9 minute read
Intervista ma’ Neil – L-għawwiem li qed jikser ir-rekords
NEIL AGIUS
Għam għal 52 siegħa minn Lunisa sa Malta
Advertisement
Tintervista Sephora Cutajar
Minn esperjenza kerha fejn inqabad ġo borża talplastik waqt li kien qed jgħum, l-atleta Olimpiku jikser rekord dinji sabiex ikompli jqajjem kuxjenza dwar l-ambjent.
Sa ftit tal-ġimgħat ilu, Neil Agius żamm lil kulħadd fuq ix-xwiek, isegwi l-għawma tiegħu fejn anke bosta nies taw sehemhom billi jiġbru 6 biċċiet tal-plastik li jsibu mormija fil-bajjiet b’mod irresponsabbli permezz talisfida li nieda, Wave of Change.
Ġimgħat wara li Neil Agius għam għal 52 siegħa minn Lunisa sa Malta tkellimna miegħu dwar ilpreparazzjonijiet meħtieġa għal din l-għawma, dwar is-sagrifiċċji u dwar il-futur ta’ Wave of Change.
Kif bdiet il-karriera tiegħek fl-atletika u l-għawm?
Neil: L-għawm dejjem kien parti minn ħajti, niftakar ukoll meta konna mmorru għand in-nanna. Darba meta kelli tliet snin kelli inċident fil-pool waqt li l-kumplament tal-familja kienu qed jippreparaw l-ikel. Dak il-ħin ħadd ma nduna u mbagħad sabuni blu u kellhom jippumpjawli l-istonku biex joħroġ l-ilma. Niftakar il-ġenituri jgħiduli li wara l-inċident, bkejt ftit, imbagħad erġajt inżilt ngħum. Dejjem ħassejt
“Meta kont żgħir kelli inċident fl-ilma.”
ġibda għall-ilma u għall-għawm. Eventwalment bdejt immur il-lezzjonijiet talgħawm u bdejt ngħum man-Neptunes. Kuntent ħafna li grazzi għas-sagrifiċċji li għamilt, l-għawm ħadni f’diversi pajjiżi u saħansitra rrapreżentajt lil Malta fl-Olimpjadi tal-2004, u ħadt sehem f’diversi kampjonati dinjija oħra fosthom f’Barċellona, Melbourne u Quebec.
Liema kienet l-ewwel sfida simili tiegħek?
Neil: Wara li waqaft ftit mill-għawm għal madwar 7 snin, f’Jannar tal-2018 iddeċidejt li ridt ngħum madwar Malta u kont ftaħt bieb ta’ opportunità fejn ħajti tajtha tifsira; li nagħmel dawn l-isfidi, li nisfida lili nnifsi fiżikament u mentalment, u li nservi ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor. L-għan kien li nkun ta’ ispirazzjoni għan-nies sabiex jagħmlu aktar għażliet għaqlija fejn jidħol il-konsum tal-plastik fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ingħatajt responsabbilità li ma kontx naf li ser ikolli imma lest li nuża l-għodda kollha neċessarja b’mod għaqli matul dan il-vjaġġ. L-ewwel għawma tiegħi billejl kienet speċjali ħafna u nħossni xxurtjat li stajt nesperjenza l-kwiet u l-kalmizza li jġib miegħu l-lejl. Wara xi sigħat ngħum, inqbadt ġo borża tal-plastik li għattietli wiċċi kollu u dak il-ħin ħadt qatgħa kbira. Minn hemmhekk nibtet l-idea u l-kunċett ta’ Wave of Change bħallikieku l-ispirtu tal-oċean poġġa dik il-borża apposta sabiex ninqabad fiha u nkun il-vuċi tiegħu.
Għawma bħal din kif tipprepara għaliha mil-lat fiżiku u anke dak mentali?
Neil: L-ewwel ma nagħmel niddiskuti mat-tfajla u n-nies kollha viċin tiegħi inkluż il-familja u l-ġenituri, għaliex din hija xi ħaġa li ser tinvolvi lilhom ukoll u ser jgħaddu minn sagrifiċċji daqsi. Minħabba t-taħriġ li jkolli nagħmel, ilpreżenza tiegħi tkun limitata għaliex nersaq lejn id-dar biex nistrieħ biss għax inkun għajjien ħafna.
Nitħarreġ għaliha qisni għandi xogħol full-time. Infatti matul il-ġimgħa nitħarreġ bejn 2 u 3 sigħat kuljum fil-pools filwaqt li l-Ġimgħa darba fil-pool u darba fil-baħar. Imbagħad is-Sibt nitħarreġ fil-baħar u dejjem inżid fis-sigħat. Nibda minn 3 sigħat sa 12-il siegħa.
L-ikbar taħriġ huwa dak mentali u l-iktar li jinvolvi xogħol għaliex qed tpoġġi lilek innifsek waħdek fil-baħar għal ħafna sigħat u moħħok ser jiġri ħafna bik.
Huwa kruċjali li tkun preparat sabiex tħossok kunfidenti f’li qed tagħmel. Jekk ma tħossokx kunfidenti definittivament, ser ikollok ħafna dubji. Dan filwaqt li għandu jkollok stampa tal-għawma kollha li ser tagħmel b’dak kollu li ġġib magħha inkluż uġigħ, skumdità u bram. Imbagħad inti tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tibda timmarka l-ħsibijiet kollha li jkollok u taffaċċjahom waħda waħda.
B’kuntrast għall-isfida tas-sena l-oħra, din kien fiha aktar kilometri. X’esperjenzajt li kien diffiċli aktar u/jew simili bejniethom?
Neil: L-għawma ta’ madwar Malta kienet l-iktar waħda diffiċli għaliex ma kellix esperjenza f’dan l-isport tal-open water u long distance. Infatti minkejja li kont preparat sew fiżikament, mentalment ma kontx. Għaldaqstant kelli naffaċċja diversi sfidi u ċertu sitwazzjonijiet. Illum il-ġurnata nħares lejha aktar bħala sfida miegħi nnifsi u x’kapaċi nagħmlu aħna bħala umani. Xtaqt nuri li huwa possibbli li taffaċċja u tegħleb dawn is-sitwazzjonijiet jekk inti tipprepara ruħek mentalment ukoll.
Matul din l-għawma esperjenzajt sfidi diffiċli ħafna. Kien hemm mumenti fejn qtajt qalbek?
Neil: Kien hemm ħafna mumenti diffiċli u wħud minnhom kienu b’saħħithom ħafna, fosthom uġigħ f’saqajja, kif ukoll il-mewġ kontrija matul l-ewwel 24 siegħa li kont fil-baħar. Niftakarhom bdew jgħidu li lanqas fuq dgħajsa ma toħroġ f’baħar hekk, aħseb u ara tgħum billejl bejn pajjiż u ieħor.
L-enerġija li bdejt inħoss fil-baħar kienet negattiva ħafna u ma ħassejtnix sigur. Bdejt inħoss li ħa jiġri xi ħaġa. Infatti bdejt nibża’ u waqt li kont qed ngħum bdejt ngħid bejni u bejn ruħi li aħjar nieqaf għax ma jistax ikun, qed tuġagħni sieqi u għadna lanqas bdejna. Bdejt inħoss li mhux qed tagħmel sens li nagħmlu din l-għawma dik in-nhar. Niftakar vera kont bkejt u bkejt għal għaxar minuti. Imbagħad ġew it-tobba u tawni xi ħaġa għall-uġigħ ta’ saqajja u bdejt inħossni ħafna aħjar. Qbadt rutina fejn bdejt naqdef għal nofs siegħa u mbagħad nieqaf biex nixrob u niekol, u nerġa’ ngħum nofs siegħa oħra u nirrepeti.
Kien hemm ukoll l-alluċinazzjonijiet li kienu qawwijin ħafna li bdew ġejjin fit-tieni jum talgħawma tiegħi. Dawn kienu jinkludu mandalas, madalas blu deħlin ġo xulxin li sa ċertu punt kienu divertenti ħafna, tant li bdejt nara l-Atlantis taħti,
iħarsu lejja u jxejruli. Bdejt nara nies maġenb bar, nies fuq id-deckchairs u nies għaddejjin mixjin. Hawnhekk qed nitkellmu fuq eluf ta’ metri fond li fil-verità huwa impossibbli li jiena kont ser nara l-qiegħ tal-baħar.
Minkejja dawn id-diffikultajiet kont konvint li ser tagħmilha sal-aħħar?
Neil: Iva, kont konvint li ser nagħmilha sal-aħħar! Ovvjament ikollok dawk id-dubji fl-aħħar ġimgħat għax bdejt ngħid li huwa possibbli li qed nara kbir li jiena qed nipprova nagħmel xi ħaġa li ħadd ma għadu għamel fiddinja. Jgħaddu ħafna affarijiet minn moħħok imma dak il-ħin li kont fuq is-sellum kont ċert, għax inti tkun għamilt dawk is-sagrifiċċji kollha biex issa tkun kapaċi tinżel dan issellum, bilwieqfa, tħares ’il barra biex tagħmel dak li inti trid tagħmel fl-aħħar mill-aħħar. Ħadd ma jġegħelni nagħmilha, qiegħed nagħmilha minn jeddi.
Meta lestejtha, kif ħassejtek u x’ħassejt meta rajt dawk in-nies kollha jilqgħuk?
Neil: Meta dħalt fil-bajja tax-Xlendi kien relief kbir għax l-alluċinazzjonijiet li kelli qabel kienu full on tant li billejl lanqas stajt nara d-dgħajsa ħdejja u bdejt nara ħajt tassejjieħ quddiemi li qed nipprova nitla’ u naqbżu, u bdejt nara l-baħar kollu aħmar. Iżda kif bdejt nersaq viċin il-bajja kollox ikkalma u l-viżjonijiet kollha telqu, u bdejt nisma’ lin-nies u anke nara x’kien hemm quddiemi, u l-affarijiet li kont qed nara kienu reali u mhux nimmaġinahom. Kelli dik is-sensazzjoni ta’ “We did it!”.
Kont qed nistenna li jkun hemm nies jilqgħuni, imma ma kontx qed nistenna xi ħaġa hekk; kienet esperjenza verament speċjali, li ċertament m’iniex ħa ninsa daqshekk malajr. Imma mhux biss in-nies imma anke l-emozzjoni fl-għajjat tagħhom u l-mod kif laqgħuni kienet tinħass differenti mis-snin preċedenti. Din is-sena kienet tinħass iktar qawwija u ta’ ispirazzjoni.
F’terminu ta’ loġistika, meta tiddeċiedi li tagħmel għawma bħal din, x’tirrikjedi?
Ridna permessi mill-pajjiżi rispettivi u l-fatt li ninsabu waqt pandemija kellha l-limitazzjonijiet tagħha sabiex in-nies jikkoperaw magħna, tipo x’intom tagħmlu qed tippruvaw taqsmu l-baħar u tiġu bid-dgħajjes b’għoxrin ruħ meta hemm dawk in-nies kollha li qegħdin l-isptar?
Fuq id-dgħajsa tan-navigazzjoni jkun hemm xufier, motivator sabiex jassigura li għadni alert u kif ukoll il-feeder li tieħu ħsieb titmagħni. Dawn kollha jkunu qed jaħdmu f’xifts ta’ sagħtejn u jbiddlu bejniethom. Dan ifisser li kull sagħtejn, l-ekwipaġġ jinbidel biex huma jibqgħu friski u alert, jekk ħa jkunu għajjenin, ħa jibdew joħduli l-enerġija flok ituni l-enerġija li għandi bżonn. Ikun hemm ukoll tliet tobba sabiex jekk jinqala’ xi ħaġa, ikunu jistgħu jagħmlu l-intervent neċessarju. Dawn kollha jkunu qegħdin hemm fuq id-dgħajsa stess.
Ritratti: Marc Casolani Ritratti: Marc Casolani
Kulħadd jiġi bi ħġaru u “at their best self” u jikkommettu mija fil-mija li jagħmlu dak kollu li hu possibbli u dak kollu li hemm bżonn isir biex naslu minn point A sa point B. Huma jinkwetaw għal kollox u jiena kulma għandi bżonn nagħmel huwa li ngħum.
X’kont tiekol?
