3 minute read
Ta’ Erbatax-il sena fetaħ skola għat-tfal foqra – Artiklu mill-Missio
TA’ ERBATAX-IL SENA FETAĦ SKOLA GĦAT-TFAL FOQRA
Addattament Claudia Cini
Advertisement
Asfaw Yemiru twieled bejn is-snin 1941 u 1942 f’Bulga fl-Etjopja. Huwa minn dejjem emmen li l-edukazzjoni hija l-uniku mod ta’ kif wieħed jista’ jgħin lit-tfal foqra sabiex itejbu ħajjithom. Missier Asfaw kien qassis Ortodoss. Asfaw qatta’ ħafna mit-tfulija tiegħu jieħu ħsieb in-nagħaġ u l-mogħoż ta’ missieru. Meta kellu tmien snin, il-familja kollha tiegħu ddeċidew li jerħulha lejn il-kapitali tal-Etjopja, Addis Ababa. Hemmhekk, Asfaw ġie ordnat Djaknu flimkien mal-ħdax-il aħwa tiegħu. Wara ċ-ċerimonja, Asfaw irrifjuta li jmur lura u għalhekk spiċċa jgħix fit-toroq b’ħamsin ċenteżmu fil-but. Asfaw kellu jaħdem ħafna sabiex jaqla’ xi ħaġa x’jiekol. Huwa qatta’ erbatax-il xahar jorqod barra fil-bitħa tal-Katidral ta’ San Ġorġ, sakemm jum fost l-oħrajn waqaf jgħin mara Torka li kien għadu kif inqalbilha l-karettun. Asfaw mar jiġri sabiex jgħinha tiġbor it-tagħbija tal-ġobon li kienet imxerrda kollha fl-art. Din il-mara offriet lil Asfaw xogħol domestiku fid-dar tagħha u saqaf fuq rasu matul il-lejl. Il-mara offriet ukoll lil Asfaw l-opportunità li jattendi l-iskola.
Fl-iskola Asfaw mar tajjeb ħafna, tant li rebaħ borża ta’ studju b’xejn fl-iskola ġenerali ‘Wingate Boarding School’ immexxija mill-‘British Council’. Kien proprju fl-ewwel sena tiegħu f’din l-iskola li Asfaw ħass il-ħtieġa li jagħmel xi ħaġa sabiex jgħin lit-tfal foqra li bħalu kienu jgħixu fit-toroq. Fl-1957, fl-età ta’ erbatax-il sena huwa fetaħ l-ewwel skola tiegħu għat-tfal li jgħixu fit-toroq. Huwa beda billi ħa l-inizjattiva li jiġbor l-ikel żejjed li kien jifdal wara li l-istudenti jkunu kielu. Asfaw kien iqassam dan il-fdal tal-ikel lit-tfal tat-triq li kienu jinġabru barra l-gradi tal-iskola. Iktar tard huwa beda jlaqqa’ lit-tfal taħt siġra tal-ballut fil-bitħa tal-knisja biex jgħallimhom. Asfaw kien kuntent ħafna b’din l-iskola żgħira li kien ħoloq, tant li meta temm l-istudji tiegħu stess, huwa m’aċċettax il-post offrut lilu fl-università, iżda minflok iddeċieda li jiddedika ħajtu kollha sabiex jaħdem bħala għalliem. Huwa kien jirnexxilu jiġbor mijiet ta’ tfal taħt is-siġar fil-bitħa talknisja. L-awtoritajiet tal-knisja kienu mħassba u nkwetati dwar dak li kien qed jiġri. Kien wasal iż-żmien li Asfaw ikollu bini u art minn fejn imexxi l-programm ta’ tagħlim li kien ħoloq.
Jum fost l-oħrajn l-Imperatur Haile Selassie żar l-iskola ġenerali ‘Wingate Boarding School’ fejn kien jgħallem Asfaw. Asfaw kien pront u ħa ċ-ċans sabiex ikellem lillimperatur. Dan għamlu billi fil-veru sens tal-kelma qabeż quddiem il-limousine tal-imperatur innifsu. Sas-sena 1960, il-klassijiet ta’ Yemiru kien jlaħħqu t-300 student u studenta. Huwa għamel petizzjoni għall-għajnuna, u s-sena ta’ wara, permezz ta’ digriet imperjali, Asfaw ingħata tliet mitt metru kwadru fuq wara tal-bitħa tal-katidral sabiex jibni l-iskola tiegħu. Meta l-bini kien lest, dan kellu faċilitajiet bażiċi u kien jikkonsisti f’għaxar
klassijiet. Sabiex jiġbor il-fondi għall-Iskola Asra Hawariat, Yemiru mexa bejn Addis Ababa u Harar; b’kollox 1,000 kilometru. L-iskola rċeviet diversi fondi fosthom mirrebbħiet tal-lotteriji mhux miġbura, mill-Kulleġġ ta’ Winchester u minn Haile Selassie. It-tieni blokka tal-iskola bdiet tinbena fl-1972. Sas-sena 2020, għexieren ta’ eluf ta’ tfal foqra rċivew l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel ta’ Asfaw, li issa kienu jikkonsistu f’64 klassi, librerija u diversi dormitorji. Filwaqt li ħafna familji rċivew appoġġ finanzjarju, ikel u xorb. L-edukazzjoni fl-iskejjel ta’ Asfaw hija b’xejn u għalhekk l-ebda tifel, tifla jew ġenitur ma jintalab iħallas għall-kotba u l-uniformi tal-iskola. F’dawn l-iskejjel it-tfal jitgħallmu wkoll dwar il-biedja u ħiliet prattiċi oħra. Li wieħed jiġi kkastigat għal xi żball li jkun wettaq waqt li jkun qiegħed l-iskola, qatt ma kien permess fl-iskejjel ta’ Asfaw minkejja li din il-prassi kienet popolari ħafna f’dawk iż-żminijiet. Asfaw minn dejjem saħaq dwar id-dritt li kull tifel u tifla, inkluż dawk foqra, ikollhom edukazzjoni xierqa. Huwa jisħaq li permezz tal-edukazzjoni, it-tfal foqra jingħataw iċ-ċans ta’ ħajja aħjar. Minħabba t-twemmin u l-ħidma tiegħu favur it-tfal foqra, Asfaw, li kien miżżewweġ lil Senayet u kellu tlett itfal, spiċċa l-ħabs diversi drabi. Asfaw rċieva il-premju ‘The Children’s Prize’ fl-2001. Dan il-premju ġie mogħti lilu minħabba li sa l-2001 huwa kien qatta’ aktar minn 50 sena jiġġieled favur id-drittijiet tat-tfal. Huwa ddedika l-enerġija kollha tiegħu sabiex jeduka lit-tfal l-aktar filbżonn.
Grazzi għal donazzjonijiet ta’ flus li aħna nagħtu, ċkejkna kemm huma ċkejkna, tfal f’sitwazzjonijiet simili madwar id-dinja kollha, jirċievu dak kollu neċessarju biex jgħixu ħajja diċenti. Bis-saħħa ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta (l-Uffiċċju Missjunarju) fil-Belt u l-Mosta, jibgħat fondi lil diversi komunitajiet fejn hemm il-missjunarji sabiex jgħinu mill-aħjar li jistgħu lill-foqra u abbandunati, fost oħrajn. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio. org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.