Charisse Anne Vassallo | Kompożitur - Mark Spiteri Lucas | Awtur - Emil Calleja Bayliss

Fil-kanzunetta, it-tfajla tesprimi x-xewqat tagħha li tqatta’ l-bqija ta’ ħajjitha flimkien ma’ dan il-ġuvni iżda fir-relazzjoni jidher li hemm xkiel. Xkiel li qed iżommhom ’l bogħod minn xulxin f’kull waqt u f’kull ħin. Iżda għal dan il-lejl ħa jwarrbu dan ix-xkiel u jkunu biss ta’ xulxin. It-tfajla tant tħossha speċjali din ir-rabta li titlob lill-ġuvni sabiex jaħarbu flimkien fejn ikunu jistgħu jgħożżu lil xulxin għal dejjem bla problemi ta’ xejn. L-imħabba tagħhom hi waħda tant b’saħħitha li l-aktar ħaġa importanti f’għajnejn it-tfajla hi li jkunu flimkien u xejn aktar. Kull koppja taffaċċja sfidi quddiemha u jidher li dawn iż-żewġ maħbubin għandhom min qiegħed ixekkilhom biex iż-żerriegħa tal-imħabba ma tinbitx sabiex ma tkomplix tikber u tiffjorixxi.

Għażiż

Kantanta - Danica Muscat | Kompożitur - Cyprian Cassar | Awtur - Emil Calleja Bayliss

Waħda mill-aktar kanzunetti personali u mill-qalb li qatt interpretat il-kantanta minħabba li tista’ tqisha bħala kanzunetta awtobijografika. Kanzunetta ddedikata lil xi ħadd speċjali li f’ħajjet il-kantanta dejjem kien hemm, kien ta’ sapport anke meta spiċċa jikkumbatti u jissielet għal ħajtu. Hu baqa’ hemm ta’ sapport u sostenn, isaqsi dwarha u dwar binha l-għażiż. Sfortunatament illum il-ġurnata m’għadux magħna u din il-kanzuentta hija dedika speċjali għall-memorja għażiża tiegħu. Kull min tilef lil xi ħadd speċjali f’ħajtu jaf il-weġgħa li ġġib magħha kull telfa, iżda l-memorji ġewwa qalbna jibqgħu hemm għal dejjem u dawn ma jeħodhom ħadd.

Ħarsa Biss

Kantant - Glen Vella | Kompożitur - Philip Vella | Awtur - Joe Julian Farrugia

Minkejja r-rabtiet, nitolbok ma tabbandunax ir-relazzjoni sigrieta tagħna. Nibqa’ nistenniek titla’ ħdejja għal dak il-ftit ħin, li minkejja li ma jiġrux spissi, dejjem infittxuhom it-tnejn li aħna. Tħalli lil ħadd jinduna u lili dejjem issibni nistenniek. Iddumx ma tiġi, għalkemm jekk ma tiġix, nifhem is-sitwazzjoni tiegħek u nittama li tkun darb’oħra. Imma meta tiġi, t-tqanqiliet ma jitfissrux bil-kliem... issaħħarni anki b’ħarsa waħda. L-intimità ta’ bejnietna ma jifhimha ħadd ħlief aħna... ftit ħin li minnu ma nitilfu xejn. Kif ħdejja, għalkemm għal ftit ħin, inħossni fl-aħjar mumenti tiegħi. U għalkemm forsi llum ma tiġix... nibqa’ nittama li nerġa’ nara dik il-ħarsa waħda tiegħek li tagħtini l-isbaħ waqtiet.

Ħudni Lura

Kantanti - Bernie & Pod | Kompożitur - Bernard Bonnici | Awtur - Ivan Farrugia

Iż-żmien ma jistenna ’l ħadd u għalkemm dan iż-żmien li ngħaddu minnu ngħixuh b’kull mod possibbli, dejjem nħarsu lura u ngħidu “Imma fejn mar dak iż-żmien? Fejn ħalliena? Ħudni lura… imma fejn? U għaliex?” Ħudni Lura hija bbażata fuq taħdita mażżmien u x’kien għaddej matul iż-żmien. L-awtur, b’karba u b’sens ta’ melankolija, jiddjaloga maż-żmien u jsaqsih il-għala ħallieh, il-għala telaq b’ħeffa mingħajr ma stennieh, mingħajr ma ħallieh igawdi kemm xtaq dak li kien jgħożż f’ħajtu. Fil-kanzunetta Ħudni Lura, l-awtur joħroġ l-awtentiċità tal-mod ta’ kif jikteb billi jħalli l-libertà espressiva fil-lirika tiegħu. Ħudni Lura twasslek f’diversi sitwazzjonijiet immaġinabbli tal-ħajja, sew jekk hi storja bejn żewġ maħbubin sew jekk storja ta’ bejn iż-żmien u l-karba tal-awtur, li għex ħajtu jiġri wara l-ħin. F’din il-ħajja tant mgħaġġla ftit wisq napprezzaw iż-żmien u ma nintebħux li dak li jgħaddi ma jiġix lura. L-awtur jiġbor is-sens ta’ din id-diska fl-aħħar frażijiet fejn jgħid li ż-żmien ma jistenna ’l ħadd u l-ebda karba m'hi se twaqqfu.

Il-Kitarra u Jien

Kantant - Philip Vella | Kompożitur - Philip Vella | Awtur - Joe Julian Farrugia

Fil-ħajja jiġru ħafna ġrajjiet. Tisma’ minn hemm u minn hawn aħbarijiet ta’ ferħ u niket. Jekk inħares lura niftakar ħafna minn dawn il-mumenti li għaddejt... imma mhux waħdi... jien u l-kitarra tiegħi. Huma mumenti li nisslu fija emozzjonijiet differenti, emozzjonijiet li meta ma stajtx ngħidhom bil-kliem, qalithom miegħi l-kitarra f’melodija li tirrifletti ż-żminijiet. Pajjiż li dejjem mifrud fuq kollox jingħaqad meta jinġabru l-fondi għall-morda u l-batuti, pajjiż li jibki meta jiġru aċċidenti traġiċi, bħal xi splużjoni f’xi kamra tan-nar, jew it-traġedja tat-tarzna. Min-naħa l-oħra l-kitarra u jien, mal-pajjiż kollu, fraħna wkoll meta beltna saret il-kapitali Ewropea tal-kultura fl-2018. Il-melodija tkompli, daqqa ta’ ferħ u daqqa ta’ niket. Ir-ritmu ta’ bejnietna ma jiqafx... u r-rota tkompli ddur.

Int Biss

Kantanta - Christina Magrin | Kompożitur - Mark Scicluna | Awtur - Mark Scicluna

Il-kliem fil-lirika tal-kanzunetta Int Biss jirreferu għal esperjenzi mhux daqstant sbieħ li xi darba jew oħra kull bniedem jgħaddi minnhom tul il-ħajja tiegħu. Esperjenzi bħal dawn jistgħu jirriżultaw f’mumenti ta’ solitudni, fejn kollox jidher impossibbli u fejn il-bniedem jispiċċa jitlef kull tama. Huwa f’waqtiet bħal dawn, fejn il-bniedem jista’ jdur lejn xi ħadd jew xi ħaġa akbar minnu, xi ħadd li għalkemm mhux preżenti fiżikament huwa preżenti spiritwalment. L-ispiritwalità fil-bniedem għandha s-saħħa li tfejjaq l-uġigħ, kemm tal-qalb u anke tar-ruħ, biex b’hekk il-bniedem fraġli jerġa’ jqum fuq saqajh u jimtela b’tama ġdida għall-ġejjieni. Il-metafora tilgħab parti importanti fil-lirika, fejn l-awtur ixebbah din l-entità kbira ma’ elementi li huma essenzjali għall-għajxien tal-bniedem, bħalma huma n-nifs, id-dawl, l-ilma u x-xemx. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bniedem jibqa’ jirrispetta ċ-ċokon tiegħu ħdejn din l-entità, u jitlobha biex tibqa’ żżommu għal dejjem ħdejha.

Kompli Tbissem

Kantanti - Avenue Sky | Kompożitur - Glen Vella | Awtur - Andy Muscat

Il-ħsieb wara l-kanzunetta Kompli Tbissem huwa li tkun kanzunetta li b’xi mod tgħollilek il-moral. Għalkemm miktuba u ispirata miż-żminijiet mhux tas-soltu li qed ngħixu bħalissa, b’din il-kanzunetta l-awturi xtaqu li jwasslu l-messaġġ li fil-ħajja kemm jista’ jkun għandna nippruvaw insibu xaqq ta’ dawl f’kull sitwazzjoni. Spiss insibu ruħna f’perjodu fejn xejn f’ħajjitna ma jibqa’ jagħmel sens; iżda, jekk niftakru ftit f’kemm għaddejna minn affarijiet u nifhmu kemm aħna verament b’saħħitna, għandna nsibu l-kuraġġ li nibqgħu dejjem inħarsu ’l quddiem u nkunu kapaċi nerġgħu niftakru kif nitbissmu. Dan ma jfissirx li f’mumenti diffiċli għandna nippretendu li aħna kuntenti. Madankollu, jiġri x’jiġri f’ħajjitna għandna dejjem niftakru li dejjem hemm tama li xi darba negħlbu kull intopp li naffaċċjaw u allura verament ikollna raġuni għal xiex nitbissmu.

L-Ewwel Jien

Kantanti - Kantera | Kompożitur - Elton Zarb | Awtur - Joe Julian Farrugia

Il-bniedem fassal il-ħajja għalih biss. Min jaf kieku l-għasfur kellu s-senter f’idu? Min jaf kieku ż-żiemel isuq il-karozzin hu? Żgur jagħmlu affarijiet differenti milli nagħmluhom aħna. In-natura kapaċi tgħix f’armonija ta’ kuluri u sliem li l-bniedem mhux kapaċi joħloq. Anki l-lingwa stess tpoġġi lilna l-ewwel, nagħmlu li jaqblilna, tellieqa għal min jilħaq l-ewwel għeneb, nimxu bil-ħbieb u nagħmlu li jaqbel lilna u lilna biss. U biex nagħmlu dan ħarbatna d-dinja; baħar kollu plastik, temperaturi jinbidlu u dħaħen fin-nifs li rridu nieħdu aħna stess. Imma xi ħadd daħħalhielna f’rasna li d-dinja tagħna biss... u sakemm nibqgħu nemmnu hekk, is-sitwazzjoni tkompli sejra lura.

Lil Binti

Kantant - Mark Spiteri Lucas | Kompożitur - Mark Spiteri Lucas | Awtur - Mark Spiteri Lucas

L-awtur qiegħed ikellem lil bintu u juriha d-differenza bejn li tkun għadha żgħira u li tikber. Meta tkun żgħira ssib min jieħu ħsiebha u jfissidha u jilgħab magħha, u meta tikber ikollha taqdef waħedha u ssolvi l-problemi tal-ħajja hi stess. Imma l-awtur qiegħed ukoll juriha kemm hu importanti li tħaddan il-valuri li hu stess rawwem fiha meta kienet għadha żgħira.

Naħseb Fik

Kantant - AIDAN | Kompożitur - Aidan Micallef | Awtur - Aidan Micallef

Naħseb Fik, ta’ Aidan, fuq kliem u mużika tiegħu stess, hija kanzunetta bi stil pop kummerċjali li titratta dwar kif l-awtur qed jikteb rima fuq l-imħabba bħala turija ta’ kemm jaħseb f’dil-persuna speċjali. Bi ħsejjes moderni u ħjiel ta’ stil reggaeton, Naħseb Fik tappella għal ħafna nies li qegħdin ’il boghod mill-maħbubin tagħhom. Naħseb Fik hija miktuba fuq stil differenti minn dak li s-soltu mdorrijin nisimgħu – ritmu mgħaġġel li jikkumplimenta dan l-istil, u jagħmel il-kanzunetta iżjed friska u tajba għar-radju. Aidan qal “Ilni ħafna nixtieq naħdem fuq kanzunetta Maltija b’dan l-istil u namalgama dan il-ħoss mal-lingwa Maltija. Nemmen ħafna li biex inżommu l-kanzunetta Maltija ħajja għandna nevolvu u nimxu ma’ ħsejjes moderni u ninsab ħerqan biex naqsam din il-kanzunetta mal-poplu Malti.”