Neil: Kull tmienja u għoxrin minuta u nofs kont nieqaf għal minuta u nofs. Dak il-ħin ma nistax immiss mad-dgħajsa, ma jistgħux ituni lilo jew xi ħaġa biex nistrieħ fuqu; kemm inżomm mal-ilma u jwaddbuli flixkun imqabbad bi spaga biex nixrob u kemm inħallih hemm. Jew inkella lasta ta’ xkupa bit-tupperware mwaħħla magħha biex ituni l-ikel fiha. Matul dak il-ħin jiena nieħu smoothie li jkun preparat speċjali għalija. L-ikla ta’ wara kienet tikkonsisti f’gels magħmula apposta, li jkunu slow releasing gels, mingħajr zokkor, sabiex ituni l-enerġija u nibqa’ nirrepeti din ir-rutina. Wara li niekol irrid naħsel ħalqi bil-mouthwash biex itini naqra protezzjoni fuq ilsieni u ħalqi, eċċ. Mhix faċli, però inti m’intix qed tiekol biex tieħu gost imma biex tkun kilt ħalli ġġib l-enerġija neċessarja biex tkompli.
Ma nistgħux ma nsaqsukx fuq il-proposta taż-żwieġ. Fixklitek li staqsietek eżatt qabel jew tatek iktar enerġija biex tagħmilha?
Neil: Ma stennejthiex u fil-bidu ħsibt li din tista’ tfixkilni. Imma mbagħad waqt li kont qed ngħum, iktar bdiet ittini saħħa u bdejt nara li qed nagħmilha għalina u mhux għalija biss. Kien mument sabiħ ħafna u għalkemm ma stennejthiex ma noħodhiex bi kbira mingħandha, għaliex hija attivista kbira favur id-drittijiet tan-nisa.
Fejn tixtiequ taslu permezz ta’ Wave of Change u hemm pjanati inizjattivi simili fil-futur qrib?
Neil: Tlaqna mill-punt li ridna nqajmu kuxjenza rigward it-tniġġiż fl-ibħra tagħna għall-punt fejn għandna mira li niġbru miljun biċċa tal-plastik matul il-jiem tas-sajf. Irridu li nuru xi prodotti oħra hawn fis-suq, immorru fl-iskejjel u niltaqgħu mat-tfal u nitkellmu magħhom, għalkemm ovvjament bħalissa s-sitwazzjoni hija ftit limitata minħabba l-COVID-19. L-aħħar ħaġa li nixtiequ nagħmlu hija li nagħmlu lobbying sabiex inkunu katalisti f’bidliet ta’ wħud mil-liġijiet għaliex nemmnu li minn hemmhekk verament tista’ sseħħ il-bidla vera u verament jonqos l-użu tal-plastik. Qed nippjanaw li nagħmlu xi ħaġa żgħira iktar tard f’Settembru mbagħad xi ħaġa oħra f’Diċembru, imma rigward x’ħa jsir eżatt għadna ma ddeċidejniex iżda l-pjan qiegħed hemm. Din id-darba mhux ser inkunu fuq skala daqshekk kbira u serja bħalma nagħmel is-soltu imma xi ħaġa li ninsabu ħerqana ħafna għaliha. Possibbilment minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 nittamaw li aktar nies jingħaqdu magħna u nkunu nistgħu noħolqu attivitajiet għall-familja u l-ħbieb.
Riċentament Jake Vella ġie ispirat minnek sabiex jagħmel l-isfida tiegħu. Kif tħossok meta sservi ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor?
Neil: Hija xi ħaġa sabiħa ħafna li nista’ nservi ta’ role model għal dawn it-tfal. Ovvjament meta jibdew jagħmlu dawn l-isfidi iktar neċita ruħi u iktar nipprova ninvolvi ruħi magħhom ukoll biex ngħinhom fejn nista’ u ntihom parir fejn nista’. Din hija r-raġuni għalfejn qed nagħmlu dan; biex inqajmu l-pajjiż u nuruhom li huma jistgħu jagħmlu li jridu. Inti tista’ tagħmel li trid, tista’ tipprattika d-dixxiplina tiegħek u l-ħiliet tiegħek, u kollox huwa possibbli. L-affarijiet mhux ħa jsiru b’xejn, mhux ma tagħmel xejn, ħa toqgħod fuq is-sufan u tistenna li l-affarijiet isiru u jirnexxilek, bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja wara kollox. Skont kemm tinvesti ħin f’dak li tagħmel ser tieħu lura!
Awguri Neil u jalla tkompli sservi ta’ ispirazzjoni għalina lkoll sabiex l-ambjent ta’ madwarna nagħtuh ir-rispett li jixraqlu!.