5 minute read
Intervista ma’ Mireille Bonello – Il-ħanut, it-televiżjoni u l-irwol ġdid ta’ omm
MIREILLE BONELLO
Advertisement
Iltqajna ma’ Mireille Bonello; wiċċ simpatiku u personalità versatili... preżentatriċi, xandara, mudella u imprenditriċi. Lil Mireille rajnieha tippreżenta diversi programmi fuq NET Television u fl-iskeda t’Ottubru tas-sena l-oħra rajnieha tippreżenta Kikkra Te. F’Settembru bdiet Net FM fejn kellha l-programm Rush Hour. Fl-intervista li għamilna magħha, Mireille tgħidilna li s-sena l-oħra kienet waħda speċjali hekk kif rat il-bidu tal-karriera tagħha fuq ir-radju.
“Ir-radju kien ta’ sfida kbira għalija, mhux għax kont qed nagħmel il-programm ta’ filgħodu biss, iżda qatt ma immaġinajt ruħi naħdem fih. Kont inqum fil-ħamsa ta’ filgħodu kuljum biex nagħmel il-breakfast show ta’ Net FM. Qabel kont ngħid li xogħol fuq ir-radju ma jgħoddx għalija ghax kont ċerta li ser idejjaqni; ghalhekk kelli d-dubji, imma mbagħad ħeġġewni u aċċettajt. Kieku ma konniex fiż-żmien il-Covid, li kien żmien iebes, ma naħsibx li kont nidħol fid-dinja tar-radju. Fil-passat kelli offerti biex nidħol fir-radju, imma qatt ma aċċettajt. Spiċċajt biex ħadt pjaċir ħafna nagħmlu,” tistqarr Mireille.
Flimkien mar-radju, Mireille tippreżenta wkoll fuq in-Net Television u din is-sena rajnieha fi programm ta’ kuljum bl-isem ta’ Kikkra Te flimkien ma’ Valerie Vella u Marco Calleja. “Bħala tim vera qbilna u morna tajjeb ħafna. Meta tagħmel programm ta’ siegħa u nofs kuljum mhux faċli. Tal-inqas il-produzzjoni kienet kollha f’idejn Marco, iżda xi kultant jien u Valerie konna nagħtu daqqa t’id u nistiednu xi mistiedna wkoll. Bil-ħanut kien ikolli ftit limitazzjonijiet, però ħdimna tajjeb ħafna. Kienet l-ewwel darba li ħdimt ma’ Valerie. Aħna t-tnejn opposti, però meta niġu biex naħdmu flimkien jirnexxilna noħorġu sinerġija ħelwa bejnietna.” Iżda għal xahrejn sħaħ, Mireille tgħib minn fuq ilprogramm u r-radju. Fuq il-mezzi soċjali avżat li kienet ser tieqaf għal ftit xhur. B’aħbar tajba Mireille tgħidilna li qed tistenna l-ewwel tarbija u li kien hemm bżonn li tieħu ftit ġimgħat brejk dak iż-żmien. Għalhekk minn qalbna nawguraw lil Mireille u lill-maħbub tagħha l-isbaħ xewqat hekk kif f’Ottubru, proprju mal-iskeda l-ġdida, ser isiru ġenituri ta’ tifla. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, Mireille rritornat għall-programm u kompliet bir-rutina tagħha.
L-imħabba għall-ħanut tagħha tispikka u minn kliemha stajna nifhmu kemm dan il-proġett hu għal qalbha. Mireille tqisu bħala t-tarbija tagħha, “Dan ma kienx xi ħaġa li writt mingħand il-familja tiegħi, iżda kien proġett li ħdimt għalih, poġġejt saħħti kollha u llum kburija ngħid li għalaqna għaxar snin. Il-ħanut inqisu l-ewwel tarbija tiegħi...” tgħidilna bi tbissima.
Bħal kull negozju ieħor, il-ħanut ta’ Mireille ġie affettwat ukoll bil-pandemija. “Bħal ħaddieħor, għamilt
xhur magħluqa li ma kinitx xi ħaġa faċli għalija. Talinqas kelli t-televiżjoni u r-radju għaddejjin, imma x-xogħol full-time tiegħi kien wieqaf. Minkejja li ftaħna, xorta waħda għadna ma qbadniex ir-ritmu daqs qabel. Peress li l-ħanut jispeċjalizza f’ilbiesi tat-tieġ u t-tiġijiet mhux qed isiru bħal qabel, ħadna daqqa kbira,” tgħidilna. “S’issa t-tiġijiet jistgħu jsiru imma b’mod limitat u kulħadd irid jibqa’ bilqiegħda. Din ovvjament kienet xi ħaġa li bidlet id-dinamika tat-tiġijiet f’pajjiżna, fejn qabel konna mdorrijin mmorru għal tieġ bilwieqfa u kulħadd jiżfen.”
“Meta għandek mara, ma tistax toqgħod bilwieqfa u turi l-libsa tagħha, lin-negozju tagħna m’għinniex. Għalhekk għalija u negozji bħali ma nistgħux ngħidu li qegħdin bħal qabel. Iżda minn lenti personali, filpandemija sibt ħafna ħin għalija nnifsi u kelli ċ-ċans li nesperimenta f’affarijiet li qatt ma kont ħlomt qabel,” tistqarr Mireille.
