2 minute read
Lura lejn l-iskola – Artiklu minn FSWS
LURA LEJN L-ISKOLA!
Advertisement
Ann Marie Ciantar - Service Manager, Child Protection Service, FSWS
Waslu tmiem il-vaganzi tas-sajf u bidu ta’ sena skolastika ġdida. Kemm il-ġenituri, kif ukoll it-tfal jibdew jippreparaw ruħhom għall-iskola: xiri ta’ uniformijiet, kotba, basktijiet, stationery, trasport u attivitajiet extrakurrikulari.
L-iskola ġġib magħha rutina fil-ġurnata differenti mill-ġranet liberi tas-sajf. Għalhekk il-ġenituri kif ukoll it-tfal ikollhom bżonn li jipprepraw lilhom infushom mentalment u emozzjonalment għal din il-bidla. Hija biċċa wġigħ ta’ ras għall-ġenituri sabiex jerġgħu jdaħħlu lil uliedhom f’rutina ġdida u dan jiddependi wkoll skont l-età tat-tfal. Tfal li huma kemxejn imfarfrin jibdew jifhmu l-kunċett li jridu jidħlu jorqdu kmieni sabiex filgħodu ma jqumux għajjenin. Bosta ġenituri jaffaċċjaw sfida sabiex it-televixin, il-logħob teknoloġiku u l-użu tal-internet ma jibqax sejjer sa tard billejl iżda jieqaf sa ċertu ħin.
Min-naħa l-oħra ġenituri ta’ tfal li għadhom se jidħlu fis-sistema edukattiva u r-rutina tal-iskola għall-ewwel darba, se jkunu qed jaffaċċjaw sfidi emozzjonali u psikoloġiċi wkoll. Dawk it-tfal li qatt m’attendew child care centres, l-esperjenza tas-separazzjoni mill-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsiebhom se tkun sfida ġdida għalihom u jiddependi kemm fuq il-karattru tat-tfal u l-esperjenzi li jista’ jkun diġà ltaqgħu magħhom fis-snin bikrija ta’ ħajjithom.
Qabel jibdew jippreparaw lil uliedhom għalliskola, il-ġenituri għandhom bżonn jippreparaw lilhom infushom huma stess. Kull ġenitur iħoss għafsa ta’ qalb meta jiġi biex jissepara l-ewwel darba u jafda lil uliedu fil-kura ta’ persuni oħra. Kull ġenitur jagħżel li jibgħat lil uliedu l-iskola għax l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tat-tfal fejn it-tfal jibdew jimirħu fis-soċjetà, jissoċjalizzaw u jilagħbu ma’ tfal tamparahom. L-iskola tagħti spazju kreattiv lit-tfal sabiex jibdew jibnu l-identità u l-għarfien tagħhom.
Il-ġenituri għandhom jibdew ikellmu lil uliedhom żgħar minn kmieni u forsi anke jinvolvuhom fixxiri tal-uniformi, tal-basket tal-iskola u jirreferu għal tfal oħra li diġà jattendu l-iskola bħala eżempju.Il-ġenituri għandhom jispjegaw bi kliem sempliċi li kif l-iskola tispiċċa huma se jerġgħu jirritornaw għalihom u joħduhom lura d-dar. Dan is-sens ta’ sigurtà, tfal żgħar ikollhom bżonnu biex innaqqsu l-ansjetà tas-separazzjoni.
Inżommu f’moħħna wkoll li mhux tfal żgħar biss iħossu din l-ansjetà tas-separazzjoni iżda anke tfal ikbar fl-età jistgħu jesperjenzaw ansjetà meta tkun qed tinbidel ir-rutina mill-vaganzi tas-sajf għar-ritorn lejn l-iskola. Iż-żmien tal-pandemija li għaddejna minnu f’dawn l-aħħar sena u nofs ma jgħinx lanqas speċjalment fost dawk it-tfal li ma setgħux jattendu minħabba l-kundizzjonijiet vulnerabbli ta’ saħħithom.
Ġenituri preparati se jiffaċilitaw aħjar il-vjaġġ ta’ wliedhom lura lejn l-iskola. F’każ li qed taffaċċja xi tip ta’ diffikultà relatata ma’ dan is-suġġett, tista’ tikkuntattjana fuq 22959000 għall-gwida professjonali.