Ta’ Ftit Kliem

Kantant - Ryan Grech | Kompożitur - Ryan Grech | Awtur - Ryan Grech

Illum il-ġurnata niltaqgħu ma’ bosta nies li huma familjari ma’ xi forma jew oħra ta’ ansjetà. Din il-kanzunetta hija mnebbħa minn esperjenzi personali, li sikwit jimmanifestaw ruħhom f’paniku intern, mingħajr ebda raġuni loġika jew valida. Din is-sensazzjoni irrazzjonali ġġib magħha ċertu biża’, tħoss id-dinja ta’ madwarek bħal donnha tkun ser tibda titfarrak fuqek għalxejn. Il-frustrazzjoni li tippreżenta ruħha f’dak il-mument, tibda tgħatti l-ħsibijiet l-oħra, u b’hekk tagħmilha aktar diffiċli sabiex persuna tkun tista’ tagħmel attivitajiet relattivament normali – bħal sempliċiment tintroduċi lilha nnifisha ma’ persuni ġodda, jew biex twieġeb telefonata li ma tkunx mistennija. Mhux dejjem nindunaw minn xiex ikunu għaddejjin ta’ madwarna, u jeħtieġ li nuru aktar kompassjoni. Aktar ma ninnormalizzaw dawn it-tbatijiet rikorrenti, aktar inkunu nistgħu nagħmlu kuraġġ biex infittxu l-għajnuna meħtieġa.

Tbissimli

Kantanta - Michela Galea |Kompożitur - Mark Spiteri Lucas | Awtur - Emil Calleja Bayliss

It-tbissima hija d-duwa ta’ kollox fil-ħajja u meta tiġi mingħand xi ħadd speċjali għalina tkun tfisser aktar, għalkemm il-qawwa tagħha hija tant b’saħħitha li tiġi mingħand min tiġi, ħa tnissel sens ta’ paċi u serenità. It-tbissima apprezzata f’kull ħin u f’kull mument, kemm fl-għodwa meta wieħed ikun għadu qed jistenbaħ u jibda jipprepara għal jum ġdid u anke meta wieħed ikun wasal sabiex itemm il-jum tiegħu wara ġurnata mimlija. It-tbissima sabiħa anke meta jitfaċċaw il-problemi għax fiha nnifisha taf toffri wens u kuraġġ. Tbissima tressaq żewġ persuni viċin aktar ta’ xulxin mingħajr ma tintqal kelma waħda biss. Dik is-saħħa li għandha. Tbissima kapaċi twassal messaġġ li wieħed isib diffiċli biex jingħad; infatti t-tbissima tista’ tqisha bħala l-fomm tar-ruħ. B’hekk l-għanja ta’ tbissimli, għax f’dik it-tbissima hemm mitqlu deheb.

Teżor

Kantanta - Janice Mangion ft. George Curmi Pusè | Kompożitur - Cyprian Cassar u Mark Scicluna | Awtur - Emil Calleja Bayliss

Fil-ħajja hawn min ikun iffurtunat biżżejjed li jsib l-imħabba ta’ ħajtu, oħrajn idumu jfittxuha din l-imħabba... hemm min isibha u hemm min jibqa’ jfittex. Iżda dawk li jsibuha jafu li jkunu sabu l-isbaħ teżor, teżor imprezzabbli li jiġri x’jiġri ħa jħalli impatt fuq ħajjithom. Impatt pożittiv b’tant episodji ta’ hena, ferħ u kuntentizza. Il-fatt li f’ħajtek għandek preżenza speċjali ħa twassal għal żmien ferm aktar feliċi speċjalment fil-mumenti intimi bejn iż-żewġ maħbubin. Permezz ta’ din l-imħabba wieħed jispiċċa iħares lejn il-ħajja minn lenti pożittiva, tant li l-ħolm jissawwar f’realtà. F’dik l-imħabba int tkun sibt teżor, b’djamant li jdawwal ħajtek kull fejn ikun meħtieġ. Tista’ tgħid li din is-sinfonija ta’ mħabba tilħaq il-milja tagħha mad-daqq tal-vjolin li flimkien mal-interpretazzjoni mill-qalb joħloq armonija perfetta. Dwett ta’ mħabba li tkompli tikber tul ilkanzunetta u l-passjoni tkompli ħierġa aktar ċara fl-interpretazzjoni passjonanti ta’ dawn iż-żewġ strumenti, il-vuċi u l-vjolin.

Tista’

Kantant - MJAW | Kompożitur - MJAW | Awtur – MJAW

It-tema prinċipali ta’ Tista’ hija l-qawwa. Tfakkarna li s-salib tal-imgħoddi, li nġorru u li għal xi raġuni anke ngħożżu, nistgħu nitilquh... dejjem u biss jekk nagħrfu ngħixu ħajja kompletament awtentika u mgħannqin mas-sempliċità. Hija diska li tesprimi s-sbuħija eżilaranti tal-mument ta’ issa, fejn il-mewġ, iż-żiffa, in-nebħa ta’ kelb, jew id-daħk tat-tfal jilagħbu fi nżul ix-xemx, jistgħu jqajmuk mill-ħolma kerha u ansjuża li saret ħajjitna. Tista’ dduq in-nar feroċi ta’ paċi li d-dinja għandha ħabta tinsa... dejjem u biss jekk tmut kuljum għal dak li mingħalik taf, u b’hekk tagħmel wisa’ għall-ġdid. Hija l-anqas diska mqarba li qatt ħareġ il-Mjaw s’issa. Ġiet irrekordjata, immiksjata u mmasterjata ġewwa l-flat żgħir fejn jgħix l-artist. L-istrumenti fl-arranġament jinkludu żewġ kitarri differenti, kitarra bass, bagalja kbira tal-ivjaġġar, cajon żgħir tat-tfal, tazza tal-kristall, u skutella tal-ħadid.

Vizzju

Kantanta - Raquel | Kompożitur - Aidan Cassar | Awtur - Aidan Cassar

Vizzju ta’ Raquel, fuq kliem u mużika ta’ Aidan Cassar, b’ħoss modern u melodija b’saħħitha, tagħti emozzjoni u tagħmel il-kanzunetta etnika fuq stil pop kontemporanju. Bħal kull vizzju, l-imħabba hija daqstant perikoluża meta tgħaddi minn żmien iebes u esperjenzi koroh. Raquel spjegat, “Niftakar li ta’ età żgħira, bosta nies ġibduli l-attenzjoni biex ingawdi l-ħajja u nkun iżjed libera għax għad baqagħli żmien biex inkun f’relazzjoni. Huma ftit dawk li emmnu li tista’ ssir tħobb ta’ età żgħira u kemm għandha saħħa u sens l-imħabba.” Raquel qalet li “din il-kanzunetta tfisser ħafna għalija għax b’permezz ta’ Vizzju tista’ turi l-veru saħħa u kemm taffettwalna l-imħabba f’ħajjitna”.

Warajk

Kantant - Franklin Calleja | Kompożitur - Dominic Cini | Awtur - Etienne Micallef

Il-kanzunetta Warajk hija waħda ta’ tama u mimlija kuraġġ. Matul ħajjitna ngħaddu minn diversi mumenti differenti, kemm dawk sbieħ kif ukoll episodji negattivi li jittimbraw il-ħajja tagħna. Il-kanzunetta tagħti xaqq dawl lil dik il-persuna li għaddejja minn perjodu mdallam fil-ħajja tagħha u tisħaq li qatt mhu tard biex temmen li tista’ tinbidel u ssir bniedem aħjar. Minkejja li wieħed ikun konxju ta’ kemm żbalja jew kemm il-ħajja kienet iebsa miegħu, jista’ jagħmel l-almu tiegħu biex isir bniedem aħjar, billi jqum fuq saqajh għaliex se jsib dik il-persuna li tappoġġjah fit-triq tal-fejqan emozzjonali u forsi fiżiku wkoll. IIkliem jisħqu li biex tkun kuntent trid tgħix il-ħolm bħalma jgħixu t-tfal bl-innoċenza tagħhom u ttir ħellies fil-għoli maqtugħ mill-weġgħat tal-imgħoddi.

Sinfonija Ħiemda

Kantant - Miguel Bonello | Kompożituri - Aldo Spiteri u Bradley Spiteri | Awtur - Joe Julian Farrugia

Għalkemm ma taranix nitħallat ma’ kulħadd daqs ħaddieħor ma jfissirx li jien xi kwiet. Magħmul hekk, insib wens ġo qoxorti, mistħi, f’xi rokna mwarrba, bogħod mill-istorbju u l-folol li ma jagħrfunix. Imma fis-skiet waħdani tiegħi hemm dinja oħra, dinja li int ma tafx biha. Fiha mogħdijiet sbieħ tal-ħajja, fiha djalogu vivaċi għaddej bejni u bejn ruħi, fiha ħajja li ma tafx b’għira u mibegħda. Fiddinja tiegħi qatt ħadd ma jħossu tellief. Iħarsu lejja b’mod differenti, imma jagħmlu hekk għax qatt ma ttantaw jittawlu fid-dinja tiegħi. Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ, imma ma jridux jafu. Fid-dinja siekta tiegħi hemm sinfonija sħiħa li intom ma tisimgħuhiex, imma għalija kapulavur.

Tgħid liema kanzunetta ser tirbaħ?

This article is from: