10 minute read

L-imbierka skola! – Preparazzjoni għal sena skolastika

L-IMBIERKA SKOLA!

Il-preparazzjoni għal sena skolastika ġdida

Advertisement

Dalwaqt jerġgħu jinfetħu l-bibien tal-iskejjel beraħ u l-istudenti ta’ kull età, bi ħġarhom jerġgħu lura lejn l-iskola bil-lapsijiet ixxarpnati, b’xi basket ġdid jew b’xi gadget modern li kważi kważi jitkellem u jikteb in-noti waħdu... kieku tajjeb!

Dan iż-żmien huwa żmien partikolari ħafna. Min isejjaħlu żmien ta’ ġabra u min ikun għadu m’aċċettax li l-istaġun tas-sajf kważi wasal fi tmiemu u bdejna bilmod resqin lejn il-ħarifa, u għalhekk lejn sena skolastika ġdida. Il-ġenituri moħħhom mistrieħ għax it-tfal qegħdin l-iskola, filwaqt li l-istudenti, għalkemm forsi jdumu jitnikkru xi ftit filgħodu, imbagħad ilkoll tarahom sejrin bi ħġarhom lejn l-iskola, min biex jilħaq jagħti daqqtejn ballun u min biex jilħaq jgħid xi kelma jew tnejn fuq is-Sur Borg tal-Matematika u x-xogħol kollu li jkun għaddielhom il-ġurnata ta’ qabel. Huwa żmien eċitanti għall kull student u għal kull ġenitur. It-tfal ċkejknin nett jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn l-iskola, filwaqt li oħrajn ikunu waslu għall-aħħar sena tal-vjaġġ tagħhom u għalhekk ikunu ħerqana sabiex ikollhom f’idejhom dak iċ-ċertifikat li tant ikunu stinkaw għalih. Dan kollu bla dubju jgħodd għallġenituri kollha. Ġenituri ġodda ħerqana jwasslu liċċkejken jew liċ-ċkejkna tagħhom lejn l-iskola. Ġenituri ta’studenti akbar dlonk tarahom jiġru warajhom biex jistudjaw u biex jagħmlu moħħhom hemm kif kienet tgħid ommi lili, u dan għaliex jekk le, malajr jistgħu jinsewhom il-flus għall-weekend. Ġenituri ta’ studenti li waslu fl-aħħar snin tal-edukazzjoni f’livell terzjarju ma jifilħux jistennew iżjed bil-ħerqa biex jaraw lit-tifel jew lit-tifla libsin it-toga. M’għandniex wisq xi ngħidu, mur żommhom milli jieħdu xi ritratt mill-aqwa, ipoġġuh fi frame mill-isbaħ u jdendluh f’post fid-dar fejn jidher u fejn ta’ spiss jieqfu jitpaxxew iħarsu lejh. Insomma, żmien tassew partikolari għal kull ġenitur u student!

Kif ser nippreparaw lilna nfusna għal din is-sena skolastika li jmiss?

Huwa importanti li kemm il-ġenituri u kif ukoll it-tfal ikunu preparati għal sena skolastika ġdida fuq livelli differenti, kemm psikoloġiċi, emozzjonali u fiżiċi. Mingħajr ma rridu, naħsbu wkoll fil-pandemija li laqtet lill-pajjiżi kollha madwar id-dinja bħal sajjetta fil-bnazzi, u kif din ukoll ħalliet l-impatt tagħha fuq is-sistema edukattiva. Ilkoll kellna naddattaw għall-modi ġodda ta’ tagħlim. It-tfal baqgħu d-dar għal xi żmien u familji sħaħ għamlu sagrifiċċji kbar sabiex kemm ir-rota tibqa’ ddur, u kif ukoll sabiex uliedhom jibqgħu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom mingħajr ma jiġu affettwati wisq.

