13 minute read

Intervista ma’ Angie Laus fuq Ħadd Għalik u Uejja

ANGIE LAUS

Ħarsa lejn l-isbaħ mumenti ta’ Ħadd Għalik u x’ser tagħmel minn Ottubru li ġej?

Advertisement

Ritratti: Clint Gerald Photography Erbatax-il sena ilu, Angie kienet tipproduċi Kulħadd fil-Pjazza. Dan il-programm kien jixxandar fix-xitwa minn pjazez differenti li kienet vera diffiċli għax il-produzzjoni kienet tkun esposta għall-elementi ta’ barra; xemx, xita, riħ u kull ħaġa li tinqala’. Barra minn hekk Angie u t-tim kollu kien iqum fil-ħamsa ta’ filgħodu u din ma kienet togħġobha xejn. Wara din l-esperjenza kienu ssuġġerewlha tagħmel xi ħaġa differenti; u ħarġet bl-idea ta’ game show. Minn hemm beda Ħadd Għalik! Angie tgħidilna li l-idea tal-opposti jikkompetu kontra xulxin kienet ispirazzjoni mill-programm Taljan, Ciao Darwin. Ħaġa interessanti hi li l-isem intgħażel minn membru parlamentari! Angie tgħidilna, “Mhux jien kont għażiltu għax jien ma tantx ninqala’ għall-ismijiet. Dak Jean Claude, li llum hu membru parlamentari, kien ħareġ bih.”

Kif evolva l-programm Ħadd Għalik?

Fl-ewwel skeda, kunsilli lokali differenti kienu jilagħbu kontra xulxin u r-rebbieħ kien jirbaħ għaxart elef euro. Infatti kienu programmi vera kompetittivi u tant kienu daħlu fihom li kienet isserjat il-biċċa u aħna ma xtaqniex hekk; ridna xi ħaġa iktar leġġera. B’hekk il-programm beda jevolvi u daħħalna iktar logħob li jista’ jsir ukoll fid-djar jew waqt xi BBQ jew xi festini tat-tfal. Mhux biss it-tfal kienu jħobbu jilagħbu l-logħob ta’ Ħadd Għalik imma anke l-adulti. Kienu jilagħbuhom fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin – u konna pprovdejnielhom il-props aħna – kif ukoll f’events tal-kumpaniji. Kien hemm stejjer oħra. Darba, meta kelli xagħri vjola, kienu stednuni fl-iskola ta’ Ħad-Dingli biex nara play, u nsib lil din it-tifla qasira, ħelwa, liebsa parrokka vjola timitani. Għamilt perjodu meta kont parti mill-proġett, Ambaxxaturi tal-Qari, kont immur naqralhom il-kotba mbagħad kont nagħmlilhom logħob bil-kotba, Aqra u ilgħab bil-ktieb!

Ħadd Għalik kienu jarawh ukoll ħafna Awstraljani imma qatt ma sar l-Awstralja. Għaliex?

Din hija waħda mill-affarijiet li tweġġagħni ftit, għaliex konna kważi wasalna biex nagħmlu programm minn hemm; kellna l-kuntatti u kollox, però sfortunatament inqala’ l-Covid u sfaxxa kollox. L-Awstraljani vera kienu jsegwuna u jibagħtulna, ġieli kienu jinżlu għall-btala Malta u jċemplulna biex jiġu jaraw il-programm. Mhux mill-Awstralja biss kienu jsegwuna imma anke mill-Kanada, mill-Iżvezja, minn kull fejn hemm Maltin jgħixu madwar id-dinja.

“Fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienu jilagħbu l-logħob ta’ Ħadd Għalik u konna pprovdejnielhom l-props aħna.”

L-aħħar skeda kellek ukoll lil Marku l-Awstraljan li għamel hit!

Marku vera faqgħa, dak kont rajtu fuq Facebook u għidt kemm hu tad-daħk; dan karattru perfett għal Ħadd Għalik u bgħatnielu u aċċetta mill-ewwel. La ma stajniex immorru l-Awstralja, Marku kien irrappreżentant mill-Awstralja.

Kellek ukoll ħafna opposti u timijiet. Liema kien dak l-oppost li tgħid, WOW dawn vera qablu flimkien?

Niftakar programm partikolari fejn għamilna l-Punks kontra tal-Country, totalment opposti bil-karattru b’kollox, imma vera baqgħu

ħbieb. Kellna l-għannejja u d-DJs. Dawn anke l-etajiet tagħhom kienu differenti. Dawn ma tinsihomx, speċjalment l-għannejja xħin jaqbdu jgħannu; konna vera ħadna pjaċir. Imma kellna ħafna opposti; diffiċli biex tagħżel. Kellna wkoll min irranġa fuq Ħadd Għalik u baqgħu flimkien! Mhux koppja waħda jew tnejn li ġew jilagħbu fuq Ħadd Għalik u spiċċaw koppja! Anke ġieli kienu jkunu opposti u jispiċċaw joħorġu flimkien. Kien hemm naqra match-making.

Inti kont iżżomm ma’ xi ħadd jew le?

Waqt il-programm le, għax jien ftit li xejn kien jimpurtani min jirbaħ. Jien l-interess tiegħi hu li waqt ilprogramm, in-nies jieħdu pjaċir, kemm min qed jilgħab u kemm min qed jarana mid-dar. Ġieli kienu jibagħtuli li qed inżomm ma’ xi ħadd però vera mhux il-każ. Qatt ma kont inżomm ma’ ħadd, ħlief meta jilagħbu l-patrijiet u s-sorijiet; dejjem inżomm mas-sorijiet u vera nipprova minn kollox biex jirbħu s-sorijiet.

Imma għid il-verità, il-programm mat-tfal kien ikun pjanat?

Tat-tfal u l-ġenituri? Dejjem, dak pjanat mill-bidu, dak jagħmlu x’jagħmlu t-tfal kont inkun naf li se jirbħu u l-ġenituri kienu jinħarqu ħafna, speċjalment waqt il-music machine għaliex konna nagħżlu mużika moderna li t-tfal ikunu jafuha.

Wieħed mill-programmi li baqa’ jissemma kien ta’ Deċeduti. X’tgħidilna fuqu?

Kif nista’ ninsieh dak il-programm?! Nibqa’ niftakru żgur. Ħa nibdew minn hawn. Jien, Abigail u Carlos ta’ Take 2 konna naħdmu flimkien, allura nafu lil xulxin sew; għandna rispett kbir lejn xulxin u bqajna ħbieb ħafna. Infatti jien dejjem nara l-programmi li tagħmel Abigail għax ngħidilha x’jogħġobni u x’ma jogħġobnix, u hi tagħmel l-istess miegħi. L-ewwel darba li rajt Deċeduti jien mitt bid-daħk. Jien vera għoġobni dan Deċeduti u mill-ewwel ġietni l-idea li nagħmlu programm bid-deċeduti u l-ħajjin. Dan kien l-ewwel programm li konna għamilna bil-karattri. Meta ħareġ il-programm jien kont imsiefra u nsejt x’kellu joħroġ, u l-mobile nfaqa’ bil-messaġġi sa anke Abigail ċemplitli impressjonata bil-programm daqskemm ħareġ tajjeb.

“Kien wasal iż-żmien biex jieqaf Ħadd Għalik.”

Kif jistgħu n-nies jilagħbu mid-dar?

Inti tilgħab mid-dar bħalma tilgħab il-logħob ta’ Ħadd Għalik. Hemm logħob li inti tista' tikkomunika magħna fuq Facebook u tista' tirbaħ ukoll. Aħna bdejna ninnutaw f’Ħadd Għalik li logħob bħall-A to Z u l-Music Machine n-nies vera jħobbuhom. Ir-raġuni li jħobbuhom hi li dak il-ħin stess waqt il-logħba n-nies fid-dar ikunu qed jippruvaw jaqtgħuhom ukoll. Allura żammejna dan ilkunċett, u l-logħba Aqta’ l-Frazi u kwiżż b’naqra differenza. Għandna logħba fejn staqsejna 50 persuna differenti per eżempju liema hi t-togħma tal-ġelat favorit tagħhom u l-parteċipanti jridu jaqtgħu l-ewwel tmien pożizzjonijiet x’qalu dawn in-nies, imbagħad hemm ftit sorpriżi u filmati. Il-fatt li ħa jkunu tliet koppji tagħmlu differenti wkoll; koppji mhux fis-sens ta’ miżżewġin imma jistgħu jkunu ħbieb jew jaħdmu flimkien, koppji li jafu ħafna lil xulxin. Imbagħad hemm element ta’ luck ukoll kemm ħa jirbħu flus. Nispera li jirbħu ħafna. Jistgħu jirbħu sa elfejn ewro

Tista’ tgħidilna liema kienu l-aqwa tlieta?

Deċeduti wieħed minnhom żgur, patrijiet u sorijiet, u meta lagħbu ġenituri kontra tfal, imma l-programm għamilnieh miċ-ċirklu u kien hemm madwar elf u ħames mitt tifel u tifla, u l-atmosfera kienet inkredibbli. Xħin tidħol u tara dawn it-tfal kollha jifirħu u jieħdu pjaċir iżommu mat-tim tat-tfal...

L-aħħar survey tal-Broadcasting Authority, Ħadd Għalik reġa’ ġie l-ewwel fil-faxxa tiegħu. Kif tħossok?

Lanqas nista’ nemmen. Jien lanqas rajtu mill-ewwel is-survey. L-għada dħalt, biex tara kemm ma kontx qed nistennieha. Kont naf li jarawh in-nies għax inti tieħu l-feel, imma mhux daqshekk. Ħassejtni kburija li waqqafna l-programm meta kien għadu fl-aqwa tiegħu u jien hekk xtaqt, li jieqaf mhux għax m’għadhomx jarawh in-nies. Din ta’ sodisfazzjon ħafna mhux biss għalija imma anke għat-tim.

Kif iddeċidejt li twaqqfu mela?

It was time... jien kien ilni naħsibha fil-verità, imma minħabba ċ-ċirkostanzi kienu jgħiduli “u ejja, erġa' għamlu sena oħra”, u inti tagħti l-istess impenn li tagħti flewwel sena, imma l-eċċitament ma jibqax bħal tal-ewwel sena għax inti, bħal kull ħaġa, tidra. Kull programm kont nieħu pjaċir nagħmlu imma kelli bżonn xi ħaġa differenti. Tinsiex kien hemm żmien li kont nagħmel Tough Luck fis-sajf, li kienet xi ħaġa differenti, imbagħad bejn ilCovid, bejn ħaġa u bejn oħra, waqafna wkoll. Meta WE Media flimkien ma’ PBS staqsewni, il-ħin huwa tiegħek trid tagħmel xi ħaġa oħra. Niftakar dakinhar f’mument spontanju (kulma ħaditli sekonda) aċċettajt li nagħmlu xi ħaġa oħra imma ma kontx naf xiex. Mort id-dar u nxħetna jien u tifel tiegħi Mick, li naħdmu ħafna flimkien u għamilna naqra brainstorming. Aħna dejjem għamilna programm li n-nies jistgħu jilagħbu logħob mid-dar bħalu; UEJJA huwa programm li n-nies jistgħu jilagħbu magħna mid-dar. Ħaġa li żammejna hi l-Music Machine għax tant kienet tintgħoġob u tant kienu jilagħbuha nies mid-dar li bilfors kellna nżommuha.

“Filli kollox frivolu għallprogramm UEJJA, filli f’daqqa waħda naqilbu fuq suġġetti vera serji.”

kull programm. Hemm qisu 6 logħbiet differenti matul il-programm u fl-aħħar hemm l-element tal-luck jekk jirbħux jew le.

Għaliex jismu UEJJA?

Meta konna qed naħsbu, konna qegħdin it-tim kollu flimkien u kulħadd beda joħroġ bl-ideat tal-isem talprogramm u kienet Mandy li ħarġet bl-isem UEJJA, u fil-fatt hi frażi li tintuża ħafna.

Ovvjament ilkom taħdmu fuqu dan il-programm. X’inhuma l-preparamenti bħalissa?

Mhux ħafna; ilna naħdmu fuqu xi xahrejn issa. Ikollna ħafna xogħol, aħna qegħdin tim ta’ produzzjoni ta’ sitta min-nies, kif ukoll erba’ edituri u l-kru tekniku. Allura bħalissa nkunu qed ngħaqqdu l-logħob, insibu l-mużika għall-music machine, niċċekkjaw li r-risposti tal-mistoqsijiet huma tajbin, nippreparaw il-filmati, iffilmjajna dik il-logħba tal-ħamsin persuna... Mandy qed tieħu ħsieb li tagħmel xi sorpriżi għan-nies, Jurgen qed jintervista lin-nies għax se nintroduċuhom b’filmat. Apparti hekk, minbarra UEJJA, it-tim tal-produzzjoni jieħu ħsieb programm ieħor, Topik, li ħa jippreżentah Quinton Scerri. Filli kollox frivolu għall-programm UEJJA, filli f’daqqa waħda naqilbu fuq suġġetti vera serji għall-programm Topik.

X’ħa jkun Topik?

Topik se jkun qed jidher fuq TVM News+ kull nhar ta’ Erbgħa fis-6.30pm u kull nhar ta’ nhar ta’ Ġimgħa fit-8.30pm. L-idea hi li l-Erbgħa nibdew b’diskussjoni u l-Ġimgħa tkompli d-diskussjoni b’mod differenti. It-topiks huma vagi ħafna. Fl-ewwel programmi, pereżempju, ħa nitkellmu fuq il-prostituzzjoni. Filmument qed nagħmlu esperimenti u investigazzjonijiet. Pereżempju għandna intervista ma’ mara li missierha daħħalha fil-prostituzzjoni meta kellha 12-il sena. Għandna programm fejn ħa nitkellmu fuq l-obeżità u l-anoressija, u għandna proprju nies li għaddew minn hemm u qed nagħmlu esperimenti fuq x’naħsbu li t-tfal jieklu, lil min jippreferu n-nies, is-saħħa x’tagħmel. Huma programmi interessanti ħafna għax mhux qed inħallu diskussjoni biss imma wkoll se jkun hemm ħafna filmati abbinati mat-topik. Qed naħdmu wkoll programm fuq ilmewt, għandekx tkun taf jew le li se tmut, jew jekk tkun taf, x’tagħmel, jew kif għandek tgħid lil xi ħadd li jkun se jmut, niddiskutu x’jiġri wara l-mewt u waqt li tkun qed tmut. It-topiks huma varji u qed naħdmu fuq affarijiet esklussivi fuq skala nazzjonali.

Taħseb li UEJJA jsegwi s-suċċess ta’ Ħadd Għalik?

Nibża'. Fil-verità ansjetà kbira, mhux faċli, inti meta titlaq xi ħaġa li tkun sejra tajjeb mhux faċli xejn għaliex terġa’ tibda kollox mill-bidu u naħseb li kieku m’għandix tim tajjeb lanqas biss tgħaddili minn moħħi. Fl-istess ħin għandek l-eċitament ta’ xi ħaġa ġdida totalment. Naħseb li fil-bidu ħa jkun hemm nies li ħa jogħġobhom ħafna iktar u ħa jkun hemm nies li se jgħidu aħjar żammejtu Ħadd Għalik. Però dik xi ħaġa normali għax jekk xi ħaġa kienu drawha, diffiċli biex tinqata’, anke għalina.

Il-Meme kienet waħda mill-udjenza li l-aktar kienet tiġi fis-sala ta’ Ħadd Għalik. Fl-aħħar edizzjoni, minħabba l-Covid-19, kienet hi biss fis-sala. X’qaltlek il-Meme meta saret taf li Ħadd Għalik daqshekk?

Ommi ma, għadni lanqas kellimtha lil Meme imma naħseb li qalet “u ejja”!

Darba Ħadd Għalik twaqqaf milli jixxandar u hemm ukoll invażawlek il-mobile bil-kummenti. X’kien ġara?

Dan m’ilux ħafna, mhux Diċembru li għadda imma ta’ qabel. It-tim tagħna jieħu ħsieb ukoll produzzjonijiet u events oħra, u dak iż-żmien konna qed nieħdu ħsieb L-Istrina u nibqa' niftakarha. Kien il-Ħadd u kellna l-ewwel rehearsal tal-entertainment kollu ta’ L-Istrina, u fl-istudjo kellna madwar 80 ruħ fi kmamar differenti, ma’ korjografi differenti qegħdin jitgħallmu ż-żfin ta’ L-Istrina. Tista' timmaġina jien kif inkun għax inkun qed nieħu ħsieb kollox, ħafna hassle. F'nofs dan il-ġenn kollu jċempluli biex jgħiduli li ħa jitwaqqaf Ħadd Għalik, kwarta qabel ma kien ħa joħroġ. Ġurnata qabel kont naf li kien hemm xi tip ta’ problema jekk joħroġx jew le, kont naf li min-naħa ta’ partit minnhom ma xtaqux li joħroġ, imma aħna ħriġna stqarrija li napprezzaw li ħassewhom hekk, imma l-programm huwa tajjeb biex joħroġ. Kien wasal żmien il-Milied, il-programm kien tad-daħk ħafna, kien

“Jien waħda minn dawk, ma tistax timmaġina kemm nirrilassa fuq tal-linja.”

tajjeb u kien hemm għaqda bejn żewġ partiti, li hija xi ħaġa li togħġobni u kien mingħalija li kollox ok.

Dak il-ħin xħin ma ħariġx, il-panik li tani kien kbir, għax partit partikolari jċempillek u jgħidlek għalfejn ma ħriġtux u l-partit l-ieħor qed jgħidlek aħna ma ridniex li joħroġ. Jien m’iniex persuna li nħobb nidħol ħafna fil-politika, imma l-PBS ħadu dik id-deċiżjoni u jiena ma stajtx nagħmel mod ieħor għalkemm ma qbiltx magħha. Imma għadda ż-żmien u ħriġna ħafna minnu fil-best of Ħadd Għalik għax minħabba l-Covid ma stajniex nibqgħu niffilmjaw Ħadd Għalik. Dak kien perjodu diffiċli ħafna għalina u kien fadlilna 9 programmi x’nirrekordjaw, u ddeċidejna li nagħmlu ġennata kbira li nagħmlu best of Ħadd Għalik ta’ 12-il sena. Dan ifisser li kellna naraw il-programmi kollha ta’ dawn l-aħħar 12-il sena, nagħżlu l-aqwa biċċiet minnhom u nagħmlu 9 programmi. Kienu niżlu tajjeb man-nies, imma x-xogħol li kien fihom kien immens u fosthom kien hemm ħafna klips minn dan il-programm fejn imbagħad iż-żewġ partiti kienu tawna l-permess li nużaw partijiet minn dan il-programm.

Xi ħaġa li se jimmissjaw in-nies huma l-isfidi bejn Mario u PJ. Kif bdew dawn?

Bdew vera b’ċikka. L-ewwel sfida kienet li jinżlu u jitilgħu t-taraġ tar-Riviera u kienu ħa jmutu għax dawn ma tantx huma fit, it-tnejn li huma. In-nies bdew jibagħtulna kemm intgħoġbot u bdew jivvintaw l-isfidi huma u spiċċajna nagħmluhom ta’ spiss. Imma dawn vera kienu jisfidaw lil xulxin, din ma kinetx ċajta għalihom, Mario u PJ huma ħbieb imma mhux waqt sfida. PJ ħa jkun miegħi fuq UEJJA, imma Mario le. Imma jien u Mario ħbieb kbar qisu għandna kuntratt għal dejjem, nagħmlu jew ma nagħmlux programmi flimkien, hemm ħbiberija enormi. Lil Mario nirrispettah daqslikieku kien ħija u anke hu jirrispettani ħafna.

Inti tagħmel dan kollu mingħajr ma ssuq. Kif jirnexxilek?

Imnalla ma nsuqx! Għax jien tant inkun għaddejja gas down, mobile u minn ħaġa għall-oħra li kieku nkun perikoluża fittriq. Irridu nifhmu li fil-ħajja mhux kullħadd tajjeb għal kollox; hemm nies li mhumiex tajbin biex isuqu, mhux billi għandhom il-liċenzja, imma għandhom jieqfu jsuqu. Jien waħda minnhom, m’iniex tajba biex insuq. Illum hawn ħafna mezzi biex tasal ’l hemm u ’l hawn, u issa biex tgħaxxaq, it-tifel qed jaħdem miegħi, allura ħafna mid-drabi jkolli mmur ix-xogħol miegħu – hemm taxis, jew id-driver tax-xogħol u jien ma niddejjaqx naqbad tal-linja. Jien waħda minn dawk. Ma tistax timmaġina kemm nirrilassa fuq tal-linja. Nieħu pjaċir noqgħod waħdi, nilbes il-headphones u noqgħod nisma’ d-diski u nibqa' nirrispondi l-emails fil-kwiet, vera nirrilassa.

Min jaf kemm iwaqqfuk in-nies fuq tal-linja!

Issa bil-maskra, bin-nuċċali u xagħri m’għadux ikun bilkuluri, allura n-nies ma tantx jagħrfuni. Imma jekk iwaqqfuni, inkellimhom bil-qalb kollha.

F’Settembru WE Media għandha l-maratona ta’ Bjorn. Kif qed tippreparaw?

Kollox f’daqqa; il-maratona ta’ Bjorn fis-26 ta’ Settembru u litteralment ġimgħa wara tibda l-iskeda. Bħal kull maratona, it-tensjoni tkun kbira ħafna. Programm jista' jmur ħażin, u jiddispjaċik, u forsi tagħmel xi lejl tibki, imma ma tkunx waqgħet id-dinja u ma tkun weġġajt lil ħadd, u ma tkunx għamilt xi differenza kbira fil-ħajja ta’ ħadd. Maratona mhux hekk. Maratona qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, allura t-tensjoni u l-pressjoni tkun enormi, u għalkemm nippruvaw ma nuruhiex hemm tkun. Jien ilni żmien twil naħdem ma’ WE Media, u kont għamilt ħafna snin naħdem fuq Xarabank, u meta sirna nafu li Joe Debono, li kien parti mill-familja tagħna ta’ Xarabank, għandu l-ALS, aħna ħadnieha bi kbira ħafna. Tgħidli hemm ħafna iktar nies, imma xi kultant when it hits home b’xi mod tifhimha iktar is-sitwazzjoni, anke meta tibda tagħmel il-clips u tiltaqa’ magħhom, tifhem aktar it-tbatija li jgħaddu minnha.

Anatole pereżempju, konna ħbieb żgħar, kien footballer, daqsi fl-età, tarah qed ibati, bilfors trid tgħin, din mhix maratona ta’ “u iva issa naraw x’jiġri”, m'hemmx ċans. Dawn in-nies u oħrajn qed jiddependu fuq dik il-ġurnata li tista' tibdlilhom ħajjithom jew tagħmlilhom ħajjithom ftit aktar faċli. Għalhekk il-maratoni huma stress kbira għalija, imma s-sodisfazzjon li nieħu wara, meta jkunu marru tajjeb, indiskrivibbli, tant li wara maratona ma norqodx bl-adrenalina li jkolli. Jiena naf li jekk Bjorn ma jiġborx biżżejjed flus, Bjorn ħa jkollu jħalli lin-nies barra, daqshekk serja għalija. Kif nista’ jien lil Joe Debono jekk ikollu bżonn Dar Bjorn jew lil Anatole, li nafhom personali u lill-oħrajn li ltqajt magħhom matul il-preparamenti tal-maratona, kif nista’ jien ngħidilhom ma nistax ngħinek – x’se jagħmlu dawn? Il-pressure għalhekk hi kbira. Issa aħna nħossuha waqt il-preparamenti tal-maratona xi tliet xhur qabel, immaġina Bjorn kemm ikollu iktar pressure għax jaħdmu kuljum fiha, l-istress li jkollok għax in-nies jiddependu fuqek, kemm hi diffiċli. Għalhekk napprezza l-ġenerożità tal-poplu Malti. Nispera li fis-26 ta’ Settembru kulħadd jerġa’ jingħaqad mhux għax Bjorn għandu bżonn l-għajnuna, imma għax Bjorn għandu bżonn l-għajnuna biex jgħin lil ħaddieħor.

It-tim ta’ GWIDA jixtieq jawgura lit-tim kollu tal-WE MEDIA għall-programmi tagħhom.

This article is from: