GWIDA MARCH 2020

Page 39

GWIDA SpeĊjali

MUŻIKA MUŻIKA!

Eċitament kbir għal dan il-festival Malti!

Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija ser jirritorna bil-kbir! B’kollox kien hemm 149 sottomissjoni għal dan il-festival. “Huwa ta’ pjaċir ninnota li Mużika Mużika ser iservi ta’ pjattaforma importanti għall-mużika Maltija”, tenna l-Ministru Herrera filwaqt li awgura l-kompożituri, l-awturi u l-artisti kollha li ssottomettew il-kanzunetti tagħhom. Is-Sur Bugeja li hu ċ-Chairman ta’ Mużika Mużika qal li, “Il-volum ta’ sottomissjonijiet juri l-fiduċja u l-entużjażmu tal-artisti tagħna”. Dawn huma s-semifinalisti kollha li ser jieħdu sehem f’dan il-festival li ser isir fit-18, 19 u 20 ta’ Marzu 2021 ġewwa t-tinda tal-MFCC f’Ta Qali u ser ikun qed jixxandar fuq TVM fid-9:00pm.

Għajjejt Inħobb

Kantant - Christian Arding | Kompożitur - Gilbert Bibi Camilleri | Awtriċi - Rita Pace

Għajjejt Inħobb hija l-istorja ta’ raġel li għaddej minn abbuż emozzjonali fiż-żwieġ. Raġel li ilu snin isofri nuqqas ta’ rispett minn martu, fejn dak li jagħmel mhux biss mhux apprezzat, imma jitpatta b’tgħajjir u umiljazzjonijiet. Flok iħossu maħbub, jiġi mġiegħel iħossu ħati. Għala jissemmew biss id-difetti tiegħu u qatt ma jingħata kliem ta’ tifħir u apprezzament, anzi jiġi akkużat anki b’affarijiet li m’għamilx? Bi dmugħ li ma jara ħadd, jiftakar fiż-żmien tant sabiħ tal-bidu u jistaqsi kif inbidel kollox, kienx qatt maħbub verament. Jixtieq jerġa’ jikseb il-paċi imma qata’ qalbu u jħossu ma fadallux iktar x’jagħti.

Binti

Kantanti - Janvil u Jade Vella | Kompożitur - Richard Micallef | Awtriċi - Roberta Magri

Il-kanzunetta Binti titratta l-imħabba unika ta’ bejn il-missier u bintu. Tesprimi b’mod partikolari s-sentimenti tagħhom fil-jum li l-bint tiżżewweġ u tkun se tibda ħajja ġdida mal-maħbub tagħha. Għaldaqstant teħodna fuq vjaġġ t’emozzjonijiet min-naħa tat-tnejn li jirriflettu r-rabta speċjali ta’ bejn il-missier u l-bint. Minkejja l-kapitlu ġdid li se jibda ma’ dan il-pass tant importanti, l-imħabba li nżergħet matul is-snin wasslet għal dak li l-ħajja qed tippreżenta llum u għaż-żmien li ġej. Imħabba ta’ missier u bint, li jiġri x’jiġri, tibqa’ għal dejjem. Hija kanzunetta li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, anki fi rwoli differenti, u li titrażmetti emozzjoni lil kull min jismagħha.

Fjamma

Kantant - Fabrizio Faniello | Kompożitur - Philip Vella | Awtur - Emil Calleja Bayliss

Fil-ħajja wieħed dejjem ħa jiltaqa’ ma’ diversi sfidi. Sfidi li ġġib magħha l-ħajja lil kull wieħed u waħda minna. Sfidi li jkollna bżonn niġġildulhom ilkoll. Dawn l-isfidi ta’ min ikunu jidhru kbar u ta’ min ikunu iżgħar. Iżda lkoll sfidi li rridu naffrontaw. F’din il-kanzunetta naraw li fit-tarf tat-triq dejjem ħa nsibu d-dawl. Dawl li f’din il-kanzunetta huwa rrappreżentat minn fjamma. Fjamma li b’mod viżiv hija rrappreżentata mix-xemx; ix-xemx li tfeġġ mas-sebħ ta’ jum ġdid li magħha ġġib tamiet ġodda. Iżda din il-fjamma tista’ wkoll tkun irrappreżentata fil-qalb ta’ kull individwu li jemmen li hemm tama. GWIDA Marzu 2021 39


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.