Fuq livell psikoloġiku u emozzjonali u anka fiżiku, huwa essenzjali illi l-ġenituri jew dawk il-persuni responsabbli millkura tat-tfal, u tfal ta’ kull età, jindirizzaw emozzjonijiet ta’ biża’ jew ansjetà fost oħrajn. Nibdew billi nisħqu kemm huwa ta’ ġid li nagħtu spazju lil uliedna sabiex jitkellmu dwar l-emozzjonijiet li jkunu qegħdin iħossu u jesperjenzaw. Hawn min jaħseb li dawn huma affarijiet li jgħaddu minnhom l-adulti biss, però dan mhuwiex minnu. Fil-fatt huwa ta’għajnuna kbira li nisimgħu dak li għandhom xi jgħidu t-tfal u mhux inwaqqfuhom milli jitkellmu fuq emozzjonijiet ta’ ansjetà, biża’ jew nuqqas ta’ kuraġġ. Dan proprju jgħodd għallistudenti ta’ kull età u għalhekk kull ġenitur jeħtieġ li jikkomunika ma’ wliedu b’mod san. Allura x’għandna nagħmlu ?

Għandna nagħtu valur għal dak li jkunu qegħdin jaqsmu magħna wliedna qabel jibdew jew jerġgħu jmorru lura lejn l-iskola, filwaqt li nużaw ton pożittiv u li jgħin lil uliedna jħarsu ‘l quddiem. Dan billi, pereżempju, naqsmu ma’ wliedna kemm aħna eċitati sabiex inkunu nafu kif kienet il-ġurnata l-iskola meta din tasal fi tmiemha, jew inkella billi nsaqsuhom għaliex huma ħerqana sabiex imorru l-iskola f’dik ilġurnata partikolari. Għandna nikkomunikaw

magħhom li anka aħna ser inħossu n-nuqqas tagħhom, madanakollu ngħidulhom kemm aħna ħerqanin sabiex narawhom jitgħallmu affarijiet ġodda.

Hija xi ħaġa pożittiva wkoll illi nippreparaw xi mod ħelu ta’ kif insellmu lil uliedna qabel dawn imorru lejn l-iskola, bħal pereżempju tgħanniqa jew tnejn. Ma’ din ukoll nistgħu nżidu xi frażi ħelwa li sew il-ġenitur u sew it-tfal jgħiduha lil xulxin hekk kif dawn jerħula lejn triqithom. Meta nwasslu lit-tfal l-iskola jew għat-trasport ma naqsmux magħhom inkwiet jew problemi, anzi nagħmlu mezz li t-tislima tkun mimlija mħabba. Permezz ta’ dawn l-affarijiet żgħar inkunu qegħdin ngħinu lil uliedna jmorru l-iskola kuntenti u kunfidenti. Ta’ min iżid ukoll illi permezz ta’ din il-komunikazzjoni verbali u anka b’ġesti bħalma hi tgħanniqa, inkunu qegħdin ngħaddu messaġġ ta’ sigurtà lil uliedna. B’ hekk ukoll uliedna jagħrfu li aħna nemmnu li huma ser jagħmlu kuraġġ u ser iħarsu ’l quddiem għallġurnata tal-iskola b’kunfidenza.

Xi ftit ideat oħrajn sabiex kemm il-ġenituri u kif ukoll it-tfal, speċjalment dawk ta’ età żgħira jippreparaw sabiex jirritornaw lura lejn l-iskola huma dawn. 1. Inħallu lit-tfal jilagħbu u jesperimentaw waqt illogħob kultant b’rutina u xi drabi anka mingħajrha. 2. Nibdew nuru lit-tfal eżempji ta’ responsabilità u anka indipendenza. Eżempju ta’ kif nagħmlu dan huwa billi ngħallmu lit-tfal jiftħu l-kontenitur talikel waħedhom jew ngħallmu lit-tfal kif għandhom jilbsu u jinżgħu ġakketta waħedhom.

