4 minute read
L-Imberkin Nisa
from GWIDA MARCH 2020
F’dan l-imbierek jum, magħruf bħala Jum il-Mara, spiss jiġru avvenimenti li jfixxklu ċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa għannisa Maltin. Is-sena l-oħra ma tantx stajna niċċelebrawh kif nistgħu għax proprju dakinhar Malta kienet inkwetata blewwel każ ta’ Covid-19 li kien instab. Fl-2017, proprju f’Jum il-Mara, kienet waqgħet it-tieqa t’Għawdex u wkoll kienet poġġiet Jum il-Mara fil-ġenb! Issa naraw din is-sena x’ser toffri, imma aħna ta’ GWIDA ddeċidejna li ngħidu lin-nisa kollha qarrejja tagħna:
Awguri f’dan il-jum! Intom taħdmu ħafna u mhux minn dejjem kontu tiġu ppremjati u onorati għal dak li tagħmlu. Biss iż-żminijiet issa qed jinbidlu u l-mara fis-soċjetà qed tiġi aktar stmata.
Advertisement
Jekk hemm xi rġiel li qed jaqraw dan l-editorjal, mela nħeġġiġkom biex tal-inqas jew: 1. Tixtru warda lin-nisa; din ma tħaxxinx u ma jistgħux jgħidu li huma bid-dieta. Warda sabiħa tirrapreżenta l-ġmiel u l-isbuħija femminili, filwaqt li dak ix-xewk li jikber maz-zokk tal-warda jirrapreżenta s-saħħa tagħhom u l-fatt li mhumiex daqshekk vulnerabbli. 2. Hemm ukoll ġiżirajjen b’pendent sabiħ li jfakkar dan il-jum! 3. Jew inkella jekk mhux għaddejjin b’xi dieta, tista’ tixtri kaxxa ċikkulatini!
Kont taf li hemm ukoll ktieb li jfakkar nisa leġġendi f’Malta? Jismu Amazing Maltese Women ta’ Kristina Chetcuti b’ illustrazzjonijiet ta’ Marisa Attard. L-istorja Maltija għandha tendenza li tiffoka fuq l-irġiel li kienu relevanti ħafna għallistorja, biss kien hemm diversi nisa ta’ qalb tajba li ħallew il-marka tagħhom fuq pajjiżna. Dan il-ktieb jiċċelebra n-nisa Maltin u jsegwi l-istorja tagħhom mill-qrib bis-saħħa tal-illustrazzjonijiet u stil ta’ comic. Dan il-ktieb speċjali jiddokumenta l-ħajjiet ta’ dawn in-nisa kuraġġużi li għexu ħajjithom għall-missjoni. Uħud huma ismijiet li nafuhom, imma ħafna huma nisa li kieku mhux għal dal-ktieb abbli jintesew. Pereżempju Clara La Spatara, ħaddieda li kienet rikjesta immens fi żmien il-Kavallieri, jew Mary Ellul li kellha saħħa ta’ supereroj u salvat qatigħ nies waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, jew Maria de Dominici waħda mill-ewwel nisa qatt irreġistrati fl-istorja bħala artista madwar id-dinja.
Xtaqna wkoll nagħtu ġieħ lin-nisa fis-soċjetà Maltija li ħadmu għal xi ħaġa partikolari u li taw kontribut qawwi.
Irene Condachi – Twieldet fis-7 ta' Ġunju tal-1899 u ħallietna fl-1970. Kienet waħda miż- żewġ tobba nisa li kienu f'Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet waħda mill-pijunieri biex infetħet l-iskola tas-servizz mediku. Kienet ukoll responsabbli li teradika l-iscabies mill-iskejjel tal-Gvern. Meqjusa bħala pijuniera fil-qasam mediku f'Malta.
Mary Meilak – Twieldet fid-9 t'Awwissu tal-1905 u ħallietna fl-1975. Mary kienet poeta Maltija u meqjusa bħala l-ewwel poeta femminili qatt irreġistrati f'Malta. Kienet ukoll l-ewwel mara li ppubblikat ktieb ta’ poeżiji. Mary kienet
mir-Rabat Għawdex u għal bosta snin kienet għalliema. L-ewwel poeżija tagħha kien jisimha Faxx Nemel u kitbitha meta kellha 25 sena.
Mabel Strickland – Twieldet fit-8 ta' Jannar tal-1899 u mietet fl-1988. Mabel kienet politikanta u ġurnalista, kif ukoll bdiet l-Allied Newspapers Ltd, sid ta' ġurnal f'Malta. Fl-1935 saret l-editur tat-Times of Malta u Il-Berqa. Dejjem iddefendiet b'passjoni l-libertà ta' ġurnal ħieles u indipendenti.
Agatha Barbara – Twieldet fis-sena 1923 u ħallietna fl2002. Agatha kienet it-tielet President ta' Malta u l-ewwel mara. Agatha kienet ukoll l-ewwel membru parlamentari mara f'Malta, l-ewwel ministru mara, l-ewwel aġent Prim Ministru mara, u l-ewwel President mara. Kien fl-1946 meta bdiet tinvolvi ruħha fil-politika mal-Partit Laburista. Bħala ministru tal-edukazzjoni kienet għamlet obbligatorja li t-tfal imorru l-iskola sa 14-il sena. Kienet il-moħħ ta' bini jew tkabbir ta' 44 skola. Taħtha bdew jitqassmu l-kotba b'xejn u l-istudenti tal-kulleġġ bdew jirċievu pocket money.
Gemma Portelli – Imwielda fl-1932 u ħallietna fl-2008, kienet attriċi Maltija. Ġemma ta' età żgħira bdiet fuq ixxandir permezz tar-Redifussion. Kien fl-1957 li ngħaqdet mar-Radju Muskittieri flimkien ma' Charles Clews u Johnny Catania. Ġemma tibqa' mfakkra għall-parti ta' Ġoma li kellha f'Baħar Wieħed. Fl-2000 ingħatat il-midalja għall-qadi tar-Repubblika u fl-2007 fil-Go Malta Television Awards ġiet onorata l-unur ta' Charles Arrigo Lifetime Achievement Award. Ġemma pijuniera fit-teatru Malti.
Daphne Caruana Galizia – Imwielda fl-1964, kienet ġurnalista, opinjonista u blogger Maltija. Daphne kienet ukoll tieħu ħsieb rivista fuq id-djar. Mara li qatt ma ddejqet tgħidha kif inhi. Sit internazzjonali poġġha lilha f’ lista mal-aktar 28 persuna influwenti fl-Ewropa. Daphne nqatlet b'mod brutali fl-2017.
Anna Bonanno – Anna Bonanno kienet l-ewwel mara fuq ix-xandir, hi tgħid li tinsab kburija li tul is-snin tagħha li għamlet bħala ġurnalista ħajret numru ta' nisa jidħlu f'din ix-xena wkoll. Bdiet il-karriera tagħha bħala għalliema, iżda kulma damet ftit xhur f'din il-linja. Kienet ħasset li t-triq tagħha kellha tkun xi mkien ieħor u minn hemm kienet daħlet bħala ġurnalista. Hi waqfet mill-PBS lura fl-2004 u minn hemm kellha diversi avventuri oħra, infatti spiċċat irritornat l-Università wara madwar tletin sena fejn iffukat fuq ittraduzzjoni.
Angela Coleiro – L-ewwel mara transgender li ħadmet fix-xandir f'pajjiżna. Angela twieldet Tas-Sliema u bdiet ilkarriera tagħha fuq ir-radju fl-1985 fejn kienet tippreżenta rokna żgħira. Kienet ukoll waħda mill-atturi u kittieba tas-sensiela popolari satirika tas-snin 80, Aħna aħna jew m’aħniex. Ħafna jafu lil Angela bħala dik il-persuna li dejjem mexxiet il-kanzunetta Maltija ’l quddiem, fuq il-programmi tagħha dejjem tat spazju biex iddoqq materjal ta’ artisti lokali. Angela xandret minn fuq diversi stazzjonijiet u kellha wkoll bosta programmi matul is-snin.
Roberta Metsola – Roberta twieldet fit-18 ta' Jannar tal1979 u hija membru tal-Parlament Ewropew. Reċentment Roberta ġiet eletta bħala waħda mill-Viċi Presidenti talParlament Ewropew, l-iktar rwol għoli li qatt okkupa Malti. Dan l-irwol huwa t-tieni l-ogħla fil-Parlament Ewropew.
Helena Dalli – Imwielda fid-29 ta' Settembru tal-1962 u hija l-ewwel mara Maltija li qatt serviet bħala Kummissarju Ewropew nominat minn pajjiżna. Helena hi Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.
Hemm ħafna aktar nisa li preżentament qed jagħmlu unur lil Malta. Fosthom Hayley Bugeja fil-qasam sportiv u Emma Muscat u l-vuċi stupenda tagħha li qed issaħħar lil ħafna fil-kamp internazzjonali. Charmaine Gauci li bl-aktar mod għaqli qed tmexxi lil pajjiżna f’din il-pandemija. Insemmu wkoll lill-ministri nisa li qed jagħmlu xogħol tajjeb, kif ukoll il-membri parlamentari femminili. Il-lista ma tispiċċa qatt u kull mara jistħoqqilha ġieħ għal dak kollu li qed tagħmel ta’ ġid għal pajjiżna.