Apparti l-moda u l-midja, Mireille tħobb ħafna l-matematika u l-finanzi. Għamlet xi żmien tistudja biex tilħaq accountant, iżda l-ħanut tagħha dak iżżmien kien prijorità. “Nixtieq ħafna nkompli l-istudji tiegħi, min jaf forsi jkolli ċ-ċans li nlestih il-kors! Kieku kelli nieqaf mill-ħanut naħseb dik it-triq li naqbad żgur! Is-suġġett jogħġobni ħafna, studju b’mod intensiv, u għamilt 13-il sena naħdem fl-accounts. Min-naħa l-oħra, il-moda kienet xi ħaġa li dħalt fiha minħabba l-familja tiegħi. Kemm il-moda, kif ukoll il-finanzi huma żewġ oqsma li jinteressawni immens,” tgħidilna fl-intervista.
U tafu kif bdiet Mireille fil-midja? Peress li l-familja ta’ Mireille kellha ħanut tal-ħwejjeġ tat-tfal, kienet timmudella hemmhekk. Ta’ sittax-il sena, Mireille kienet ġiet avviċinata minn Sue Rossi u bdiet timmudella b’mod professjonali. Ftit wara, Ivan Gaffiero kien għamel kuntatt magħha sabiex tibda tippreżenta miegħu. “Ma’ Ivan Gaffiero preżentajt l-ewwel programm, ’Il bogħod mill-vizzju. Minn hemm kompliet tkabbar il-portafoll tagħha. Wieħed mill-programmi l-iktar popolari ta’ Mireille kien, Pop In, li kien jixxandar fuq TVM fl-2003.
“Kien programm li kont nippreżentah ma’ Jonathan Abel. Dak il-programm kien jixxandar minn Axis. Programm interessanti immens, li minnu konna nagħżlu l-kantanti li kienu ser jitilgħu bħala backing vocalists mal-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Song For Europe. Ira kienet għadha kemm tikklassifika fit-tieni post u dak iż-żmien żdied l-eċitament. Ir-rebbieħa kienu marru jkantaw ma’ Lynn Chircop. Kienet sena fejn kont ukoll ippreżentajt il-festival flimkien ma’ Gianni u kont waħda mill-iżgħar preżentatriċi li qatt preżentaw il-festival,” tiżvela Mireille.
Minn dak iż-żmien għaddew 18-il sena. “Issa għalaqt l-40 sena, il-ħajja tinbidel xi ftit. Filħajja għaddejt minn esperjenzi li tgħallimt minnhom, kbirt u immaturajt,” tgħidilna b’daħka. Tlabnieha tgħidilna liema kienet l-aktar ħaġa ta’ sodisfazzjon li wettqet
f’ħajjitha u bla tlaqliq Mireille tirrispondi, “il-ħanut hi l-aktar ħaġa għal qalbi”. Fatt kurjuż dwar l-isem tal-ħanut hu minn fejn oriġina parti mill-isem Mimi, “Ħija għaxar snin iżgħar minni, ismi ma kienx idurlu u kien jgħajjatli Mimi. Dan l-isem baqa’ sinonimu miegħi, allura ddeċidejt li nżidu wkoll.”
Mistoqsija li qbadna lil Mireille fuq sieq waħda kienet, “Tgħidilna liema preżentaturi jafu jilbsu?”. Bħala persuna midħla ħafna tal-moda, ma stajniex ma nagħmlux din il-mistoqsija kemxejn nebbiexa. Wara ftit ħsieb, Mireille tagħżel lil Stephanie Spiteri u lil Moira Delia. “Dawn ittnejn l-ewwel li ġewni f’moħħni għall-istil tagħhom. Ħafna preżentaturi oħrajn huma konservattivi ħafna u joqogħdu attenti li ma jdejqux lit-telespettaturi. Meta xi ħadd ikun fuq it-televiżjoni, il-mod ta’ kif jidher huwa essenzjali. Nemmen li hija parti mix-xow li qed tagħti.” Bejn ix-xogħol u l-midja, kif tirrilassa Mireille? “Jien inħobb nara ħafna programmi Taljani u l-hena tiegħi nara Netflix. Il-ħanut jeħodli ħafna mill-ħin tiegħi u l-ftit ħin ieħor li jkolli liberu nqattgħu barra flimkien mal-aktar għeżież tiegħi. Jien nippreferi nitlaq ’il barra u sakemm ikun is-sajf, nippreferi noħroġ u niltaqa’ ma’ koppji ħbieb tagħna.”
Ser inkomplu narawha? Bħalissa Mireille qed tiffoka fuq it-twelid tat-tarbija tagħha u tinsab ferm eċitata għal dan il-pass. Min-naħa l-oħra fuq it-televiżjoni, Mireille tgħidilna li m’hemm xejn konkret, “Meta nara li t-tarbija hija fi ħdani, nara li kollox ikun mar sew, nadatta għall-ħajja f’dan l-irwol ġdid issa, imbagħad inkun nista’ niddeċiedi fuq il-proġetti futuri tiegħi.”
Awguri Mireille. Ċertament li bħalma bbrillajt f’kull qasam li kont preżenti fih, ser tibbrilla bħala omm ukoll.