3. Nuru lit-tfal kif tipprepara kolazzjon sempliċi, naqrawlhom storja qabel jorqdu u noħorġu passiġġata qasira magħhom; permezz ta’ dawn l-affarijiet inkunu qegħdin nassistu lit-tfal sabiex jibdew jagħrfu vokabularju ġdid u nintroduċu l-kunċett tal-Matematika. 4. Nibdew nipprattikaw għar-rutina tal-iskola mqar tlett ijiem qabel ma tibda l-iskola. Ngħidu aħna nqumu f’ħin tajjeb biżżejjed sabiex naraw li nlaħħqu nagħmlu l-affarijiet li jkun hemm bżonn qabel it-tfal jerħula lejn l-iskola u l-ġenituri għall-impenji tagħhom għal dik il-ġurnata. L-istess jgħodd għar-rutina talirqad, hekk kif nuqqas ta’ konsistenza f’din kapaċi tħalli l-impatt tagħha fuq l-emozzjonijiet tagħna, u anka fuq il-mod ta’ kif inġibu ruħna, sew aħna l-adulti u sew uliedna. Ir-rutina tista’ tinħadem mat-tfal stess. Tajjeb li nżommu f’moħħna li l-ippjanar minn qabel huwa essenzjali sabiex nevitaw affarijiet tal-aħħar minuta proprju f’dik l-ewwel ġurnata tal-iskola! Punt qasir ieħor tal-aħħar f’dan ir-rigward huwa li interessanti kif permezz ta’ mistoqsijiet bħal “ Issa x’taħseb li ser jiġri?” jew “X’qed tinnota?” inkunu qegħdin ngħinu lil uliedna sabiex jaħsbu u anka jipprattikaw il-lingwa minn età żgħira qabel jibdew imorru l-iskola jew inkella qabel jerġgħu jirritornaw lejn ilvjaġġ edukattiv tagħhom.

Għamilt lista ta’ x’għandek bżonn?

Ta’ kull sena jkun hemm bżonn tara x’jonqsok biex tkun preparat għal sena skolastika ġdida. Preparajnielek lista sħiħa ta’ dawk l-affarijiet li wieħed normalment jixtri qabel tibda l-iskola; • Uniformi jew f’każ li ma tużax uniformi allura tara li għandek ħwejjeġ addattati. • Basket tal-iskola u aħsiblu għall-cooler biex iżżomm l-ikel. • Affarijiet ta’ stationery bhal pinna, riga, gomma, temprina, lapsijiet, kuluri, highlighters, markers, folders, name tags, calculator, kumpass... • Djarju jew tracker biex iżomm rendikont ta’ x’għandek tagħmel. • Sticky notes biex tiftakar f’dawk l-affarijiet importanti. • Gadgets bhal headphones, laptop, tablet, mikrofonu u kamera, taf int tkun preparat ħalli f’każ l-iskola tkun online ikollok l-aħjar apparat meħtieġ. • Karti biex tikteb jew pitazzi. • Flixkun għal ilma li tista’ tirriċiklah u ma tixrobx minn dawk tal-plastik. Dan tajjeb li jinħasel ta’ spiss u jista’ jservik ħafna.

Xi ngħidu rigward attivitajiet extrakurrikulari?

Filwaqt illi huwa neċessarju li nippreparaw dak kollu li jkollna bżonn għall-iskola, bħal ngħidu aħna l-kotba, l-uniformijiet, lapsijiet, gomom u pinen, tajjeb li nżommu f’moħħna wkoll l-affarijiet li niġu bżonn għall-attivitajiet extrakurrikulari. Dawn l-attivitajiet jinkludu klassijiet tal-arti, tal-kant, ta’ xi dixxiplina ta’ żfin partikolari, klassijiet għal tagħlim ta’ xi strument bħall-pjanu jew il-kitarra jew il-vjolin. L-isports huwa attività importanti ferm ukoll u hawn diversi klassijiet ta’ sport li wliedna jistgħu jipparteċipaw fihom. Dawn jinkludu klassijiet tal-ġiri, tal-karate, futbol, tennis, fost diversi forom oħrajn ta’ sport. Ta’ min wieħed jistqarr li dawn l-attivitajiet fost ħafna oħrajn għandhom impatt kbir immens fuq is-saħħa fiżika u dik mentali wkoll. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet it-tfal mhux biss ikunu qegħdin jitgħallmu xi dixxiplina jew oħra imma jkunu qegħdin jiġu mħarrġa f’ħiliet soċjali hekk kif iridu jikkomunikaw ma’ sħabhom tat-tim, jidraw personalitajiet differenti, jaħdmu bħala tim sabiex flimkien jilħqu l-għan tagħhom u wkoll jagħtu s-sapport mistħoqq lil xulxin. Bissaħħa ta’ dawn l-attivitajiet diversi, it-tfal isiru jafu wkoll iżjed lilhom infushom, ikomplu jibnu l-karattru u s-self esteem tagħhom, isiru jafu ħafna aktar dwar il-ħiliet tagħhom u jinnotaw kwalitajiet ġodda fihom infushom li qatt ma kienu skoprew qabel. Dan kollu għandu l-kapaċità li jagħti l-għarfien sabiex tifel jew tifla jaraw fejn jixtiequ jaslu aktar ’il quddiem fil-ħajja tagħhom ukoll.

Fir-rigward ta’ attivitajiet extrakurrikulari li jinvolvu attività fiżika tajjeb ninnotaw illi diversi studji wrew kif dawn jistgħu jegħlbu diffikultajiet fis-saħħa mentali kif ukoll dawk fiżiċi bħalma hi l-obeżità. Għandna nikkomunikaw ma’ wliedna dwar l-attivitajiet extrakurrikulari li jixtiequ jinvolvu ruħhom fihom. Inutli li nagħżlu aħna għalihom, għaliex jekk l-attività ma jkunux qegħdin jagħmluha minn qalbhom, dan jista’ jwassal għall-istress fit-tfal.

Korsijiet part-time

Min jaf kemm hawn minn dejjem xtaq jagħmel xi kors partikolari però qatt ma rnexxielu minħabba diversi raġunijiet. Min għax irid jieħu ħsieb it-tfal u min għax iħoss li issa kiber wisq biex imur lura fuq il-bank taliskola, fost mijiet ta’ raġunijiet oħra. Ħafna drabi jgħidu li jekk ma taqbadx u tagħmel ilpass, dan il-pass ma tagħmlu qatt. Kulma trid tagħmel huwa li tara eżattament x’inhi l-linja li inti interessat fiha, issib id-dettalji tal-iskola jew tal-istituzzjoni li tipprovdi dak ix-xorta ta’ tagħlim, u tapplika jew inkella ċċempel sabiex titlob laqgħa għal iktar informazzjoni. Lokalment insibu diversi istituzzjonijiet li jipprovdu korsijiet part-time, anka f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u mhux neċessarjament filgħaxijiet, rigward suġġetti kwalunkwe. Lista li jekk tibda ssemmi ma tispiċċa qatt: korsijiet għal infermiera, għal counsellor, għal stilista tax-xagħar, għal mekkanik, korsijiet tal-lingwa, korsijiet għal gwida mat-turisti, korsijiet sabiex wieħed jitgħallem dwar in-nutrizzjoni jew inkella sabiex wieħed

jiggradwa bħala kok jew koka, korsijiet tal-kompjuter, korsijiet rigward l-istorja ta’ pajjiżna, korsijiet rigward il-biedja, fost listi twal ta’ korsijiet provduti minn skejjel lokali u diversi. Kulma trid tagħmel huwa li taħseb ftit fuq dik il-ħolma li kellek, li tagħmel dak il-kors. Ħolma sabiħa u li s’issa għadek ma wettaqtx. Tibżax, qatt mhu tard. L-unika ħaġa li verament trid tagħmel huwa li temmen fik innifsek imbagħad jaqa’ kollox f’postu f’ħakka t’għajn.

L-aħħar nota ... nipprevenu l-influwenza !

Filwaqt li ndawru ftit is-suġġett, is-suġġett li jmiss huwa wkoll relatat mal-iskola. Tajjeb li nkunu nafu x’inhuma dawk l-affarijiet u l-prodotti li wieħed għandu jagħmel użu minnhom sabiex jevita l-influwenza, hekk kif dalwaqt jibda l-istaġun tagħha. Nibdew billi nsemmu x’inhuma dawk il-vitamini li permezz tagħhom wieħed ikun qiegħed jilqa’ milli jimrad bl-influwenza, jew inkella jgħin lil ġismu sabiex jiġġieled l-influwenza fi żmien iqsar.

Il-vitamina Ċ li nsibuha fil-larinġ, fil-bżar tal-kulur, filfrawli u fil-brokkoli fost oħrajn, tgħin sabiex tnaqqas isseverità tas-sintomi tal-influwenza, u kif ukoll il-perjodu tal-influwenza. Il-vitamina D hija bl-istess mod essenzjali sabiex kemm tnaqqas is-severità tas-sintomi u t-tul tażżmien li wieħed jagħmel bl-influwenza. Din tinsab f’ikel bħalma huwa s-salamun u l-isfar tal-bajd. Din il-vitamina noħduha wkoll meta nkunu esposti għax-xemx u tgħin lill-ġisem uman ukoll sabiex jassorbi l-minerali li huma tant essenzjali għal saħħitna.

Vitamina oħra hija dik imsejħa B6. Din insibuha fittonn, fit-tiġieġ, fil-patata u anka fiċ-ċiċri. Din il-vitamina għandha rwol tassew importanti fl-iżvilupp tal-moħħ u fis-sistema nervuża. Nuqqas ta’ din il-vitamina jwassal għal sistema immunitarja ħafna inqas b’saħħitha, u dan iwassal sabiex wieħed ikun aktar espost għall-influwenza u infezzjonijiet respiratorji oħrajn. Il-manjesju, vitamina li nsibuha fl-ispinaċi, fiż-żerriegħa tal-qargħa ħamra, u fiċ-ċikkulata skura, hija vitamina li tgħin sabiex wieħed jevita li jimrad bl-influwenza. Hija vitamina essenzjali għaliex tgħin biex tirregola s-sistema immunitarja ta’ ġisimna. Iż-żingu, li jinsab fil-laħam aħmar, fil-frott talbaħar, fil-legumi u anka fiż-żrieżagħ, jgħin sabiex iċ-ċelloli fis-sistema immunitarja jkunu kapaċi jikkomunikaw bejniethom aħjar. Permezz ta’ dan kollu, iċ-ċelloli jiġġieldu kontra ċelloli oħrajn infettati b’xi virus.

Bħaż-żingu, li huwa vitamina li jinsab kemm fl-ikel u kemm bħala suppliment li wieħed jista’ jixtri mingħand spiżeriji lokali, anka mingħajr ir-riċetta tat-tabib, wieħed isib supplimenti oħrajn li jista’ jieħu sabiex jipprevenu l-influwenza. Wieħed mis-supplimenti huwa s-suppliment veġetali tal-pjanta Echinacea. Supplimenti oħrajn huma l-kannella u l-ġinseng. Ikel ieħor li huwa san u li jgħin lis-sistema immunitarja wkoll jinkludi frott bħalma huma t-tuffieħ, it-tadam u l-blueberries. It-tewm, iż-żejt taż-żebbuġ, ħobż magħmul mill-qamħ sħiħ, te talġinġer u anka l-ilma huma kollha ikel u xorb li jgħinu lil ġisimna jiġġieled l-influwenza.

Nawguraw lill-istudenti, lill-ġenituri u lil dawk kollha li b’xi mod jagħtu sehemhom fis-sistema edukattiva, sena skolastika mimlija tagħlim u avventuri ġodda.

This article is from: